QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Is-Sibt 6 ta’ Jannar 2024

 

Il-Maġi jitilqu fi vjaġġ ifittxu lis-Sultan li twieled. Huma xbieha tal-popli mexjin ifittxu lil Alla, tal-barranin li kienu ġew imwassla lejn l-għolja tal-Mulej (ara Iż 56:6-7), tal-imbegħdin li issa jistgħu jisimgħu t-tħabbira tas-salvazzjoni (ara Iż 33:13), tal-mitlufin kollha li jisimgħu s-sejħa ta’ leħen familjari. Għax issa, fil-ġisem tat-Tarbija ta’ Betlehem, il-glorja tal-Mulej dehret lill-ġnus kollha (ara Iż 40:5), u “kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla” (Lq 3:6). Huwa l-pellegrinaġġ uman, ta’ kull wieħed u waħda minna, mill-bogħod għall-qrib.

 

Il-Maġi għandhom għajnejhom merfugħa lejn is-sema, imma riġlejhom mexjin fuq l-art u qalbhom mixħuta f’adorazzjoni. Nirrepeti: għajnejhom merfugħa lejn is-sema, riġlejhom mexjin fuq l-art, u qalbhom mixħuta f’adorazzjoni.

 

Qabelxejn, il-Maġi għandhom għajnejhom merfugħa lejn is-sema. Għandhom fihom in-nostalġija tal-infinit u l-ħarsa tagħhom hi attratta lejn il-kwiekeb tas-sema. Ma jgħixux iħarsu lejn il-ponot ta’ subgħajhom, magħluqa fihom infushom, ilsiera ta’ xefaq ta’ din l-art, imkaxkra mir-rassenjazzjoni jew mit-tgergir. Huma jerfgħu rashom, biex jistennew dawl li jdawwal is-sens ta’ ħajjithom, salvazzjoni li tiġi mill-għoli. U hekk jaraw tielgħa quddiemhom kewkba, li ddawwal iżjed minn kull oħra, li tiġbidhom lejha u twassalhom biex jibdew mexjin. Dan hu l-muftieħ li fih it-tifsira vera tal-ħajja tagħna: jekk ngħixu magħluqin fil-perimetru ristrett tal-ħwejjeġ ta’ din l-art, jekk nimxu b’rasna baxxuta ostaġġi tal-fallimenti u d-dispjaċiri tagħna, jekk aħna mġewħin għall-ġid u għall-konsolazzjonijiet ta’ din id-dinja – li llum hawn u għada ma jkunux iżjed – flok inkunu fittiexa tad-dawl u tal-imħabba, ħajjitna tintefa. Il-Maġi, għalkemm huma barranin u għadhom ma ltaqgħux ma’ Ġesù, jgħallmuna nħarsu fil-għoli, u jkollna l-ħarsa tagħna lejn is-sema, nerfgħu ħarsitna lejn l-għoljiet mnejn tiġina l-għajnuna, għax l-għajnuna tagħna tiġi mill-Mulej (ara Salm 121:1-2).

 

Ħuti, għajnejna lejn is-sema! Għandna bżonn li jkollna ħaristna fl-għoli anki biex nitgħallmu naraw ir-realtà mill-għoli. Għandna bżonnu dan fil-mixja tal-ħajja, biex inħallu l-ħbiberija tal-Mulej timxi magħna, l-imħabba tiegħu li tweżinna, id-dawl tal-Kelma tiegħu li jmexxina bħal kewkba billejl. Għandna bżonnu dan fil-mixja tal-fidi, biex ma tispiċċax biss ġabra ta’ prattiċi reliġjużi jew libsa ta’ barra, imma ssir nar li jkebbisna minn ġewwa u jagħmilna fittiexa appassjonati tal-wiċċ tal-Mulej u xhieda tal-Vanġelu tiegħu. Għandna bżonnu dan fil-Knisja, fejn, flok ma ninfirdu bejnietna minħabba l-ideat tagħna, aħna msejħin nerġgħu npoġġu lil Alla fiċ-ċentru. Għandna bżonnu dan biex inwarrbu l-ideoloġiji ekkleżjastiċi, biex insibu s-sens ta’ Ommna l-Knisja Mqaddsa, l-habitus ekkleżjali. Ideoloġiji ekkleżjastiċi, le; vokazzjoni ekkleżjali, iva. Il-Mulej, u mhux l-ideat tagħna jew il-proġetti tagħna, għandu jkun fiċ-ċentru. Ejjew nerġgħu nibdew minn Alla, infittxu fih il-kuraġġ li ma neħlux quddiem id-diffikultajiet, il-qawwa li negħlbu x-xkiel kollu, il-ferħ li ngħixu fil-komunjoni u fl-għaqda.

 

Il-Maġi mhux biss iħarsu lejn il-kewkba, il-ħwejjeġ għoljin, imma għandhom ukoll riġlejhom mexjin fuq l-art. Huma jitilqu għal vjaġġ lejn Ġerusalemm, u jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled, sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh” (Mt 2:2). Ħaġa waħda: ir-riġlejn marbuta mal-kontemplazzjoni. Il-kewkba li tixgħel fis-sema twassalhom biex jimxu t-toroq ta’ din l-art; waqt li jerfgħu rashom lejn l-għoli huma jaslu biex jinżlu fil-baxx; huma u jfittxu lil Alla huma mibgħuta jsibuh fil-bniedem, f’Tarbija mimduda f’maxtura, għax Alla ta’ kobor bla tarf deher f’dan iċ-ċkejken, ċkejken bla tarf. Trid l-għerf, trid l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex tifhem il-kobor u ċ-ċokon fil-manifestazzjoni ta’ Alla.

 

Ħuti, riġlejna mexjin fuq l-art! Id-don tal-fidi ma ngħatalniex biex nibqgħu ħarsitna msammra fis-sema (ara Atti 1:11), imma biex nimxu fit-toroq tad-dinja bħala xhieda tal-Vanġelu; id-dawl li jdawwal il-ħajja tagħna, il-Mulej Ġesù, ma ngħatalniex biss biex ifarraġna fl-iljieli tagħna, imma biex niftħu xquq ta’ dawl qalb id-dlamijiet ħoxnin li bihom huma mdawrin tant sitwazzjonijiet soċjali; lil Alla li jiġi jżurna ma nsibuhx billi nibqgħu mwaħħlin f’xi teorija sabiħa reliġjuża, imma biss jekk nibdew mexjin, infittxu s-sinjali tal-preżenza tiegħu fir-realtajiet ta’ kuljum u, fuq kollox, meta niltaqgħu u mmissu l-ġisem ta’ ħutna. Ħaġa sabiħa nikkontemplaw lil Alla, imma tħalli l-frott biss jekk nirriskjaw, ir-riskju tal-qadi li nwasslu lil Alla. Il-Maġi jfittxu lil Alla, Alla l-kbir, u jsibu Tarbija. Dan hu importanti: niltaqgħu ma’ Alla fid-demm u l-laħam, fl-uċuħ li ta’ kuljum jgħaddu minn ħdejna, speċjalment dawk tal-iżjed foqra. Il-Maġi, fil-fatt, jgħallmuna li l-laqgħa ma’ Alla dejjem tiftaħna għal tama ikbar, li tbiddlilna l-istil ta’ ħajjitna u tgħinna nbiddlu d-dinja. Benedittu XVI stqarr: “Jekk tonqos il-vera tama, infittxu l-ferħ f’dak li jgħaddi, f’dak li hu tal-wiċċ, fl-affarijiet żejda, u nirvinaw lilna nfusna u lid-dinja. […] Għalhekk hemm bżonn ta’ bnedmin li jkollhom tama kbira u allura ħafna kuraġġ. Il-kuraġġ tal-Maġi, li qabdu vjaġġ twil mexjin wara kewkba, u li għarfu jinżlu għarkupptejhom quddiem Tarbija u joffrulu doni prezzjużi” (Omelija, 6 ta’ Jannar 2008).

 

Fl-aħħar nett, ejjew naħsbu wkoll kif il-Maġi għandhom qalbhom mixħuta f’adorazzjoni. Iħarsu lejn il-kewkba fis-sema, imma ma jistkennux f’devozzjoni maqtugħa mill-art; jivvjaġġaw, imma ma jiġġerrewx bħal turisti mingħajr destinazzjoni. Huma waslu Betlehem u, meta raw it-Tarbija, “inxteħtu fl-art iqimuh” (Mt 2:11). Imbagħad fetħu r-rigali tagħhom u offrewlu deheb, inċens u mirra. “B’dawn id-doni mistiċi juruna min hu dak li qed jaduraw: bid-deheb jistqarru li hu Sultan, bl-inċens li hu Alla, bil-mirra li hu bniedem li jmut” (San Girgor il-Kbir, Omelija X fil-jum tal-Epifanija, 6). Sultan li ġie biex jaqdina, Alla li sar bniedem. Quddiem dan il-misteru, aħna msejħin inbaxxu qalbna u rkupptejna biex naduraw: naduraw lil Alla li jiġi fiċ-ċkunija, li jgħammar fin-normalità tad-djar tagħna, li jmut għall-imħabba. Alla li, “waqt li wera ruħu fil-kobor tas-sema bis-sinjali tal-kwiekeb, għamel li jsibuh […] f’kenn ċkejken; dgħajjef fil-ġisem ta’ tarbija, imfisqi fil-faxex ta’ tarbija tat-twelid qiemuh il-Maġi u twerwru minnu l-ħżiena” (Santu Wistin, Diskorsi, 200). Ħuti, aħna tlifna d-drawwa li naduraw, tlifnieha din il-ħila li tagħtina l-adorazzjoni. Ejjew niskopru mill-ġdid il-gost tat-talb ta’ adorazzjoni. Nagħrfu lil Ġesù bħala Alla tagħna, bħala Mulej tagħna, u naduraw. Illum il-Maġi jistednuna naduraw. Illum hi nieqsa minn fostna l-adorazzjoni.

 

Ħuti, bħall-Maġi, ejjew nerfgħu għajnejna lejn is-sema, nimxu aħna u nfittxu lill-Mulej, inbaxxu qalbna fl-adorazzjoni. Inħarsu lejn is-sema, nimxu u naduraw. U nitolbu l-grazzja li ma nitilfu qatt il-kuraġġ: il-kuraġġ li nkunu fittiexa ta’ Alla, bnedmin ta’ tama, ħalliema qalbiena li jgħarblu s-smewwiet, il-kuraġġ tal-perseveranza fil-mixi tagħna fit-toroq tad-dinja, bl-għeja tal-mixi veru, u l-kuraġġ li naduraw, il-kuraġġ li nħarsu lejn il-Mulej li jdawwal lil kull bniedem. Jagħtina l-Mulej din il-grazzja, fuq kollox il-grazzja li nagħrfu naduraw.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard