QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan

L-Erbgħa 6 ta’ Jannar 2021

 

L-evanġelista Mattew jisħaq li l-Maġi, meta waslu Betlehem, “raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh” (Mt 2:11). Li tqim lill-Mulej mhix ħaġa faċli, mhuwiex xi fatt immedjat: dan jesiġi ċerta maturità spiritwali, għax hu l-punt tal-wasla ta’ mixja interjuri, xi drabi twila. Mhuwiex spontanju fina l-atteġġjament li nqimu lil Alla. Il-bniedem għandu bżonn iqim, iva, imma jirriskja li jiżbalja l-objettiv; fil-fatt, jekk ma jqimx li Alla, ser iqim lill-idoli – ma hemmx triq tan-nofs, jew Alla jew l-idoli, jew biex nużaw kelma ta’ kittieb Franċiż: “Min ma jadurax lil Alla, jadura lix-xitan” –, u flok bniedem li jemmen isir idolatra. U huwa hekk, aut aut.

 

Fi żmienna veru għandna bżonn li, kemm bħala individwi u kemm bħala komunitajiet, niddedikaw iżjed ħin għall-adorazzjoni, billi nitgħallmu dejjem aħjar kif nikkontemplaw lill-Mulej. Tlifna xi ftit is-sens tat-talb ta’ adorazzjoni, hemm bżonn nerġgħu nsibuh, kemm bħala komunitajiet u kemm fil-ħajja spiritwali tagħna. Għalhekk, illum ejjew noqogħdu fl-iskola tal-Maġi, biex minnha nisiltu xi tagħlim siewi: bħalhom, irridu ninxteħtu nqimu u naduraw lill-Mulej. Inqimuh bis-serjetà, mhux kif qal Erodi: “Għiduli fejn hu l-post u jien niġi nqimu”. Le, din il-qima mhix tajba. Bis-serjetà!

 

Fil-Liturġija tal-Kelma tal-lum insibu tliet espressjonijiet, li jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar xi jfisser inkunu adoraturi tal-Mulej. Dawn l-espressjonijiet huma: “tgħolli għajnejk”, “tivvjaġġa” u “tara”. Dawn it-tliet espressjonijiet se jgħinuna nifhmu xi jfisser li nkunu adoraturi tal-Mulej.

 

L-ewwel espressjoni, tgħolli għajnejk, joffrihielna l-profeta Iżaija. Lill-komunità ta’ Ġerusalemm, li ma kinitx ilha li waslet lura mill-eżilju u kienet qed tħossha mifnija mill-qtigħ il-qalb minħabba f’tant għawġ, il-profeta jagħmlilha din l-istedina qawwija: “Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara” (60:4). Hi stedina biex inwarrbu l-għeja u t-tgergir, u noħorġu mill-isqaqien ta’ viżjoni dejqa, biex ninħelsu mid-dittatura tal-jien, fejn dejjem infittxu kif ħa ningħalqu fina nfusna u fit-tħassib tagħna. Biex inqimu lill-Mulej hemm bżonn qabelxejn “ngħollu għajnejna”: ma nħallux ijassruna l-fantażmi interjuri li jitfu t-tama, u ma nagħmlux mill-problemi u mid-diffikultajiet iċ-ċentru tal-ħajja tagħna. Dan ma jfissirx niċħdu r-realtà, billi nagħmlu tabirruħna jew nidħku bina nfusna li kollox sejjer sew. Le. Imma jfisser li nħarsu b’mod ġdid lejn il-problemi u l-uġigħ tagħna, għax nafu li l-Mulej jaf x’inhuma s-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna, jagħti widen b’reqqa għall-invokazzjonijiet tagħna u mhuwiex indifferenti għad-dmugħ li nxerrdu.

 

Din il-ħarsa li, minkejja l-ġrajjiet tal-ħajja, tibqa’ fiduċjuża fil-Mulej, tnissel il-gratitudni ta’ wlied. Meta jseħħ dan, il-qalb tinfetaħ għall-qima. Bil-maqlub, meta nwaħħlu l-attenzjoni tagħna biss fuq il-problemi, u ma rridux nerfgħu għajnejna lejn Alla, il-biża’ jinvadi l-qalb u jgerfixha, jagħti lok għar-rabja, għall-konfużjoni, għall-istress, għad-dipressjoni. F’din il-qagħda diffiċli nqimu lill-Mulej. Jekk iseħħ dan, irid ikollna l-kuraġġ li nkissru ċ-ċirku tal-konklużjonijiet li nkunu diġà għamilna, għax nafu li r-realtà hi wisq ikbar mill-ħsibijiet tagħna. Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara: il-Mulej qed jistedinna qabelxejn nafdaw fih, għax hu tassew jieħu ħsieb ta’ kulħadd. Jekk mela Alla jlibbes tant tajjeb il-ħaxix tal-għelieqi, li llum hawn u għada jinxteħet fin-nar, kemm iżjed ħa jieħu ħsieb tagħna (ara Lq 12:28)? Jekk ngħollu ħarsitna lejn il-Mulej, u nħarsu lejn ir-realtà fid-dawl tiegħu, niskopru li hu ma jitlaqna qatt waħidna: il-Verb sar bniedem (ara Ġw 1:14) u jibqa’ dejjem magħna, ta’ kuljum (ara Mt 28:20). Dejjem.

 

Meta ngħollu għajnejna lejn Alla, il-problemi ta’ ħajjitna ma jgħibux, le, imma nħossu li l-Mulej jagħtina l-qawwa meħtieġa biex naffrontawhom. “Ngħollu għajnejna”, allura, huwa l-ewwel pass li jħejjina għall-adorazzjoni. Hija l-adorazzjoni tad-dixxiplu li skopra f’Alla ferħ ġdid, ferħ differenti. Dak tad-dinja hu mibni fuq kemm għandi ġid, fuq is-suċċessi jew fuq ħwejjeġ oħra simili, dejjem bil-“jien” fiċ-ċentru. Imma l-ferħ tad-dixxiplu ta’ Kristu jsib il-bażi tiegħu fil-fedeltà ta’ Alla, li l-wegħdiet tiegħu qatt ma jonqsu, huma x’inhuma s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi li fihom nistgħu nsibu ruħna. Hekk mela l-gratitudni ta’ wlied u l-ferħ jimlewna b’xenqa biex inqimu lill-Mulej, li hu fidil u ma jitlaqna qatt waħidna.

 

It-tieni espressjoni li tista’ tgħinna hi nivvjaġġaw. Ngħollu għajnejna [l-ewwel]; it-tieni: nivvjaġġaw. Qabel ma setgħu jqimu lit-Tarbija li twieldet Betlehem, il-Maġi kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ vjaġġ twil. Jikteb Mattew: “Xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: ‘Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh’” (Mt 2:1-2). Il-vjaġġ jitlob dejjem bidla. Wara vjaġġ ma nibqgħux kif konna qabel. Dejjem hemm xi ħaġa ġdida f’min għamel mixja: kabbar l-għarfien tiegħu, ra persuni u ħwejjeġ ġodda, daq ir-rieda msaħħa tiegħu huwa u jaffaċċja s-saram u r-riskji tat-traġitt. Ma nistgħux naslu biex inqimu lil Alla mingħajr l-ewwel ma ngħaddu mill-maturazzjoni interjuri li jagħtina l-vjaġġ.

 

Insiru adoraturi tal-Mulej permezz ta’ mixja bil-mod il-mod. L-esperjenza tgħallimna, ngħidu aħna, li persuna ta’ ħamsin sena tgħix l-adorazzjoni bi spirtu differenti minn meta kellha tletin. Min iħalli l-grazzja tagħġnu, is-soltu, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jitjieb: il-bniedem ta’ barra jixjieħ – jgħid San Pawl –, waqt li l-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum (ara 2 Kor 4:16), għax jiftaħ iktar qalbu biex iqim lill-Mulej. Minn din il-perspettiva, il-fallimenti, il-kriżijiet, l-iżbalji jistgħu jsiru esperjenzi li jgħallmuna: mhux darba u tnejn iservu biex jagħmluna iktar konxji li l-Mulej biss jistħoqqlu li jiġi meqjum, għax hu biss jaqta’ x-xewqa ta’ ħajja u ta’ eternità li hemm fil-ġewwieni ta’ kull bniedem. Barra dan, aktar ma jgħaddi ż-żmien, it-tiġrib u t-taħbit tal-ħajja – meta ngħixuhom bil-fidi – jgħinu biex isaffu l-qalb, biex jagħmluha iktar umli u għalhekk iktar disponibbli biex tinfetaħ għal Alla. Imqar id-dnubiet, imqar l-għarfien li aħna midinba, li nsibu tant affarijiet koroh fina. “Imma jien għamilt hekk… għamilt…”: jekk int tilqagħhom b’fidi u bi ndiema, b’dispjaċir, dawn ħa jgħinuk tikber. Kollox, kollox jista’ jgħinna, jgħid San Pawl, biex nikbru spiritwalment, biex niltaqgħu ma’ Ġesù, anki l-istess dnubiet. U San Tumas iżid: “etiam mortalia”, anki d-dnubiet koroh, l-agħar. Imma jekk int dan tilqgħu bi ndiema, ħa jgħinek tul dan il-vjaġġ lejn il-laqgħa mal-Mulej u se tqimu aħjar.

 

Bħall-Maġi, aħna wkoll irridu nħallu l-mixja tal-ħajja tgħallimna, immarkata mid-diffikultajiet li ma nistgħux naħarbuhom tul il-vjaġġ. Ejjew ma nħallux li l-għeja, il-waqgħat u l-fallimenti jixħtuna fil-qtigħ il-qalb. Imma nagħrfuhom b’umiltà, u nagħmluhom okkażjoni biex nimxu ’l quddiem lejn il-Mulej Ġesù. Il-ħajja mhijiex wirja ta’ ħiliet, imma vjaġġ lejn Dak li jħobbna. Aħna m’għandniex bżonn f’kull pass ta’ ħajjitna noqogħdu nuru t-tessera tal-virtujiet li għandna; b’umiltà rridu nimxu lejn il-Mulej. Inħarsu lejn il-Mulej, u fih insibu l-qawwa biex nibqgħu mexjin b’ferħ ġdid.

 

U niġu għat-tielet espressjoni: naraw. Ngħollu għajnejna, nibdew mexjin, naraw. L-Evanġelista jikteb: “Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh” (Mt 2:10-11). Il-qima kienet l-att ta’ omaġġ riservat għas-sovrani, għad-dinjitarji l-kbar. Il-Maġi, fil-fatt, qiemu lil Dak li kienu jafu li kien is-sultan tal-Lhud (ara Mt 2:2). Imma fil-verità x’raw? Raw tarbija fqajra flimkien ma’ ommu. Madankollu dawn l-għorrief, li ġew minn pajjiżi mbiegħda, għarfu jmorru lil hemm minn dik ix-xena hekk umli u sempliċi, u għarfu f’dik it-Tarbija l-preżenza ta’ sovran. Allura kienu kapaċi “jaraw” lil hemm minn dak li jidher. Meta niżlu jqimu lit-Tarbija mwielda Betlehem, huma esprimew qima li kienet qabelxejn interjuri: il-ftuħ tat-teżori li ġabu b’rigali kien sinjal tal-offerta ta’ qlubhom.

 

Biex inqimu lill-Mulej hemm bżonn “naraw” lil hemm mill-velu ta’ dak li jidher, li spiss iqarraq bina. Erodi u l-kbarat ta’ Ġerusalemm jirrappreżentaw il-mondanità, dejjem ilsira tad-dehra. Iħarsu u ma jafux jaraw – m’iniex ngħid li ma jemmnux, ikun wisq – ma jafux jaraw għax il-ħila tagħhom hi lsira tad-dehra u qed tfittex biss x’jiġbed lilha: tagħti valur biss lill-ħwejjeġ sensazzjonali, lill-ħwejjeġ li l-aktar jiġbdu l-għajn. Min-naħa l-oħra, fil-Maġi nilmħu atteġġjament differenti, li nistgħu nsejħulu realiżmu teologali – kelma “għolja” wisq, imma nistgħu ngħidu hekk, realiżmu teologali –: dan iħares b’mod oġġettiv lejn ir-realtà tal-affarijiet, u fl-aħħar jasal biex jagħraf li Alla l-ispettakli kbar jaħrabhom. Il-Mulej jinsab fiċ-ċokon, il-Mulej hu bħal dik it-tarbija umli, jaħrabhom l-ispettakli, li huma sewwasew il-prodott tal-mondanità. Dan il-mod kif “naraw” imur lil hemm minn dak li jidher, jgħinna nqimu lill-Mulej spiss moħbi f’sitwazzjonijiet sempliċi, f’persuni umli u mwarrba. Mela din hi ħarsa li ma tħallix jagħmiha l-ġigġifogu tal-esebizzjoniżmu, u allura f’kull okkażjoni tfittex dak li ma jgħaddix, tfittex lil Alla. Għalhekk, aħna, kif jikteb l-Appostlu Pawlu, “ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem” (2 Kor 4:18).

 

Nitolbu lill-Mulej Ġesù jagħmilna veri adoraturi tiegħu, li b’ħajjitna nkunu kapaċi nuru l-pjan ta’ mħabbtu, li jħaddan lill-bnedmin kollha. Nitolbu għal kull wieħed u waħda minna u għall-Knisja kollha l-grazzja li nitgħallmu nqimu, li nibqgħu nqimu, li nħarrġu tant din it-talba tal-adorazzjoni, għax lil Alla biss għandna nqimu.

 

 miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard