QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU 

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħamis 6 ta’ Jannar 2022

Il-Maġi vvjaġġaw lejn Betlehem. Il-pellegrinaġġ tagħhom ikellem lilna wkoll, imsejħin biex nimxu lejn Ġesù, għax hu l-istilla polari li ddawwal is-smewwiet tal-ħajja u torjenta l-passi tagħna lejn il-ferħ veru. Imma mnejn telaq il-pellegrinaġġ tal-Maġi biex jiltaqgħu ma’ Ġesù? X’ġagħal lil dawk l-irġiel tal-Lvant biex jitilqu fi vjaġġ?

Kellhom l-aqwa skużi biex ma jitilqux. Kienu għorrief u astrologi, kellhom fama u għana. B’din il-kumdità kulturali, soċjali u ekonomika, setgħu jserrħu fuq dak li kienu jafu u fuq dak li kellhom, joqogħdu bi kwiethom. Imma, huma jħallu jinkwetawhom mistoqsija u sinjal: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa” (Mt 2:2). Il-qalb tagħhom ma titmewwitx fl-għerien tal-apatija, imma hi għatxana għad-dawl; ma titkaxkarx għajjiena mit-telqa, imma hi mixgħula min-nostalġija ta’ ixfqa ġodda. Għajnejhom mhumiex mitfugħa lejn l-art, imma huma twieqi miftuħa għas-sema. Kif qal Benedittu XVI, kienu “bnedmin ta’ qalb ħosbiena. […] Irġiel li qed jistennew, li ma jikkuntentawx ruħhom bid-dħul fiż-żgur tagħhom u bil-pożizzjoni soċjali li għandhom […]. Kienu fittiexa ta’ Alla” (Omelija, 6 ta’ Jannar 2013).

Dan it-tħassib tajjeb, li wassalhom biex jitilqu f’pellegrinaġġ, fejn jitwieled? Jitwieled mix-xewqa. Dan hu s-sigriet ġewwieni tagħhom: kienu jafu jixtiequ. Ejjew nimmeditaw fuq dan. Li nixtiequ jfisser li nżommu ħaj in-nar imkebbes ġo fina u li jwassalna biex immorru lil hemm mill-immedjat, lil hemm minn dak li jidher. Li nixtiequ jfisser li nilqgħu l-ħajja bħala misteru ikbar minna, bħala xaqq dejjem miftuħ li jistedinna nħarsu lil hemm iżjed, għax il-ħajja mhix “kollha hawn”, qiegħda wkoll “band’oħra”. Hi bħal tila bajda li għandha bżonn tal-kulur fuqha. Proprju pittur kbir, Van Gogh, kiteb li l-bżonn ta’ Alla wasslu biex joħroġ billejl biex ipitter il-kwiekeb. Iva, għax Alla hekk għamilna: magħġuna bix-xewqat; orjentati, bħall-Maġi, lejn il-kwiekeb. Nistgħu ngħidu, mingħajr ma nesaġeraw, li aħna nsiru dak li nixtiequ. Għax huma x-xewqat li jwessgħu l-ħarsa tagħna u jieħdu l-ħajja lil hemm: lil hemm mill-ħitan tad-drawwa, lil hemm minn ħajja ċċattjata mill-konsum, lil hemm minn fidi ripetittiva u għajjiena, lil hemm mill-biża’ li nirriskjaw, li nħabirku għall-ġid tal-oħrajn u għat-tajjeb. “Ħajjitna”, kiteb Santu Wistin, “hija taħriġ tax-xewqa” (Trattati fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, IV, 6).

Ħuti, kif kien għall-Maġi, hekk hu għalina: il-vjaġġ tal-ħajja u l-mixja tal-fidi għandhom bżonn tax-xewqa, ta’ bidla interjuri. Xi drabi aħna ngħixu spirtu ta’ “parkeġġ”, ngħixu pparkjati, mingħajr din ix-xewqa mħeġġa li tmexxina ’l quddiem aktar. Nagħmlu sew nistaqsu: fejn wasalna fil-vjaġġ tal-fidi? Forsi m’ilniex biżżejjed imwaħħlin, ipparkjati f’reliġjon konvenzjonali, esterjuri, formali, li ma għadhiex issaħħan lill-qalb u tibdel il-ħajja? Il-kliem u r-riti tagħna qed iqanqlu fil-qalb tan-nies ix-xewqa li jimxu lejn Alla, jew huma “lingwa mejta”, li titkellem biss dwarha nfisha u lilha nfisha? Xi swied ta’ qalb meta komunità ta’ fidi ma tibqax tixtieq u, għajjiena, tkaxkar saqajha torganizza l-affarijiet tas-soltu flok tħalli jissorprendiha lil Ġesù, il-ferħ sorprendenti u skomodanti tal-Vanġelu! X’għafsa ta’ qalb meta saċerdot jagħlaq il-bieb għax-xewqa; kemm hi kerha li taqa’ fil-funzjonaliżmu klerikali, kerha ħafna!

Il-kriżi tal-fidi, fil-ħajja tagħna u fis-soċjetajiet tagħna, għandha x’taqsam ukoll mal-fatt li għebet ix-xewqa għal Alla. Għandha x’taqsam mar-raqda tal-ispirtu, bid-drawwa li nikkuntentaw ruħna ngħixu l-ġurnata, mingħajr qatt nistaqsu Alla xi jrid minna. Ingħalaqna wisq fuq il-mapep tal-art u nsejna ngħollu ħarsitna ’l fuq lejn is-Sema; aħna mxebbgħin b’tant affarijiet, imma neqsin min-nostalġija ta’ dak li jonqosna. Nostalġija ta’ Alla. Iffissajna fuq il-bżonnijiet, fuq x’sa nieklu u x’sa nilbsu (ara Mt 6:25), u ħallejna ttir mar-riħ ix-xewqa għal dak li jmur lil hemm. U sibna ruħna fil-bulimja ta’ komunitajiet li għandhom kollox u spiss ma jħossu xejn iżjed f’qalbhom. Persuni magħluqa, komunitajiet magħluqa, isqfijiet magħluqa, qassisin magħluqa, ikkonsagrati magħluqa. Għax in-nuqqas ta’ xewqa jwassal għad-diqa, għall-indifferenza. Komunitajiet imdejqa, qassisin imdejqa, isqfijiet imdejqa.

Imma fuq kollox ejja nħarsu lejna nfusna u nistaqsu: kif sejjer il-vjaġġ tal-fidi tiegħi? Hija mistoqsija li llum nistgħu nagħmlu, kull wieħed u waħda minna. Kif sejjer il-vjaġġ ta’ ħajti? Ipparkjata jew miexja? Il-fidi, biex titlaq u terġa’ titlaq, għandha bżonn issib ix-xewqa li żżommha ħajja, li tirriskja fl-avventura ta’ relazzjoni ħajja ma’ Alla. Imma l-qalb tiegħi għadha mmexxija mix-xewqa ta’ Alla? Jew qed inħalli d-drawwa u d-delużjonijiet jitfuha? Illum, ħuti, huwa l-jum li nagħmlu dawn il-mistoqsijiet. Illum huwa l-jum biex nerġgħu nibdew nkabbru x-xewqa. U kif nagħmlu dan? Immorru fl-“iskola tax-xewqa”, immorru għand il-Maġi. Huma jgħallmuna, fl-iskola tagħhom tax-xewqa. Inħarsu lejn il-passi li għamlu u nieħdu minnhom xi tagħlimiet.

Huma l-ewwel nett jitilqu xħin jaraw il-kewkba tielgħa: jgħallmuna li hemm bżonn dejjem nitilqu mill-ġdid ta’ kuljum, fil-ħajja u fil-fidi, għax il-fidi mhijiex armatura li żżommna mwaħħlin fiha, imma vjaġġ kollu seħer, moviment kontinwu u bla kwiet, dejjem ifittex lil Alla, dejjem bid-dixxerniment, f’dik il-mixja.

Il-Maġi, imbagħad, f’Ġerusalemm staqsew: staqsew fejn hi t-Tarbija. Jgħallmuna li għandna bżonn ta’ mistoqsijiet, li nisimgħu b’attenzjoni l-mistoqsijiet tal-qalb, tal-kuxjenza: għax huwa hekk li spiss jitkellem Alla, li jiġi għandna iżjed b’mistoqsijiet milli bi tweġibiet. U dan jeħtieġ nitgħallmuh waħda u sew: li Alla jiġi għandna iżjed b’mistoqsijiet milli bi tweġibiet. Imma ejjew inħallu jċaqalquna wkoll il-mistoqsijiet tat-tfal, id-dubji, it-tamiet u x-xewqat tal-persuni ta’ żmienna. It-triq hi li nistaqsu.

Il-Maġi wkoll jisfidaw lil Erodi. Jgħallmuna li għandna bżonn ta’ fidi kuraġġjuża, li ma tibżax tisfida l-loġika mudlama tal-poter u ssir żerriegħa ta’ ġustizzja u ta’ fraternità f’soċjetajiet fejn, illum ukoll, tant Erodijiet qed jiżirgħu l-mewt u jagħmlu straġi mill-foqra u l-innoċenti, bl-indifferenza ta’ ħafna.

Fl-aħħar nett, il-Maġi reġgħu lura “minn triq oħra” (Mt 2:12): jipprovokawna biex infittxu toroq ġodda. Hija l-kreattività tal-Ispirtu, li dejjem jagħmel ħwejjeġ ġodda. Dan hu wkoll, bħalissa, wieħed mix-xogħlijiet tas-Sinodu li qed nagħmlu: nimxu flimkien fis-smigħ, għax l-Ispirtu qed jissuġġerilna toroq ġodda, toroq biex inwasslu l-Vanġelu lill-qalb ta’ min hu indifferenti, imbiegħed, ta’ min tilef it-tama imma qed ifittex dak li l-Maġi sabu, “ferħ kbir tassew” (Mt 2:10). Noħorġu u mmorru lil hemm, nimxu ’l quddiem.

Imma fil-qofol tal-vjaġġ tal-Maġi jasal mument kruċjali: meta waslu fid-destinazzjoni, “inxteħtu fl-art iqimu lit-Tifel” (ara v. 11). Aduraw. Niftakruh dan: il-vjaġġ tal-fidi jsib qawwa u milja biss fil-preżenza ta’ Alla. Huwa biss jekk nirkupraw il-gost tal-adorazzjoni, li tiġġedded ix-xewqa. Ix-xewqa twasslek għall-adorazzjoni u l-adorazzjoni ġġeddidlek ix-xewqa. Għax ix-xewqa ta’ Alla tikber biss jekk noqogħdu quddiem Alla. Għax Ġesù biss ifejjaq ix-xewqat tagħna. Minn xiex? Ifejjaqhom mid-dittatura tal-bżonnijiet. Fil-fatt, il-qalb timrad meta x-xewqat ikunu biss skont il-ħtiġijiet. Imma Alla jgħolli x-xewqat tagħna u jsaffihom, ifejjaqhom mill-egoiżmu u jiftħilna qalbna għall-imħabba lejh u għal ħutna. Għalhekk ejjew ma ninsewx l-Adorazzjoni, it-talb ta’ adorazzjoni, li mhuwiex wisq komuni fostna: naduraw, fis-skiet. Għalhekk, ma ninsewx l-adorazzjoni, nitlobkom.

U jekk nimxu hekk, ta’ kuljum, ikollna ċ-ċertezza, bħall-Maġi, li mqar fl-iljieli l-iżjed mudlama tiddi stilla. Hija l-kewkba tal-Mulej, li tiġi biex tieħu ħsieb tal-umanità dgħajfa tagħna. Ejjew nimxu lejh. Ma nitilqux f’idejn l-apatija u r-rassenjazzjoni s-setgħa li jsallbuna man-niket ta’ ħajja ċatta. Ħa jkollna t-tħassib tal-Ispirtu, qlub ħosbiena. Id-dinja minn dawk li jemmnu qed tistenna qabża mġedda lejn is-Sema. Bħall-Maġi, nerfgħu rasna, nisimgħu x-xewqa tal-qalb, nimxu wara l-kewkba li Alla jixgħel fuqna. U bħala fittiexa bla kwiet, nibqgħu miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla. Ħuti, ejjew noħolmu, infittxu, naduraw.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard