ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM U L-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru – Altar tal-Katedra

Il-XXXV Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 5 ta’ April 2020

 

Ġesù “xejjen lilu nnifsu, billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2:7). Inħallu dawn il-kelmiet tal-Appostlu Pawlu jintroduċuna għall-jiem imqaddsa, fejn il-Kelma ta’ Alla, bħal ritornell, turi lil Ġesù bħala qaddej: f’Ħamis ix-Xirka hu l-qaddej li jaħsel riġlejn id-dixxipli; fil-Ġimgħa l-Kbira hu ppreżentat bħala l-qaddej sofferenti u rebbieħ (ara Iż 52:13); u diġà għada Iżaija jħabbar dwaru: “Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen” (Iż 42:1). Alla salvana billi qdiena. Ġeneralment naħsbu li huwa aħna li naqdu lil Alla. Le, huwa hu li qdiena b’xejn, għax ħabbna hu l-ewwel. Diffiċli nħobbu mingħajr ma niġu maħbuba. U hu iżjed diffiċli naqdu jekk ma nħallux lil Alla jaqdina.

 

Imma – mistoqsija – b’liema mod qdiena Alla? Billi ta ħajtu għalina. Aħna għeżież għalih u swejnielu prezz għoli. Santa Angela minn Foligno tat xhieda li semgħet minn fomm Ġesù dawn il-kelmiet: “Ma ħabbejtekx biċ-ċajt”. Imħabbtu wasslitu biex jissagrifika ruħu għalina, biex jieħu fuqu l-ħażen tagħna lkoll. Hija ħaġa li tħallina b’ħalqna miftuħ: Alla salvana u ħalla li l-ħażen tagħna jinxteħet kollu fuqu. Mingħajr ma rreaġixxa, imma biss bl-umiltà, is-sabar u l-ubbidjenza tal-qaddej, għalkollox u biss bil-qawwa tal-imħabba. U l-Missier wieżen il-qadi ta’ Ġesù: ma neħħiex il-ħażen li kien qed jattakkah, imma wieżen it-tbatija tiegħu, biex il-ħażen tagħna jintrebaħ biss bit-tajjeb, biex jidħol fih sa ġewwa nett bi mħabbtu. Sa ġewwa nett.

 

Il-Mulej qdiena sal-punt li ġarrab is-sitwazzjonijiet li huma l-aktar ta’ tbatija għal min iħobb: it-tradiment u l-abbandun.

 

It-tradiment. Ġesù ġarrab it-tradiment tad-dixxiplu li biegħu u tad-dixxiplu li ċaħdu. Ġie ttradut min-nies li għannietlu Osanna u mbagħad għajtet: “Sallbu!” (Mt 27:22). Ġie ttradut mill-istituzzjoni reliġjuża li kkundannatu bla ħtija u mill-istituzzjoni politika li ħaslet idejha. Ejjew naħsbu fit-tradimenti żgħar jew kbar li ġarrabna fil-ħajja. Kemm hu terribbli meta tiskopri li l-fiduċja tajba li tkun poġġejt f’xi ħadd tiġi mwieġba bil-qerq. Fil-fond tal-qalb tinbet delużjoni hekk kbira li għaliha l-ħajja tidher ma jifdlilhiex iktar sens. Dan jiġri għax aħna ġejna maħluqa biex niġu maħbuba u biex inħobbu, u l-aktar ħaġa li tweġġgħalna qalbna hi li niġu ttraduti minn min wegħedna li jibqa’ leali lejna u qrib tagħna. Lanqas nistgħu biss nistħajlu x’weġgħa kienet għal Alla, li huwa mħabba.

 

Ejjew inħarsu ġewwa fina stess. Jekk inkunu sinċiera magħna nfusna, naraw l-infedeltajiet tagħna. Kemm qerq, ipokrezija u wiċċ b’ieħor! Kemm intenzjonijiet tajba li sfaw ittraduti! Kemm wegħdiet mhux miżmuma! Kemm proposti li tħallew jiġu fix-xejn! Il-Mulej jaf il-qalb tagħna aħjar minna, jaf kemm aħna dgħajfa u ma nżommux kelmitna, kemm drabi nċedu, kemm insibuha bi tqila biex nerġgħu nqumu u kemm hu iebes li jfiqu ċerti ġerħat. U x’għamel biex jiġi jiltaqa’ magħna fejn aħna, biex jaqdina? Dak li kien qal permezz tal-profeta: “Naħfrilhom, għad li xxewxu kontrija; minn qalbi nħobbhom” (Hos 14:5). Fejjaqna billi ħa fuqu l-infedeltajiet tagħna, neħħielna t-tradimenti tagħna. Biex hekk aħna, flok naqtgħu qalbna għax nibżgħu li mhux ħa naslu, nistgħu nerfgħu ħarsitna lejn il-Kurċifiss, nilqgħu t-tgħanniqa tiegħu u ngħidulu: “Ara, l-infedeltà tiegħi hemm hi, ħadtha int fuqek, Ġesù. Tiftaħli dirgħajk beraħ, taqdini bi mħabbtek, tibqa’ tweżinni… Allura nibqa miexi ’l quddiem!”.

 

L-abbandun. Fuq is-salib, fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jlissen frażi, waħda biss: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46). Hija frażi qawwija. Ġesù kien bata l-abbandun tal-għeżież tiegħu, li kienu ħarbu. Imma kien fadallu l-Missier. Issa, fil-qiegħ nett tas-solitudni, għall-ewwel darba jsejjaħlu bl-isem ġeneriku ta’ “Alla”. U jgħajjatlu “b’leħen qawwi” l-“għaliex”, l-għaliex l-iktar kiefer: “Għaliex anki int abbandunajtni?”. Fir-realtà huma l-kelmiet ta’ Salm (ara 22:2): jgħidulna li Ġesù fit-talb tiegħu ħa wkoll id-deżolazzjoni l-aktar estrema. Imma jibqa’ l-fatt li ġarrabha: ġarrab l-akbar abbandun, li l-Vanġeli jagħtu xhieda tiegħu billi jġibu l-kelmiet oriġinali tiegħu.

 

Għaliex dan kollu? Għal darb’oħra għalina, biex jaqdina. Biex meta nħossuna daharna mal-ħajt, meta nsibu ruħna mrekkna fi sqaq, bla dawl u triq mnejn noħorġu, meta jidher saħansitra li Alla mhux iwieġeb, niftakru li m’aħniex waħidna. Ġesù daq l-abbandun totali, is-sitwazzjoni l-iżjed barranija għalih, biex f’kollox ikun solidali magħna. Dan għamlu għalija, għalik, għalina lkoll, għamlu biex jgħidilna: “La tibżax, m’intix waħdek. Jiena ġarrabt id-deżolazzjoni kollha tiegħek biex inkun dejjem maġenbek”. Sa hawn qdiena Ġesù, u niżel fl-abbiss tal-eqqel tbatijiet tagħna, sat-tradiment u l-abbandun. Illum, fit-traġedja tal-pandemija, quddiem tant ċertezzi li qed jiżżarmaw, quddiem tant aspettattivi ttraduti, fis-sens ta’ abbandun li jagħfsilna qalbna, Ġesù qed jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Kuraġġ: iftaħ qalbek għal imħabbti. Ħa tħoss il-faraġ ta’ Alla, li jwieżnek”.

 

Għeżież ħuti, x’nistgħu nagħmlu quddiem Alla li qdiena sal-punt li ġarrab it-tradiment u l-abbandun? Nistgħu ma nittradux dak li għalih ġejna maħluqa, ma nabbandunawx dak li jiswa. Ninsabu f’din id-dinja biex inħobbu lilu u lill-oħrajn. Il-bqija jgħaddi, dan hu li jibqa’. It-traġedja li għaddejjin minnha bħalissa twassalna biex nieħdu bis-serjetà dak li hu serju, u ma nintilfux wara ħwejjeġ li ftit jiswew; biex niskopru li l-ħajja ma tiswiex jekk ma sservix. Għax il-ħajja titkejjel mill-imħabba. Mela, f’dawn il-ġranet qaddisa, id-dar, ħa nintasbu quddiem il-Kurċifiss – ħarsu, ħarsu lejn il-Kurċifiss! –, kejl tal-imħabba ta’ Alla għalina. Quddiem Alla li jaqdina sal-punt li jagħti ħajtu għalina, nitolbu, aħna u nħarsu lejn il-Kurċifiss, il-grazzja li ngħixu biex naqdu. Infittxu li nikkuntattjaw lil min qed ibati, lil min hu waħdu u fil-bżonn. Ma naħsbux biss f’dak li jonqos, naħsbu fil-ġid li nistgħu nagħmlu.

 

Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen. Il-Missier, li wieżen lil Ġesù fil-Passjoni, iħeġġeġ lilna wkoll fil-qadi. Bla dubju, li tħobb, titlob, taħfer, tieħu ħsieb tal-oħrajn, fil-familja bħal fis-soċjetà, jista’ jiswielek. Jista’ jidher via crucis. Imma t-triq tal-qadi hija t-triq rebbieħa, li salvatna u li ssalvana, li ssalva l-ħajja. Dan nixtieq ngħidu speċjalment liż-żgħażagħ, f’dan il-Jum li ilu 35 sena ddedikat lilhom. Għeżież ħbieb, ħarsu lejn il-veri eroj, li f’dawn il-ġranet qed joħorġu għad-dawl: mhumiex dawk li għandhom il-fama, il-flus u s-suċċess, imma dawk li jagħtu lilhom infushom biex jaqdu lill-oħrajn. Ħossukom imsejħin tilagħbu ħajjitkom. Tibżgħux tiddedikawha għal Alla u għall-oħrajn, tirbħu tistgħu! Għax il-ħajja hija don li tirċevih meta tingħata. U għax l-ikbar ferħ hu meta tgħid iva lill-imħabba, mingħajr imma u mingħajr jekk. Tgħid iva lill-imħabba, mingħajr imma u mingħajr jekk. Kif għamel Ġesù għalina.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard