QUDDIESA B’SUFFRAĠJU TAL-MIBKI PAPA BENEDITTU XVI

U TAL-KARDINALI U ISQFIJIET LI MIETU FL-AĦĦAR SENA

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Bażilika ta’ San Pietru – Altar tal-Katedra

Il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru 2023

 

Ġesù wasal biex jidħol Najn, u d-dixxipli u “kotra kbira ta’ nies” kienu miexja miegħu (ara Lq 7:11). Meta joqrob lejn bieb il-belt, jilmaħ korteo ieħor miexi, imma fid-direzzjoni opposta: ħiereġ biex jidfen l-iben waħdieni ta’ omm li sfat armla. U, jgħid il-Vanġelu: “Kif raha l-Mulej tħassarha” (Lq 7:13). Ġesù jara u tiġih ħasra. Benedittu XVI, li llum qed infakkru flimkien mal-Kardinali u mal-Isqfijiet li mietu tul l-aħħar sena, fl-ewwel Enċiklika tiegħu kiteb li l-programm ta’ Ġesù hu “qalb li tara” (Deus caritas est, 31). Kemm drabi fakkarna li l-fidi mhijiex qabelxejn idea li għandna nifhmu jew morali li għandna nobdu, imma Persuna li rridu niltaqgħu magħha, Ġesù Kristu: il-qalb tiegħu tħabbat qawwija għalina, ħarstu tiġih ħasra quddiem it-tbatijiet tagħna.

 

Il-Mulej jieqaf quddiem in-niket ta’ dik il-mewt. Interessanti li proprju f’din l-okkażjoni, għall-ewwel darba, il-Vanġelu ta’ Luqa jattribwixxi lil Ġesù t-titlu ta’ “Mulej”: “il-Mulej tħassarha”. Jiġi msejjaħ Mulej – jiġifieri Alla, li għandu l-ħakma fuq kollox – proprju fl-għemil tal-ħniena tiegħu għal omm armla li, flimkien mal-iben il-waħdieni tagħha, tilfet ir-raġuni għalxiex tgħix. Dan hu Alla tagħna, li d-divinità tiegħu tilma f’kuntatt mal-miżerji tagħna, għax il-qalb tiegħu hi mimlija ħniena u mogħdrija. Il-qawmien ta’ dak l-iben, id-don tal-ħajja li tegħleb lill-mewt, joħroġ proprju minn hawn: mill-ħniena tal-Mulej, li jitqanqal quddiem il-ħażen estrem tagħna, il-mewt. Kemm hu importanti nikkomunikaw din il-ħarsa ta’ ħniena għal min qed jgħix fin-niket għall-mewt tal-għeżież tiegħu!

 

Il-ħniena ta’ Ġesù għandha karatteristika: hi konkreta. Hu, jgħid il-Vanġelu, “resaq, u mess it-tebut” (ara Lq 7:14). Ma jiswa xejn li tmiss it-tebut ta’ xi ħadd mejjet; barra minn hekk, f’dak iż-żmien kien meqjus ġest impur, li kien iniġġes lil min jagħmlu. Imma Ġesù ma jagħtix kas ta’ dan, il-ħniena tiegħu xxejjen id-distanzi u twasslu biex joqrob lejn l-oħrajn. dan huwa l-istil ta’ Alla, hu magħmul minn qrubija, ħniena u ħlewwa. U ta’ ftit kliem. Kristu ma jagħmilx prietki fuq il-mewt, imma lil dik l-omm jgħidilha ħaġa waħda: “Tibkix!” (Lq 7:13). Għaliex? Forsi ħaġa żbaljata li nibku? Le. Ġesù stess jibki fil-Vanġeli. Imma lil dik l-omm jgħidilha: Tibkix, għax mal-Mulej id-dmugħ ma jibqax għal dejjem, għandu tmiem. Huwa Alla li, kif tħabbar minn qabel l-Iskrittura, “jeqred il-mewt għal dejjem” u “jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ” (Iż 25:8; ara Apok 21:4). Għamel tiegħu d-dmugħ tagħna biex ineħħih minn fuqna.

 

Din hija l-ħniena tal-Mulej, li tasal biex tagħti l-ħajja mill-ġdid lil dak l-iben żagħżugħ. B’differenza minn mirakli oħra, Ġesù dan jagħmlu mingħajr biss jitlob mill-omm li jkollha l-fidi. Għaliex għemil tal-għaġeb hekk straordinarju u hekk rari? Għax hawn għandna l-iltim u l-armla, li flimkien mal-barrani, il-Bibbja tindikahom bħala dawk l-iżjed waħidhom u abbandunati, li ma jistgħu jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’ħadd aktar jekk mhux f’Alla. L-armla, l-iltim, il-barrani. Huma għalhekk il-persuni l-aktar intimi u għeżież għall-Mulej. Ma nistgħux inkunu intimi u għeżież għall-Mulej jekk ninjoraw lilhom, li jgawdu mill-ħarsien u mill-għożża preferenzjali tiegħu, u li se jkunu huma li jilqgħuna fis-Sema. L-armla, l-iltim u l-barrani.

 

Meta nħarsu lejhom, nieħdu tagħlima importanti, li niġbor fit-tieni kelma tal-lum: umiltà. L-iltim u l-armla fil-fatt huma l-umli per eċċellenza, dawk li, għax iqiegħdu kull tama tagħhom fil-Mulej u mhux fihom infushom, mexxew iċ-ċentru tal-ħajja tagħhom fuq Alla: ma jserrħux fuq is-saħħa tagħhom, imma fuqu, li jieħu ħsieb tagħhom. Dawk li, waqt li jirrifjutaw kull preżunzjoni ta’ awtosuffiċjenza, jagħrfu li huma fil-ħtieġa ta’ Alla u jafdaw fih, dawk huma l-umli. U huma dawn il-foqra fl-ispirtu li juruna ċ-ċokon tant mogħġub mill-Mulej, it-triq li twassal għas-Sema. Alla jfittex nies umli, li jafdaw fih, mhux fihom infushom u fil-pjanijiet tagħhom. Ħuti, din hi l-umiltà Nisranija: mhijiex virtù fost l-oħrajn, imma d-dispożizzjoni profonda tal-ħajja: nagħrfu li aħna fil-bżonn ta’ Alla u nagħmlu wisa’ għalih, u nqiegħdu kull fiduċja tagħna fih. Din hi l-umiltà Nisranija.

 

Alla jħobb l-umiltà għax b’hekk hu jista’ jinteraġixxi magħna. Iktar minn hekk, Alla jħobb l-umiltà għax huwa stess hu umli. Jinżel ħdejna, jitbaxxa; ma jimponix ruħu, iħalli l-wisa’. Alla mhux biss huwa umli, imma hu umiltà. “Int umiltà, Mulej”, hekk kien jitlob San Franġisk ta’ Assisi (ara Tifħir: FF 261). Ejjew naħsbu fil-Missier, li ismu hu kollu riferiment għall-Iben flok għalih innifsu; u fl-Iben, li ismu hu kollu relattiv għall-Missier. Alla jħobb lil dawk li jiddeċentraw ruħhom, li mhumiex iċ-ċentru ta’ kollox, iħobb appuntu lill-umli: dawn jixbhuh iktar minn kulħadd. Għalhekk li, kif jgħid Ġesù, “min jiċċekken jitkabbar” (Lq 14:11). U nieħu pjaċir hawn infakkar dawk il-kelmiet tal-bidu tal-Papa Benedittu: “ħaddiem umli fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej”. Iva, in-Nisrani, fuq kollox il-Papa, il-Kardinali, l-Isqfijiet, huma msejħin ikunu ħaddiema umli: biex jaqdu, u mhux biex jinqdew; biex flok fil-frott tagħhom, l-ewwel jaħsbu f’dak tad-dielja tal-Mulej. U kemm hi ħaġa sabiħa li niċħdu lilna nfusna minħabba fil-Knisja ta’ Ġesù!

 

Ħuti, nitolbu lill-Mulej ħarsa kollha ħniena u qalb umli. Qatt ma negħjew nitolbuh, għax hu fit-triq tal-ħniena u tal-umiltà li l-Mulej jagħtina ħajtu, li tirbaħ fuq il-mewt. U nitolbu għall-għeżież ħutna mejtin. Il-qalb tagħhom kienet pastorali, ħanina; u umli, għax is-sens tal-ħajja tagħhom kien il-Mulej. Fih isibu l-paċi ta’ dejjem. Jifirħu ma’ Marija, li l-Mulej għolla għax ra l-umiltà tagħha (ara Lq 1:48).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard