Laikos

 

ĠUBLEW TAL-MORDA U TAL-QASAM TAS-SAĦĦA

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MOQRIJA MILL-E.T. MONS. RINO FISICHELLA

 

Pjazza San Pietru

Il-V Ħadd tar-Randan, 6 ta’ April 2025

 

“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?” (Iż 43:19). Dawn huma l-kelmiet li Alla, permezz tal-Profeta Iżaija, jgħid lill-poplu ta’ Iżrael fl-eżilju f’Babilonja. Għal-Lhud dan hu żmien diffiċli, donnu kollox jidher mitluf. Ġerusalemm ġiet mirbuħa u mfarrka mis-suldati tar-Re Nebukadnessar II u l-poplu, itturufnat, ma fadallu xejn. Ix-xefaq jidher magħluq, il-futur mudlam, kull tama mxejna. Kollox jista’ jidher qed iwassal lill-eżiljati biex jitilfu kull tama, biex jirrassenjaw ruħhom b’mod ħażin, biex iħossuhom li m’għadhomx imbierka minn Alla.

 

Imma, proprju f’dan il-kuntest, l-istedina tal-Mulej hi biex nilqgħu xi ħaġa ġdida li għadha qed titwieled. Mhux ħaġa li għad tiġri fil-futur, imma li diġà qed isseħħ, li qed twarrad bħal fergħa ġdida. X’inhi din? X’jista’ jitwieled, anzi x’jista’ jkun ġa warrad f’panorama deżolata u ta’ disperazzjoni bħalma hi din?

 

Dak li qed jitwieled huwa poplu ġdid. Poplu li, issa li ġġarrfu ċ-ċertezzi foloz tal-imgħoddi, skopra dak li hu essenzjali: li jibqgħu magħqudin u jimxu flimkien fid-dawl tal-Mulej (ara Iż 2:5). Poplu li jista’ jerġa’ jibni lil Ġerusalemm għax, imbiegħed mill-Belt Imqaddsa, bit-Tempju mfarrak, bla ma jista’ jiċċelebra iżjed liturġiji solenni, tgħallem jiltaqa’ mal-Mulej b’mod ieħor: fil-konverżjoni tal-qalb (ara Ġer 4:4), fil-prattika tal-liġi u tal-ġustizzja, f’li jieħu ħsieb ta’ min hu fqir u fil-bżonn (ara Ġer 22:3), fl-opri tal-ħniena.

 

Dan huwa l-istess messaġġ li, b’mod differenti, nistgħu nilmħu anki fis-silta tal-Vanġelu (ara Ġw 8:1-11). Hawn ukoll għandna persuna, mara, li ħajjitha tfarrket: mhux minn eżilju ġeografiku, imma minn kundanna morali. Hija midinba, u għalhekk imbiegħda mil-liġi u kkundannata għall-esklużjoni u għall-mewt. Għaliha wkoll jidher li ma għadx fadal tama. Imma Alla ma jitlaqhiex. Anzi, proprju meta dawk li ressquha għall-mewt diġà qed jagħfsu l-ġebliet f’idejhom, proprju hemm, Ġesù jidħol fil-ħajja tagħha, jiddefendiha u jaħtafha minn taħt il-vjolenza tagħhom, u jagħtiha l-possibbiltà li tibda ħajja ġdida: “Mur”, jgħidilha, “inti ħielsa”, “int salvata” (ara v. 11).

 

B’dawn ir-rakkonti drammatiċi u kommoventi, il-liturġija tistedinna llum inġeddu, fil-mixja tar-Randan, il-fiduċja tagħna f’Alla, li hu dejjem preżenti qrib tagħna biex isalvana. Ma hemmx eżilju, lanqas vjolenza, lanqas dnub, lanqas ebda realtà oħra tal-ħajja li tista’ żżommu milli jersaq quddiem il-bieb tagħna u jħabbat, lest biex jidħol ġewwa malli nħalluh (ara Apok 3:20). Anzi, speċjalment meta l-provi jsiru aktar ibsin, il-grazzja tiegħu u l-imħabba tiegħu jiġbduna iktar bil-qawwa biex jerġgħu jerfgħuna.

 

Ħuti, qed naqraw dawn it-testi aħna u niċċelebraw il-Ġublew tal-Morda u tal-Qasam tas-Saħħa, u ċertament il-mard hu waħda mill-provi l-aktar diffiċli u ibsin tal-ħajja, fejn immissu b’idejna kemm aħna dgħajfin. Dan jista’ jasal biex iġagħalna nħossuna bħall-poplu fl-eżilju, jew bħall-mara tal-Vanġelu: mingħajr tama għall-futur. Imma mhuwiex hekk. Imqar f’dawn il-mumenti, Alla ma jitlaqniex waħidna u, jekk nintelqu f’idejh, proprju hemm fejn is-saħħa tagħna tonqosna, nistgħu nduqu l-faraġ tal-preżenza tiegħu. Hu stess, li sar bniedem, ried jaqsam fid-dgħufija kollha tagħna (ara Fil 2:6-8) u jaf tajjeb x’inhi t-tbatija (ara Iż 53:3). Għalhekk lilu nistgħu ngħidu u nafdaw in-niket tagħna, żguri li se nsibu mogħdrija, qrubija u ħlewwa.

 

Imma mhux biss. Fil-fatt, fl-imħabba fiduċjuża tiegħu hu jdaħħalna sħab miegħu biex nistgħu nsiru aħna wkoll, għal xulxin, “anġli”, messaġġiera tal-preżenza tiegħu, sal-punt li spiss, kemm għal min ibati u kemm għal min ikun jgħinu, is-sodda tal-marid tista’ tinbidel f’“post qaddis” ta’ salvazzjoni u ta’ fidwa.

 

Għeżież tobba, infermiera u ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, waqt li tieħdu ħsieb tal-pazjenti tagħkom, speċjalment tal-iktar dgħajfa fosthom, il-Mulej qed joffrilkom l-opportunità li ġġeddu kontinwament il-ħajja tagħkom, u timlewha bi gratitudni, bi ħniena, b’tama (ara Bolla Spes non confundit, 11). Isejħilkom iddawluha bl-għarfien umli li xejn ma hu hemm bl-addoċċ u li kollox huwa don ta’ Alla; biex issaħħuha b’dik l-umanità li tinħass meta, wara li nkunu ħallejna l-apparenzi jaqgħu, jibqa’ biss dak li jiswa: il-ġesti ċkejkna u kbar tal-imħabba. Ħallu l-preżenza tal-morda tidħol bħal don fil-ħajja tagħkom, biex tfejjaq il-qalb tagħkom, issaffiha minn dak kollu li mhuwiex imħabba u ssaħħanha mill-ġdid bin-nar iħeġġeġ u ħelu tal-mogħdrija.

 

Imbagħad, flimkien magħkom, għeżież ħuti morda, f’dan il-mument tal-ħajja tiegħi naqsam ħafna: l-esperjenza tal-mard, li nħossuna dgħajfa, li niddependu minn xulxin f’tant ħwejjeġ, li għandna bżonn min iweżinna. Mhux dejjem faċli dan, imma hija skola li fiha nitgħallmu ta’ kuljum inħobbu u nħallu lil min iħobbna, bla ma nippretendu u bla ma nirrifjutaw, bla ma noqogħdu nibku lilna nfusna u bla ma niddispraw, grati lejn Alla u lejn ħutna għall-ġid li nirċievu, mitluqa u fiduċjużi f’dak li għad irid jiġi. Il-kamra tal-isptar u s-sodda tal-mard jistgħu jkunu postijiet li fihom nisimgħu l-leħen ta’ Alla li lilna wkoll jgħidilna: “Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?” (Iż 43:19). U hekk inġeddu u nseddqu l-fidi.

 

Benedittu XVI – li tana xhieda mill-isbaħ ta’ serenità fiż-żmien tal-mard tiegħu – kiteb li “l-qies tal-umanità jitkejjel essenzjalment bir-relazzjoni mat-tbatija” u li “soċjetà li ma jseħħilhiex tilqa’ ’l dawk li jbatu […] hija soċjetà kiefra u ma għandhiex mill-bnedmin” (Ittra enċiklika Spe salvi, 38). Huwa minnu dan: meta naffrontaw flimkien it-tbatija nsiru iktar bnedmin u meta naqsmu l-uġigħ u n-niket, din issir tappa importanti f’kull mixja ta’ qdusija.

 

Għeżież, ejjew ma nwarrbux lil min hu dgħajjef bogħod minn ħajjitna, kif b’xorti ħażina llum xi drabi qed tagħmel ċerta xejra ta’ mentalità, ejjew ma niżolawx it-tbatija mill-ambjenti tagħna. Pjuttost nagħmlu minnha okkażjoni biex nikbru flimkien, biex nikkultivaw it-tama grazzi għall-imħabba li qabelxejn Alla sawwab fi qlubna (ara Rum 5:5) u li, lil hemm minn kollox, hi dak li jibqa’ għal dejjem (ara 1 Kor 13:8-10,13).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard