QUDDIESA IN CŒNA DOMINI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Casa Circondariale Minorile ta’ Casal del Marmo

Ħamis ix-Xirka, 6 ta’ April 2023

 

Jiġbed l-attenzjoni tagħna kif Ġesù, proprju awl il-lejl qabel ma ġie mislub, jagħmel dan il-ġest. Li taħsel ir-riġlejn, kienet drawwa f’dak iż-żmien għax it-toroq kienu mimlijin trab, in-nies kienet tiġi minn barra u hi u dieħla d-dar, qabel l-ikel, qabel jiltaqgħu, kienu jaħslu r-riġlejn. Imma min kien jaħsilhom ir-riġlejn? L-ilsiera, għax dan kien xogħol l-ilsiera. Nistgħu nimmaġinaw kif baqgħu mbellha d-dixxipli meta raw lil Ġesù jibda jagħmel dan il-ġest ta’ lsir. Imma hu jagħmlu biex ifehemhom il-messaġġ tal-jum ta’ wara meta kellu jmut bħal ilsir, biex iħallas għad-dejn tagħna lkoll. Jekk aħna nisimgħu dawn il-ħwejjeġ ta’ Ġesù, il-ħajja tkun hekk sabiħa għax inħaffu ngħinu lil xulxin, flok ma naraw kif ħa nidħku b’xulxin, kif ħa napprofittaw b’xulxin, kif jgħallmuna dawk ta’ moħħhom jilħqilhom. Kemm hi ħaġa sabiħa li ngħinu lil xulxin, nagħtu daqqa t’id: huma ġesti umani, universali, imma li jitwieldu minn qalb ġeneruża. U Ġesù llum b’din iċ-ċelebrazzjoni dan irid jgħallimna: il-kobor tal-qalb. Kull wieħed minna forsi jgħid: “Imma kieku l-Papa kien jaf x’għandi ġo fija…”. Imma Ġesù dan jafu u jħobbna hekk kif aħna, u jaħsel ir-riġlejn tagħna lkoll. Ġesù qatt ma jibża’ mid-dgħufijiet tagħna, qatt ma jibża’ għax hu ġa ħallas, irid biss jakkumpanjana, irid jaqbdilna jdejna biex il-ħajja ma tkunx tant iebsa għalina. Jien se nagħmel l-istess ġest tal-ħasil tar-riġlejn, imma din mhix xi ħaġa folkloristika, le. Ejjew naħsbu li dan hu ġest li jħabbar kif għandna nkunu aħna, wieħed mal-ieħor. Fis-soċjetà naraw kemm nies japprofittaw mill-oħrajn, kemm nies huma mrekknin u mhux jirnexxilhom joħorġu. Kemm inġustizzji, kemm nies bla xogħol, kemm nies li jaħdmu u jitħallsu bin-nofs, kemm nies li m’għandhomx flus biex jixtru l-mediċini, kemm familji mkissra, kemm ħwejjeġ koroh… U ħadd minna ma jista’ jgħid: “Jien għall-grazzja ta’ Alla m’iniex hekk, ta” – “Jekk jien m’iniex hekk, dan bi grazzja ta’ Alla!”; kull wieħed minna jista’ jiżloq, kull wieħed. U dan l-għarfien, din iċ-ċertezza li kull wieħed minna jista’ jiżloq hi dak li jagħtina d-dinjità – isimgħuha l-kelma: id-“dinjità” – li nkunu midinba. U Ġesù jridna hekk u għalhekk ried jaħsel ir-riġlejn u jgħid: “Jiena ġejt biex insalva lilkom, biex naqdi lilkom”. Issa jien se nagħmel l-istess bħala tifkira ta’ dak li Ġesù għallimna: ngħinu lil xulxin. U hekk il-ħajja tkun isbaħ u nistgħu nibqgħu mexjin. Waqt il-ħasil tar-riġlejn – nittama li jirnexxili għax ma nistax nimxi tajjeb – imma tul il-ħasil tar-riġlejn intom aħsbu ftit: “Ġesù ħasilli riġlejja, Ġesù salvani, u bħalissa għandi din id-diffikultà”. Imma tgħaddi, il-Mulej hu dejjem qrib tiegħek, qatt ma jitilqek, qatt. Aħsbu f’dan.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard