ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA B’TIFKIRA TAL-FIDILI MEJTIN KOLLHA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Ċimiterju tal-Gwerra, Ruma
Il-Ħamis, 2 ta’ Novembru, 2023

 

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ jum bħal dan iġibilna f’moħħna żewġ ħsibijiet: memorja u tama.

Memorja ta’ dawk li ġew qabilna, li għexu ħajjithom, li dil-ħajja temmewha; memorja ta’ tant nies li għamlulna l-ġid: fil-familja, fost ħbiebna...  U memorja wkoll ta’ dawk li ma rnexxilhomx jagħmlu tant ġid, imma li ntlaqgħu fil-memorja ta’ Alla, fil-ħniena ta’ Alla.  Dan hu l-misteru tal-ħniena kbira ta’ Alla.

Imbagħad it-tama.  Din tal-lum hi memorja biex inħarsu ‘l quddiem, biex niflu mixjitna, triqtna.  Aħna mexjin lejn laqgħa, mal-Mulej u ma’ kulħadd.  U għandna nitolbu lill-Mulej dil-grazzja tat-tama: it-tama li ma tqarraq qatt; it-tama li hi l-virtù ta’ jiemna kollha, li tmexxina ‘l quddiem, tgħinna nsolvu l-probelmi u nfittxu kif se neħilsu minnhom.  Imma dejjem ‘il quddiem, ‘il quddiem.  Dik it-tama għammiela, dik il-virtù teologali tal-ħajja ta’ kuljum, ta’ kull waqt: se nsejħilha l-virtù teologali “tal-kċina” għax hi fil-qabda u dejjem ta’ għajnuna għalina.  It-tama li ma tqarraqx: aħna ngħixu f’dit-tensjoni bejn il-memorja u t-tama.

Nixtieq insemmi ħaġa li ġratli jien u dieħel.  Kont qed nosserva l-età ta’ dawn li waqgħu fil-gwerra.  Il-biċċa l-kbira tagħhom bejn l-20 u t-30 sena.  Ħajjiet imqaċċtin, ħajjiet bla futur.  U ftakart fil-ġenituri, fl-ommijiet li kienu jirċievu  dik l-ittra “Sinjura, għandi l-unur ngħidlek li ibnek hu eroj”.  “Iva, eroj, imma ħaduhuli!”  Tant dmugħ f’dawk il-ħajjiet maħsuda.  U ma stajtx ma niftakarx fil-gwerer tal-lum.  Illum qed jiġri l-istess: tant persuni żgħażagħ u mhux tant żgħażagħ... Fil-gwerer tad-dinja, ukoll f’dawk li hemm qrib tagħna, fl-Ewropa u ‘l barra: kemm mejtin!  Il-ħajja tinqered bla lanqas biss ma nintebħu.

Illum, aħna u niftakru fil-mejtin, ngħożżu l-memorja tal-mejtin u nindukraw it-tama, nitolbu lill-Mulej il-paċi, sabiex il-bnedmin ma joqtlux aktar lil xulxin bil-gwerer.  Tant mejtin innoċenti, tant suldati li jitilfu ħajjithom.  U dan għalfejn?  Il-gwerer dejjem huma telf, dejjem.  Mhemm qatt rebħa sħiħa, le.  Veru, wieħed jegħleb lill-ieħor, imma dejjem hemm it-telfa tal-prezz li jkun tħallas.  Nitolbu l-Mulej għall-mejtin tagħna, għalihom kollha, kollha kemm huma: biex il-Mulej jilqagħhom ilkoll.  U nitolbu wkoll sabiex il-Mulej ikollu ħniena minna u jtina t-tama: it-tama li nibqgħu mexjin ‘il quddiem u li nkunu nistgħu nitlaqgħu magħhom flimkien miegħu meta jsejħilna.  Hekk ikun.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljanminn Joe Huber