QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar 2023

 

Bħal kewkba tielgħa (ara Num 24:17), Ġesù jiġi jdawwal lill-popli kollha u l-iljieli tal-umanità. Mal-Maġi, aħna u nerfgħu ħarsitna lejn is-sema, aħna wkoll illum, nistaqsu: “Fejn hu dak li twieled?” (Mt 2:2). Jiġifieri, liema huwa l-post li fih nistgħu nsibu u niltaqgħu mal-Mulej tagħna?

 

Mill-esperjenza tal-Maġi, nifhmu li l-ewwel “post” li fih Hu jrid li jiġi mfittex hu t-tħassib tal-mistoqsijiet. L-avventura affaxxinanti ta’ dawn l-għorrief tal-Lvant tgħallimna li l-fidi ma titwelidx mill-merti tagħna jew mir-raġunamenti teoretiċi tagħna, imma hija don ta’ Alla. Il-grazzja tiegħu tgħinna nistenbħu mill-apatija u nagħmlu wisa’ għall-mistoqsijiet importanti tal-ħajja, mistoqsijiet li jaqilgħuna mill-preżunzjoni tagħna li kollox qiegħed sew u jiftħuna għal dak li jmur lil hemm minna. Fil-Maġi għall-bidu hemm dan: it-tħassib ta’ min jagħmel il-mistoqsijiet. Mimlija b’nostalġija qawwija għall-infinit, huma jiflu s-smewwiet u jħallu d-dija ta’ kewkba tgħaġġibhom, ħaġa li tirrappreżenta t-tensjoni għat-traxxendent li hemm fil-mixja taċ-ċiviltajiet u t-tiftix bla heda tal-qalb tagħna. Fil-fatt, dik il-kewkba tħalli fil-qalb tagħhom proprju mistoqsija: Fejn hu dak li twieled?

 

Ħuti, il-mixja tal-fidi tibda meta, bil-grazzja ta’ Alla, nagħmlu wisa’ għat-tħassib li jżommna mqajmin; meta nistaqsu, meta ma nikkuntentawx ruħna bit-trankwillità tad-drawwiet tagħna, imma nirriskjaw fl-isfidi ta’ kuljum; meta ma nibqgħux magħluqin fi spazju newtrali, imma niddeċiedu li nimirħu fl-ispazji skomdi tal-ħajja, magħmula minn relazzjonijiet mal-oħrajn, minn sorpriżi, minn imprevisti, minn proġetti xi mmexxu, minn ħolm xi nwettqu, minn biżgħat x’naffrontaw, minn tbatijiet li jħaffru l-ġilda tagħna. F’dawn il-mumenti jixirfu minn ġo qalbna dawk il-mistoqsijiet li ma nistgħux nifgawhom, li jiftħuna għat-tifitx ta’ Alla: fejn huwa l-ferħ tiegħi? Fejn hi l-ħajja mimlija li lejha naspira? Fejn hi dik l-imħabba li ma tgħaddix, li x-xemx ma tinżilx fuqha, li ma titfarrakx lanqas quddiem id-dgħufijiet, il-fallimenti u t-tradimenti? Liema huma l-opportunitajiet moħbija fil-kriżijiet tiegħi u t-tbatijiet tiegħi?

 

Imma jiġri li kuljum l-arja li nieħdu n-nifs fiha toffri “trankwilizzanti tar-ruħ”, dak li jilluppjana, biex iraqqad it-tħassib tagħna u jitfi l-mistoqsijiet tagħna: mill-prodotti tal-konsumiżmu għall-ġibdiet tal-pjaċir, mid-dibattiti spetakolarizzanti sal-idolatrija tal-benessri; kollox donnu jrid jgħidilna: toqgħodx taħseb iżżejjed, insa, gawdi l-ħajja! Spiss infittxu li npoġġu l-qalb tagħna fil-kaxxaforti tal-kumdità – nixħtu l-qalb tagħna fil-kaxxaforti tal-kumdità –, imma kieku l-Maġi għamlu hekk, qatt ma kienu jiltaqgħu mal-Mulej. Inraqqdu l-qalb tagħna, nilluppjaw ir-ruħ biex ma toqgħodx titħasseb iżjed: dan hu l-periklu. Imma Alla qiegħed hemm fil-mistoqsijiet imħassba tagħna; fihom “aħna nfittxu hekk kif il-lejl ifittex sbiħ il-jum… Hu jinsab fis-skiet li jħassibna quddiem il-mewt u t-tmiem ta’ kull kobor uman; hu qiegħed fil-bżonn tal-ġustizzja u tal-imħabba li nġorru ġo fina; huwa l-Misteru qaddis li jwieġeb għan-nostalġija tagħna tat-Totalment l-Ieħor, nostalġija ta’ ġustizzja perfetta u sħiħa, ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ paċi” (C.M. Martini, Incontro al Signore Risorto. Il cuore dello spirito cristiano, Cinisello Balsamo 2012, 66). Mela dan huwa l-ewwel post: it-tħassib tal-mistoqsijiet. Ma nibżgħux nidħlu f’dan it-tħassib tal-mistoqsijiet: huma proprju t-toroq li jwassluna għal għand Ġesù.

 

It-tieni post li fih nistgħu niltaqgħu mal-Mulej hu r-riskju tal-mixja. Il-mistoqsijiet li nagħmlu, anki dawk spiritwali, fil-fatt jistgħu jwasslu għal frustrazzjonijiet u deżolazzjonijiet jekk ma jpoġġuniex f’mixja, jekk ma jindirizzawx il-moviment interjuri tagħna lejn il-wiċċ ta’ Alla u l-ġmiel tal-Kelma tiegħu. Il-pellegrinaġġ tal-Maġi, “il-pellegrinaġġ esterjuri tagħhom”, qalilna Benedittu XVI, “kien espressjoni tal-fatt li minn ġewwa kienu f’mixja, tal-pellegrinaġġ interjuri tal-qalb tagħhom” (Omelija għall-Epifanija, 6 ta’ Jannar 2013). Fil-fatt, il-Maġi ma jiqfux iħarsu lejn is-sema u jikkontemplaw id-dawl tal-kewkba, imma jagħmlu l-avventura ta’ vjaġġ riskjuż li mhux jara minn qabel toroq żguri u mapep definittivi. Iridu jiskopru min hu s-Sultan tal-Lhud, fejn twieled, fejn jistgħu jsibuh. Għalhekk jistaqsu lil Erodi, li min-naħa tiegħu jsejjaħ lill-kapijiet tal-poplu u l-kittieba li jfittxu fl-Iskrittura. Il-Maġi jinsabu f’mixja: il-parti l-kbira tal-verbi li jiddeskrivu l-azzjonijiet tagħhom huma verbi ta’ ċaqliq.

 

Hekk ukoll il-fidi tagħna: mingħajr mixja kontinwa u djalogu kostanti mal-Mulej, mingħajr smigħ tal-Kelma, mingħajr perseveranza, ma tistax tikber. Mhux biżżejjed li jkollna xi idea fuq Alla jew ngħidu xi talba li ssikket il-kuxjenza; irridu nsiru dixxipli fit-triq ta’ Ġesù u tal-Vanġelu tiegħu, nitkellmu miegħu fuq kollox fit-talb, infittxuh fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum u fil-wiċċ tal-aħwa. Minn Abraham li telaq fi vjaġġ lejn art mhux magħrufa sal-Maġi li jimxu wara l-kewkba, il-fidi hija mixja, il-fidi hija pellegrinaġġ, il-fidi hija storja ta’ tluq u tluq mill-ġdid. Ma ninsewh qatt dan: il-fidi hi mixja, pellegrinaġġ, storja ta’ tluq u tluq mill-ġdid. Niftakruh dan: il-fidi ma tikbirx jekk tibqa’ statika; ma nistgħux nagħlquha f’xi devozzjoni personali jew inżommuha wara l-ħitan tal-knejjes, imma rridu noħorġuha fuq barra, ngħixuha f’mixja kontinwa lejn Alla u lejn l-aħwa. Ejjew illum nistaqsu lilna nfusna: qiegħed nimxi lejn is-Sid tal-ħajja, biex isir is-Sid tal-ħajja tiegħi? Ġesù, min inti għalija? Fejn qed issejjaħli biex immur, x’qed titlob minn ħajti? Liema għażliet qed tistedinni nagħmel għall-oħrajn?

 

Fl-aħħar, wara t-tħassib tal-mistoqsijiet u ­r-riskju tal-mixja, it-tielet post fejn niltaqgħu mal-Mulej hu l-istagħġib tal-adorazzjoni. Fi tmiem triq twila u tiftix imħabbat, il-Maġi daħlu fid-dar, “raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh” (v. 11). Dan hu l-punt deċiżiv: it-tħassib tagħna, il-mistoqsijiet tagħna, il-mixjiet spiritwali u l-prattika tal-fidi għandhom jiltaqgħu f’post wieħed fl-adorazzjoni tal-Mulej. Hemm isibu ċ-ċentru tal-għajn tagħhom għax kollox minn hemm jitwieled, għax huwa l-Mulej li jqanqal fina li nisimgħu, naġixxu u nwettqu. Kollox jitwieled u kollox jilħaq il-qofol tiegħu hemm, għax l-għan ta’ kollox mhux li naslu f’xi destinazzjoni personali jew nirċievu glorja għalina nfusna, imma li niltaqgħu ma’ Alla u nħallu mħabbtu tħaddanna, u dan jagħti bażi lit-tama tagħna, jeħlisna mill-ħażen, jiftaħna għall-imħabba lejn l-oħrajn, jagħmilna prsuni kapaċi nibnu dinja iżjed ġusta u iżjed fraterna. Xejn ma jiswa li nitħabtu pastoralment jekk ma nqiegħdux lil Ġesù fiċ-ċentru, billi nagħtuh qima. L-istagħġib tal-adorazzjoni. Hemm nitgħallmu noqogħdu quddiem Alla mhux tant biex nitolbu jew nagħmlu xi ħaġa, imma biss biex nintasbu fis-skiet u nintelqu fi mħabbtu, biex inħallu l-ħniena tiegħu taqbadna u tnissilna mill-ġdid. U aħna tant drabi nitolbu, nittallbu affarijiet, nirriflettu… imma, is-soltu, jonqosna t-talb ta’ adorazzjoni. Tlifna s-sens li naduraw, għax tlifna t-tħassib tal-mistoqsijiet u tlifna l-kuraġġ li nimxu ’l quddiem fir-riskji tal-mixja. Illum il-Mulej qed jistedinna nagħmlu bħall-Maġi: bħall-Maġi, ninxteħtu f’att ta’ qima, nintelqu f’idejn Alla bl-istagħġib tal-adorazzjoni. Naduraw lil Alla u mhux il-jien tagħna; naduraw lil Alla u mhux l-idoli foloz li jħajruna bis-seħer tal-prestiġju u tal-poter, bis-seħer tal-aħbarijiet foloz; naduraw lil Alla biex ma ninżlux għarkupptejna quddiem il-ħwejjeġ li jgħaddu u l-loġika tal-ħażen li jiġbidna imma hu battal.

 

Ħuti, niftħu qalbna għat-tħassib, nitolbu l-kuraġġ li nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq, u nispiċċaw bl-adorazzjoni! Ma nibżgħux, din hi l-mixja tal-Maġi, hija l-mixja tal-qaddisin kollha tal-istorja: nilqgħu t-tħassib, nimxu u naduraw. Ħuti, ma nħallux li jintefa fina t-tħassib tal-mistoqsijiet; ma nwaqqfux il-mixja tagħna billi naqgħu fl-apatija jew fil-kumdità; u, meta niltaqgħu mal-Mulej, ejjew nintelqu fl-istagħġib tal-adorazzjoni. Hawn niskopru li dawl idawwal ukoll l-iljieli l-iżjed mudlama: huwa Ġesù, hija l-kewkba tiddi ta’ filgħodu, ix-xemx tal-ġustizzja, id-dija ħanina ta’ Alla, li jħobb lil kull bniedem u lil kull poplu fuq l-art.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard