QUDDIESA B’SUFFRAĠJU TAL-KARDINALI U ISQFIJIET LI MIETU MATUL IS-SENA  

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħamis, il-5 ta’ Novembru 2020

 

Fis-silta tal-Vanġelu li ġie proklamat (cfr Ġw 11,17-27) Ġesù jagħmel stqarrija solenni fuqu nnifsu: «Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija, ukoll jekk imut ikollu l-ħajja; u kulmin jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt» (vv. 25-26). Id-dawl qawwi li joħroġ minn dal-kelmiet jegħleb id-dlam tal-luttu kbir minħabba l-mewt ta’ Lażżru. Marta tilqa’ dawn il-kelmiet, u bi stqarrija soda tal-fidi tiddikjara: «Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben t’Alla, dak li ġie fid-dinja» (v. 27). Il-kliem ta’ Ġesù jagħmlu t-tama ta’ Marta ma tibqax iktar xi ħaġa tal-futur, imma ssir xi ħaġa tal-preżent: il-qawmien mill-mewt jinsab qrib tagħha, preżenti fil-persuna ta’ Kristu.

Din ir-rivelazzjoni ta’ Ġesù llum tisfida lilna lkoll: aħna msejħin biex nemmnu fil-qawmien mill-mewt mhux bħala xi ʼl bogħod minna, imma bħala ġrajja ġa preżenti li b’mod misterjuż tinvolvina minn issa stess. U madanakollu din l-istess fidi fil-qawmien mill-mewt la taħbi u lanqas tinjora l-fatt li nħossuna mħawdin quddiem il-mewt. Il-Mulej Ġesù stess, meta ra lil ħut Lażżru jibku, u wkoll lil dawk li kienu magħhom jibku wkoll, mhux biss ma ħebiex l-emozzjoni tiegħu, imma – igħid Ġwanni l-evanġelista – saħansitra «infaqa’ jibki» (Ġw 11,35). Huwa għal kollox ħaġa waħda magħna, barra fid-dnub: ġarrab anke l-luttu, l-imrar tad-dmugħ li xerred meta tilef persuna għażiża għalih. Imma dan kollu ma jnaqqas xejn mid-dawl tal-verità li joħroġ mir-rivelazzjoni tiegħu – li l-qawmien ta’ Lażżru kien sinjal kbir tagħha.

Għalhekk, illum il-Mulej qed jgħid lilna wkoll: «Jiena l-qawmien u l-ħajja» (v. 25). U qed isejħilna biex nagħmlu mill-ġdid il-qabża kbira tal-fidi, billi nidħlu minn issa stess fid-dawl tal-Qawmien: «Kulmin igħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?» (v. 26). Meta nagħmlu din il-qabża, jinbidel il-mod kif naħsbu u kif naraw l-affarijiet. L-għajn tal-fidi, li tmur lil hemm minn dak li jidher, f’ċertu sens tibda tara dak li ma jidhirx (cfr Lhud 11,27). Kull ħaġa li tiġri nibdew narawha f’dawl ieħor, dak tal-eternità.

U dan hu li joħroġ mis-silta tal-Ktieb tal-Għerf. Il-mewt ta’ bniedem ġust li jmut qabel iż-żmien, hawnhekk narawha b’mod differenti minn kif narawha s-soltu. (Għerf 4, 7-8).  «Kien jogħġob ʼl Alla, għalhekk Alla ħabbu u ħadu miegħu. Ħatfu biex il-ħażen ma jħassarlux moħħu jew il-qerq iqarraq b’ruħu» (4,10-11). Fid-dawl tal-fidi, dik il-mewt ma tidhirx li hi xi sfortuna, imma att providenzjali tal-Mulej, li l-ħsibijiet tiegħu mhumiex bħall-ħsibijiet tagħna. Per eżempju, l-istess kittieb sagru jinnota li, skont kif jara l-affarijiet Alla, «ix-xjuħija ta’ ġieħ mhijiex dik tal-għomor twil, u lanqas titqies min-numru tas-snin.  Ix-xjuħija tal-bniedem hi l-għaqal tiegħu,

u l-għomor twil hu l-ħajja bla tebgħa.  (4,8-9). Dawk li l-uniku skop ta’ ħajjithom hi l-mondanità, ma jistgħux jaraw il-pjan ta’ mħabba ta’ Alla għall-magħżulin tiegħu. Għalhekk, kif ġa smajna, għalihom jgħidu hekk:  «Għax in-nies jaraw tmiem min hu għaref, imma lill-ġust ma jifhmux xi jrid minnu l-Mulej, jew għala qiegħdu fis-sod.» (4,17).

Filwaqt li nitolbu għall-Kardinali u għall-Isqfijiet li mietu matul din is-sena, nitolbu lill-Mulej jgħinna biex nifhmu tajjeb dan il-kliem li smajna. Nitolbuh iħoll dik id-dieqa negattiva li kultant tidħol fina, bħallikieku bil-mewt jispiċċa kollox. Din hija emozzjoni li hija ʼl bogħod mill-fidi, u din tiżdied mal-biża’ li l-bniedem għandu li jmut, għax mill-mewt ħadd ma jista’ jaħrab. Għahekk, quddiem il-misteru tal-mewt, anke l-bniedem tal-fidi jeħtieġlu jikkonverti kontinwament. Kuljum aħna msejħin biex immorru ʼl bogħod minn dik ix-xbieha li tiġi mill-ewwel f’moħħna tal-mewt, jiġifieri li l-bniedem jintemm għal kollox; jeħtieġ immorru ʼl hemm minn dak li jidher, mill-ħsibijiet u l-opinjonijiet komuni, u hekk nafdaw ruħna kompletament fil-Mulej li jgħid: «Jiena l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija ukoll jekk imut jgħix, u kulmin jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt» (Ġw 11,25-26).

Dawn il-kliem, ħuti, milqugħin bil-fidi, jassiguraw li t-talb għal ħutna l-mejtin ikun talb tabilħaqq nisrani. Jippermettulna li jkollna viżjoni tassew rejalistika tal-eżistenza tagħhom: li nifhmu s-sens u l-valur tal-ġid li huma għamlu, tas-saħħa, l-impenn u l-imħabba li huma taw b’mod diżinteressat; li nifhmu xi tfisser li tgħix bix-xewqa mhux ta’ xi pajjiż tad-dinja, imma bix-xewqa tas-sema pajjiżna (cfr Lhud 11,16). It-talb b’suffraġju għall-mejtin, meta noffruh b’fiduċja li huma jinsabu ħdejn Alla, anke aħna nibbenefikaw minnu, aħna li għadna pellegrini fuq din l-art. Għax jedukana biex ikollna viżjoni vera tal-ħajja, jurina x’sens għandhom it-tbatijiet li jeħtiġilna ngħaddu minnhom biex nidħlu fis-Saltna t’Alla; u jiftħilna t-triq għal-libertà vera, u jiddisponina biex infittxu dejjem il-ġid li ma jintemm qatt.

Ejjew nagħmlu tagħna l-kliem tal-Appostlu, li anke aħna nħossuna «qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej. Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem.» (2 Kor 5,8-9). Il-ħajja ta’ min hu qaddej tal-Evanġelju hija mfassla fuq ix-xewqa li jogħġob f’kollox lill-Mulej: dan huwa l-kriterju ta’ kull għażla li jagħmel, ta’ kull pass li jimxi. Ejjew għalhekk niftakru bi gratitudni x-xhieda tal-Kardinali u tal-Isqfijiet mejtin, li għexu b’fedeltà lejn ir-rieda t’Alla; nitolbu għalihom filwaqt li nfittxu li nimitawhom. Jalla l-Mulej ikompli jitfa’ fuqna l-Ispirtu tiegħu tal-Għerf, partikularment f’dan iż-żmien ta’ prova. Hu ma jitlaqniex, imma jibqa’ magħna, dejjem fidil lejn il-wegħda tiegħu: «Ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien» (Mt 28,20).

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes