QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2022

 

Fl-aħħar vers tal-Vanġelu li għadna kemm smajna, Ġesù jagħmel stqarrija li timliena bit-tama u fl-istess waqt iġġagħalna nirriflettu. Hu jgħid lid-dixxipli: “L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom” (Ġw 14:26). Jolqtuna dan il-“kollox” u d-“dak kollu”; u nistaqsu: f’liema sens l-Ispirtu jagħti lil min jirċevih dan l-għrfien ġdid u sħiħ? Mhijiex kwistjoni ta’ kwantità u lanqas kwistjoni akkademika: Alla ma jridx jagħmel minna enċiklopediji, jew studjużi. Le. Hija kwistjoni ta’ kwalità, ta’ perspettiva, ta’ xamma. L-Ispirtu jurina kollox b’mod ġdid, skont il-ħarsa ta’ Ġesù. Jien inħobb nesprimiha hekk: fil-mixja kbira tal-ħajja, hu jgħallimna mnejn għandna nitilqu, liema toroq nieħdu u kif għandna nimxu. Hemm l-Ispirtu li jgħidilna mnejn għandna nitilqu, liema triq naqbdu u kif nimxu, l-istil ta’ “kif nimxu”.

 

Qabelxejn: mnejn nitilqu. Fil-fatt, l-Ispirtu jurina l-punt tat-tluq tal-ħajja spiritwali. Liema hu? Jitkellem dwaru Ġesù fl-ewwel vers ċkejken tal-lum, fejn jgħid: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (v. 15). Jekk tħobbuni, ħarsu: din hija l-loġika tal-Ispirtu. Aħna spiss naħsbu bil-maqlub: jekk inħarsu, inħobbu. Aħna mdorrijin naħsbu li l-imħabba ġejja essenzjalment minn kemm aħna nosservaw, kemm aħna bravi, kemm aħna reliġjużi. Imma l-Ispirtu jfakkarna li, mingħajr l-imħabba fil-bażi, il-bqija kollox hu għalxejn. U li din l-imħabba ma titwilidx tant mill-ħiliet tagħna, din l-imħabba hija don tiegħu. Hu jgħallimna nħobbu, u jeħtieġ nitolbuh dan id-don. Huwa l-Ispirtu tal-imħabba li jqiegħed fina l-imħabba, u hu li jagħmel li nħossuna maħbuba u jgħallimna nħobbu. Huwa hu l-“mutur” – biex ngħidu hekk – tal-ħajja spiritwali tagħna. Huwa hu li jċaqlaq kollox ġewwa fina. Imma jekk ma nibdewx mill-Ispirtu u mal-Ispirtu jew permezz tal-Ispirtu, it-triq ma nistgħux nimxuha.

 

Huwa stess ifakkarhulna dan, għaliex hu l-memorja ta’ Alla, hu Dak li jfakkarna fil-kliem kollu ta’ Ġesù (ara v. 26). U l-Ispirtu s-Santu hu memorja attiva, li tqabbad u terġa’ tkebbes l-imħabba ta’ Alla fil-qalb. Aħna doqna l-preżenza tiegħu fil-maħfra tad-dnubiet, meta ġejna mimlija bil-paċi tiegħu, bil-libertà tiegħu, bil-faraġ tiegħu. Huwa essenzjali li nżommu ħajja din il-memorja spiritwali. Aħna dejjem niftakru fil-ħwejjeġ li mhumiex sew: spiss jidwi fina dak il-leħen li jfakkarna fil-fallimenti u f’kemm m’aħniex kapaċi, u jgħidilna: “Ara, waqgħa oħra, delużjoni oħra, qatt m’int ħa tasal, m’initx kapaċi”. Dan huwa ritornell ikrah u kiefer. Imma l-Ispirtu s-Santu jfakkarna ħaġa oħra: “Waqajt? Imma int iben. Waqajt? Int bint ta’ Alla, int ħlejqa unika, magħżula, prezzjuża; waqajt, imma int dejjem maħbub u maħbuba: imqar jekk tlift il-fiduċja fik innifsek, Alla jafda fik!”. Din hija l-memorja tal-Ispirtu, dik li l-Ispirtu jfakkarna kontinwament: Alla jiftakar fik. Ħa titlef int il-memorja ta’ Alla, imma tiegħek Alla ma jitlifha qatt: kontinwament jiftakar fik.

 

Imma int tista’ toġġezzjona: kliem sabiħ, imma jien għandi wisq problemi, ġrieħi u tħassib li mhux ħa jissolvew b’konsolazzjonijiet faċli! Tajjeb, huwa proprju hemm li l-Ispirtu qed jitolbok tħallih jidħol. Għaliex hu, il-Konsolatur, huwa spirtu ta’ fejqan, huwa Spirtu ta’ qawmien u jista’ jibdel dawk il-ġrieħi li qed jaħarquk minn ġewwa. Hu jgħallimna biex ma naqtgħux barra t-tifkiriet tal-persuni u tas-sitwazzjonijiet li weġġgħuna, imma nħallu l-preżenza tiegħu tidħol tgħammar fihom. Hekk għamel mal-Appostli u mal-fallimenti tagħhom. Kienu abbandunaw lil Ġesù qabel il-Passjoni, Pietru kien ċaħdu, Pawlu kien ippersegwita lill-Insara: kemm żbalji, kemm sens ta’ ħtija! U aħna, naħsbu fl-iżbalji tagħna: kemm żbalji, kemm sens ta’ ħtija! Waħidna ma konniex sa nsibu kif ħa noħorġu minn dan l-isqaq. Waħidna le; bil-Konsolatur magħna, iva. Għax l-Ispirtu jfejjaq it-tifkiriet: ifejjaq it-tifkiriet. Kif? Billi jqiegħed fuq nett tal-lista dak li jiswa tassew: it-tifkira tal-imħabba ta’ Alla, il-ħarsa tiegħu fuqna. Hekk ipoġġi kollox fl-ordni fil-ħajja: jgħallimna nilqgħu lil xulxin, jgħallimna naħfru, naħfru lilna nfusna. Mhuwiex faċli naħfru lilna nfusna: l-Ispirtu jgħallimna din it-triq, jgħallimna nirrikonċiljaw mal-imgħoddi tagħna. Biex nibdew mill-ġdid.

 

Barra li jfakkarna fil-punt tat-tluq, l-Ispirtu jgħallimna liema toroq nieħdu. Ifakkarna fil-punt tat-tluq, imma issa jgħallimna liema triq naqbdu. Dan nifhmuh mit-Tieni Qari, fejn San Pawl ifisser li dawk li “jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla” (Rum 8:14) “jgħixu skont l-Ispirtu u mhux skont il-ġisem” (v. 4). L-Ispirtu, fi kliem ieħor, fi slaleb it-toroq tal-ħajja, jissuġġerilna l-aħjar triq li għandna naqbdu. Għalhekk importanti nkunu nafu ngħarblu l-leħen tiegħu minn dak tal-ispirtu tal-ħażen. It-tnejn ikellmuna: irridu nitgħallmu nagħmlu dixxerniment biex nifhmu fejn hu l-leħen tal-Ispirtu, biex nagħrfuh u nimxu t-triq, nimxu mal-ħwejjeġ li qed jgħidilna hu.

 

Ħa nagħtu xi eżempji: l-Ispirtu s-Santu qatt mhu ħa jgħidlek li fil-mixja tiegħek kollox sejjer sew. Qatt mhu ħa jgħidlek hekk, għax mhuwiex veru. Le, hu jikkoreġik, iwasslek anki biex tibki dnubietek; jixprunak biex tinbidel, biex teħodha mal-qerq u l-wiċċ b’ieħor tiegħek, imqar jekk dan jitlob ħafna taħbit, ġlieda interjuri u sagrifiċċju. Imma l-ispirtu l-ħażin iridek tagħmel dejjem dak li jogħġbok u li jidhirlek; iwasslek biex temmen li għandek dritt tuża l-libertà tiegħek kif jidhirlek int. Imma mbagħad, meta tibqa’ bil-vojt ġewwa fik – kemm hi ħaġa kerha, din l-esperjenza li tħossok vojt minn ġewwa: ħafna minna għaddejna minnha! –, u int, meta tibqa’ bil-vojt minn ġewwa, hu jakkużak: l-ispirtu l-ħażin jixlik, isir l-akkużatur, u jixħtek mal-art, jeqirdek. L-Ispirtu s-Santu, li tul il-mixja jikkoreġik, qatt mhu ħa jitilqek mal-art, qatt, imma jaqbadlek idek, ifarrġek u dejjem jinkuraġġik.

 

Mill-ġdid, meta tara li qed tħossok inkwetat bi mrar, pessimiżmu u ħsibijiet ta’ dwejjaq – kemm drabi waqajna f’dan! –, meta jseħħu dawn il-ħwejjeġ, tajjeb tkun taf li dan qatt ma hu ġej mill-Ispirtu s-Santu. Qatt: l-imrar, il-pessimiżmu, il-ħsibijiet ta’ dwejjaq ma jiġux mill-Ispirtu s-Santu. Jiġu mill-ħażin, li jħossu komdu fin-negattività u spiss jinqeda b’din l-istrateġija: ikabbar l-intolleranza, il-vittimiżmu, iġagħlek tħoss il-bżonn li toqgħod tibki lilek innifsek – kerha, din li toqgħod tibki lilek innifsek, imma kemm drabi… –, u mal-bżonn li toqgħod tibki lilek innifsek il-bżonn li tirreaġixxi għall-problemi billi toqgħod tikkritika, u tixħet il-ħtija kollha fuq l-oħrajn. Dan jagħmilna nervużi, suspettiżi u dejjem ingergru. It-tgergir, dan hu proprju l-lingwaġġ tal-ispirtu ħażin: iwasslek biex toqgħod tgerger, li dejjem hija ħaġa kerha, bi spirtu ta’ korteo funebri. It-tgergir… Bil-maqlub ta’ dan, l-Ispirtu s-Santu jistedinna biex ma nitilfu qatt il-fiduċja u biex nerġgħu nibdew mill-ġdid: qum!, qum! Dejjem jagħmillek il-qalb: qum! U jaqbadlek f’idek: qum! Kif? Billi nkunu aħna l-ewwel li nagħmlu xi ħaġa, mingħajr ma noqogħdu nistennew li jibda ħaddieħor. U mbagħad billi nwasslu lil kull min niltaqgħu miegħu tama u ferħ, u mhux tgergir; biex ma ngħiru qatt għall-oħrajn, qatt! L-għira hija l-bieb li minnu jidħol l-ispirtu ħażin, dan tgħidu l-Bibbja: minħabba fl-għira tax-xitan il-ħażen daħal fid-dinja. M’għandna qatt ngħiru, qatt! L-Ispirtu s-Santu jġiblek il-ġid, imma jwasslek biex tifraħ bis-suċċessi tal-oħrajn: “Kemm hi ħaġa sabiħa! Imma, kemm hi ħaġa sabiħa li dan mar tajjeb…”.

 

Barra minn hekk l-Ispirtu s-Santu hu konkret, mhuwiex idealista: iridna kkonċentrati fuq l-hawn u issa, għax il-post fejn qegħdin u ż-żmien li qed ngħixu fih huma l-postijiet tal-grazzja. Il-post tal-grazzja huwa l-post konkret tal-lum: hawn, issa. Kif? Ma humiex il-fantasiji li aħna nistgħu noqogħdu nimmaġinaw, u l-Ispirtu jwasslek għall-konkret, dejjem. Imma l-ispirtu tal-ħażen jaqlagħna minn hawn u minn issa, u bil-ħsieb tagħna jeħodna band’oħra: spiss jankrana fil-passat, fis-sogħba għal dak li għadda, fin-nostalġija, f’dak li l-ħajja ma tatniex. Inkella jipproġettana lejn il-futur, irewwaħ biżgħat, illużjonijiet, tamiet foloz. L-Ispirtu s-Santu le, iwassalna biex inħobbu hawn u issa, fil-konkret: mhux xi dinja ideali, Knisja ideali, mhux kongregazzjoni reliġjuża ideali, imma dik li hawn, għad-dawl tax-xemx, fit-trasparenza, fis-sempliċità. X’differenza mill-ħażin, li jrewwaħ il-ħwejjeġ li jingħadu wara d-dahar ta’ xulxin, it-tqassis, is-seksik! Is-seksik hu drawwa kerha, li teqred l-identità tal-persuni.

 

L-Ispirtu jridna flimkien, iwaqqafna bħala Knisja u llum – dan hu t-tielet u l-aħħar aspett – jgħallem lill-Knisja kif għandha timxi. Id-dixxipli kienu mistoħbija fiċ-Ċenaklu, imbagħad l-Ispirtu niżel u ħariġhom minn hemm. Mingħajr l-Ispirtu kienu magħluqin f’xulxin, bl-Ispirtu nfetħu għal kulħadd. F’kull żmien, l-Ispirtu jaqleb ta’ taħt fuq l-iskemi tagħna u jiftaħna għall-ġdid tiegħu. Hemm il-ġdid ta’ Alla dejjem, li hu l-ġdid tal-Ispirtu s-Santu; dejjem jgħallem lill-Knisja l-ħtieġa vitali li toħroġ, il-bżonn fiżjoloġiku li tħabbar, li ma tibqax magħluqa fiha nfisha: li ma tkunx merħla li ssaħħaħ iċ-ċint, imma mergħa miftuħ biex kulħadd jista’ jitrejjaq mill-ġmiel ta’ Alla; jgħallimna nkunu dar li tilqa’ mingħajr ħitan diviżorji. Imma l-ispirtu mondan jagħfas fuqna biex nikkonċentraw biss fuq il-problemi tagħna, fuq l-interessi tagħna, fuq il-bżonn li nidhru rilevanti, fuq il-ħarsien determinat tal-appartenenzi nazzjonali tagħna u bħala grupp. L-Ispirtu s-Santu le: jistedinna ninsew lilna nfusna, biex ninfetħu għal kulħadd. U hekk iżomm lill-Knisja żagħżugħa. Attenti: hu jżommha żagħżugħa, mhux aħna. Aħna naraw kif ħa nirtukkjawha xi ftit: dak għalxejn. Hu li jżommha żagħżugħa. Għax il-Knisja ma nistgħux nipprogrammawha aħna u l-proġetti tagħna biex nimmodernizzawha mhumiex biżżejjed. Hemm l-Ispirtu li jeħlisna mill-ossessjoni tal-urġenzi u jistedinna nimxu fit-toroq qodma u dejjem ġodda, dawk tax-xhieda, it-toroq tax-xhieda, it-toroq tal-faqar, it-toroq tal-missjoni, biex jeħlisna minna nfusna u jibgħatna fid-dinja.

 

U fl-aħħar – il-biċċa kurjuża – l-Ispirtu s-Santu hu l-awtur tal-qasma, anki tal-istorbju, ta’ ċertu diżordni. Aħsbu ftit fl-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin: l-awtur joħloq qasma ta’ lingwi, ta’ atteġġjamenti… xi storbju dak! Imma fl-istess waqt, huwa l-awtur tal-armonija. Jaqsam bil-firxa wiesgħa ta’ kariżmi, imma qasma finta, għax il-vera qasma tidħol fl-armonija. Hu jaqsam bil-kariżmi u hu jagħmel l-armonija b’dan il-qsim kollu, u dan hu l-għana tal-Knisja.

 

Ħuti, ejjew nidħlu fl-iskola tal-Ispirtu s-Santu, biex jgħallimna kull ħaġa. Nitolbuh ta’ kuljum, biex ifakkarna nitilqu mill-ġdid dejjem mill-ħarsa ta’ Alla fuqna, biex niċċaqilqu fl-għażliet tagħna billi nisimgħu leħnu, biex nimxu flimkien, bħala Knisja, doċli għalih u miftuħa għad-dinja. Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard