VELJA TAL-LEJL QADDIS TAL-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru – Altar tal-Katedra

Sibt il-Għid, 3 ta’ April 2021

 

In-nisa ħasbu li ħa jsibu l-katavru biex jidilkuh, imma minflok sabu qabar vojt. Kienu marru biex jibku wieħed mejjet, imma minflok semgħu tħabbira tal-ħajja. Għalhekk, jgħid il-Vanġelu, dawn in-nisa “kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża’” (Mk 16:8), mimlijin bil-biża’, imwerwra u kollhom stagħġib. Stagħġib: f’dan il-każ hu biża’ mħallat mal-ferħ, li jissorprendi lil qalbhom meta jaraw il-blata l-kbira tal-qabar imgerbba u fuq ġewwa żagħżugħ liebes l-abjad. Huwa l-istagħġib għas-smigħ ta’ dawk il-kelmiet: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt” (v. 6). U mbagħad dik l-istedina: “hu sejjer fil-Galilija qabilkom” (v. 7). Nilqgħu aħna wkoll din l-istedina, l-istedina tal-Għid: immorru l-Galilija fejn Kristu Rxoxt jinsab qabilna. Imma xi jfisser “immorru l-Galilija”?

 

Immorru l-Galilija qabelxejn ifisser nerġgħu nibdew mill-ġdid. Għad-dixxipli jfisser imorru lura fil-post fejn għall-ewwel darba l-Mulej fittixhom u sejħilhom biex jimxu warajh. Huwa l-post tal-ewwel laqgħa u l-post tal-ewwel imħabba. Minn dak il-mument, ħallew ix-xbieki, u mxew wara Ġesù, semgħu l-predikazzjoni tiegħu u raw b’għajnejhom l-għeġubijiet li wettaq. Imma, imqar jekk kienu dejjem miegħu, ma fehmuhx għalkollox, spiss fehmu ħażin il-kelmiet tiegħu u quddiem is-salib ħarbu, ħallewh waħdu. Minkejja dan il-falliment, Kristu Rxoxt jippreżenta ruħu bħala dak li, għal darb’oħra, imur qabilhom il-Galilija; imur qabilhom, jiġifieri jinsab quddiemhom. Isejħilhom u jerġa’ jsejħilhom mill-ġdid biex jimxu warajh, bla qatt jegħjew. L-Irxoxt qed jgħidilhom: “Ejjew nibdew mill-ġdid mnejn bdejna qabel. Nerġgħu nibdew. Irridkom mill-ġdid miegħi, minkejja u lil hemm mill-fallimenti kollha”. F’din il-Galilija nitgħallmu l-istagħġib għall-imħabba bla tarf tal-Mulej, li jiftħilna mogħdijiet ġodda fit-toroq tat-telfiet tagħna. Għax hekk jagħmel il-Mulej: jurina mogħdijiet ġodda fit-toroq tat-telfiet tagħna. Hekk hu magħmul, u issa jistedinna fil-Galilija biex nagħmlu dan.

 

Din hi l-ewwel tħabbira tal-Għid li nixtieq ngħaddilkom: dejjem huwa possibbli nibdew mill-ġdid, għax dejjem hemm ħajja ġdida li Alla kapaċi jtellaq mill-ġdid fina lil hemm mill-fallimenti kollha tagħna. Imqar mit-tifrik tal-qalb tagħna – kull wieħed u waħda minna jaf, jaf x’inhu t-tifrik ta’ qalbu – imqar mit-tifrik ta’ qalbna Alla jista’ jibni opra tal-arti, imqar mill-bċejjeċ diżastrużi tal-umanità tagħna Alla jħejji storja ġdida. Hu dejjem jimxi qabilna: fis-salib tat-tbatija, tad-deżolazzjoni u tal-mewt, l-istess kif jagħmel fil-glorja ta’ ħajja li tirxoxta, ta’ storja li tinbidel, ta’ tama li tinbet mill-ġdid. U f’dawn ix-xhur mudlama tal-pandemija nisimgħu lil Kristu Rxoxt jistedinna nerġgħu nibdew mill-ġdid, ma nitilfu qatt it-tama.

 

It-tieni, li mmorru l-Galilija jfisser ngħaddu minn toroq ġodda. Ifisser niċċaqilqu fid-direzzjoni bil-maqlub tal-qabar. In-nisa jfittxu lil Ġesù fil-qabar, jiġifieri jmorru biex ifakkru dak li għexu miegħu u li issa hu mitluf għal dejjem. Imorru biex joqogħdu jġeddu n-niket tagħhom. Hija x-xbieha ta’ fidi li saret kommemorazzjoni ta’ fatt sabiħ imma li ntemm, li jista’ biss jitfakkar. Ħafna – aħna wkoll – jgħixu l-“fidi tat-tifkiriet”, bħallikieku Ġesù kien persunaġġ tal-imgħoddi, ħabib taż-żgħożija li issa saret ħaġa tal-passat, fatt li seħħ tant żmien ilu, meta kont għadni tfajjel nattendi l-katekiżmu. Fidi magħmula minn drawwiet, minn ħwejjeġ tal-passat, minn tifkiriet sbieħ tat-tfulija, li m’għadhiex tmissli qalbi, m’għadhiex tisfidani. Imma li mmorru l-Galilija jfisser nitgħallmu li l-fidi, biex tkun ħajja, trid terġa’ tibda miexja fit-triq. Trid iġġedded ta’ kuljum il-bidu tal-mixja, l-istagħġib tal-ewwel laqgħa. U mbagħad tafda, mingħajr il-preżunzjoni li diġà taf kollox, imma bl-umiltà ta’ min iħalli t-toroq ta’ Alla jissorprenduh. Aħna nibżgħu mis-sorpriżi ta’ Alla; is-soltu nibżgħu li Alla se jissorprendina. U llum il-Mulej qed jistedinna nħalluh jissorprendina. Immorru l-Galilija biex niskopru li lil Alla ma nistgħux naqfluh qalb it-tifkiriet tat-tfulija imma hu ħaj, dejjem jissorprendi. L-Irxoxt ma jieqaf qatt jissorprendina.

 

Din hi t-tieni tħabbira tal-Għid: il-fidi mhijiex repertorju tal-passat, Ġesù mhuwiex persunaġġ li issa hu ssuperat. Huwa ħaj, hawn u issa. Jimxi miegħek ta’ kuljum, fis-sitwazzjoni li qed tgħix, fil-prova li għaddej minnha, fil-ħolm li ġġorr fik. Jiftaħ toroq ġodda fejn int taħseb li ma hemmx, jimbuttak biex teħodha kontra l-kurrent flok toqgħod titħassar lilek innifsek jew tgħid “dan ġa rajtu”. Imqar jekk kollox jidher mitluf f’għajnejk, nitolbok, iftaħ qalbek bi stagħġib għall-ġdid tiegħu: se jissorprendik.

 

Barra minn hekk, li mmorru l-Galilija jfisser immorru fit-trufijiet. Għax il-Galilija hija l-post l-aktar imbiegħed: f’dak ir-reġjun imħallat u varjat kienu jgħixu dawk li kienu l-iżjed imbiegħda mill-purezza ritwali ta’ Ġerusalemm. Imma Ġesù minn hemm beda l-missjoni tiegħu, meta xandar lil min b’ħafna taħbit kien qed jgħix il-ħajja ta’ kuljum, meta ħabbar lill-imwarrbin, lid-dgħajfin, lill-foqra, biex seta’ jkun wiċċ u preżenza ta’ Alla, li jmur ifittex bla ma jegħja lil min hu qalbu maqtugħa jew mitluf, li jimxi lejn it-trufijiet tal-ħajja għax f’għajnejh ħadd mhu fl-aħħar post, ħadd mhu mwarab. Lil dawk li huma tiegħu l-Irxoxt hemm jitlobhom imorru, anki llum jitlob minna li mmorru l-Galilija, f’din il-“Galilija” ta’ veru. Huwa l-post tal-ħajja ta’ kuljum, huma t-toroq li nimxu ta’ kuljum, huma l-irkejjen tal-bliet tagħna li fihom il-Mulej imur qabilna u hu preżenti, proprju fil-ħajja ta’ min jgħaddi minn ħdejna u jaqsam magħna l-ħin, id-dar, ix-xogħol, it-taħbit u t-tamiet. Fil-Galilija nitgħallmu li nistgħu nsibu lill-Irxoxt fil-wiċċ ta’ ħutna, fl-entużjażmu ta’ min joħlom u fir-rassenjazzjoni ta’ min hu qalbu maqtugħa, fit-tbissimiet ta’ min qed jifraħ u fid-dmugħ ta’ min qed ibati, fuq kollox fil-foqra u f’min hu mwarrab għall-ġenb. Nistagħġbu kif il-kobor ta’ Alla jinkixef fiċ-ċokon, kif il-ġmiel tiegħu jilma fis-sempliċi u fil-foqra.

 

Hawn hi, allura, it-tielet tħabbira tal-Għid: Ġesù, l-Irxoxt, iħobbna bla qies u jżur kull sitwazzjoni ta’ ħajjitna. Hu żera’ l-preżenza tiegħu fil-qalb tad-dinja u jistieden ukoll lilna negħlbu l-ħitan, nirbħu l-preġudizzji, noqorbu lejn min jinsab maġenbna ta’ kuljum, biex niskopru mill-ġdid il-grazzja tal-ħajja ta’ kuljum. Ejjew nagħrfuh preżenti fil-Galiliji tagħna, fil-ħajja ta’ kuljum. Miegħu, il-ħajja tinbidel. Għax lil hemm mit-telfiet kollha, il-ħażen u l-vjolenza, lil hemm minn kull tbatija u lil hemm mill-mewt, l-Irxoxt jgħix u l-Irxoxt imexxi l-istorja.

 

Oħti, ħija, jekk f’dan il-lejl qed iġġorr f’qalbek siegħa mudlama, jum li għadu ma feġġx, dawl midfun, ħolma mkissra, mur, iftaħ il-qalb tiegħek u stagħġeb bl-aħbar tal-Għid: “Tibżax, huwa qam! Qed jistenniek il-Galilija!”. Ix-xewqat tiegħek mhux se jibqgħu vojta, id-dmugħ tiegħek se jiġi xxuttat, il-biżgħat tiegħek se jintrebħu mit-tama. Għax, kun af, il-Mulej jimxi dejjem qablek, jimxi dejjem quddiemek. U, miegħu, il-ħajja dejjem terġa’ tibda mill-ġdid.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard