TIFKIRA TAL-FIDILI MEJTIN KOLLHA

QUDDIESA B’SUFFRAĠJU TAL-KARDINALI U ISQFIJIET

LI MIETU TUL IS-SENA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru Altar tal-Katedra

L-Erbgħa 2 ta’ Novembru 2022

 

Il-Qari li għadna kemm smajna jqanqal fina, fija, żewġ kelmiet: stennija u sorpriża.

 

Stennija tesprimi s-sens tal-ħajja, għax qed ngħixu fl-istennija tal-laqgħa: il-laqgħa ma’ Alla, li hu r-raġuni tat-talb tagħna ta’ interċessjoni llum, speċjalment għall-Kardinali u l-Isqfijiet li mietu fl-aħħar sena, li għalihom qed noffru b’suffraġju dan is-Sagrifiċċju Ewkaristiku.

 

Ilkoll qed ngħixu fl-istennija, fit-tama li jum wieħed għad nisimgħu jingħadu lilna dawk il-kelmiet ta’ Ġesù: “Ejjew, imberkin minn Missieri” (Mt 25:34). Ninsabu fis-sala tal-istennija tad-dinja biex nidħlu fil-Ġenna, biex nieħdu sehem f’dik “l-ikla għall-popli kollha” li dwarha tkellem il-profeta Iżaija (ara 25:6). Hu jgħid xi ħaġa li ssaħħnilna l-qalb tagħna għax twettaq l-akbar tamiet tagħna: il-Mulej “jeqred il-mewt għal dejjem” u “jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ” (v. 8). Kemm hi ħaġa sabiħa li l-Mulej jiġi jixxotta d-dmugħ! Imma kemm tkun ħaġa kerha meta nittama li dan ħa jagħmlu xi ħadd ieħor, u mhux il-Mulej. U iżjed kerha li ma jkollniex dmugħ. Imbagħad inkunu nistgħu ngħidu: “Dan hu Alla tagħna: fih ittamajna li jsalvana; dan hu l-Mulej li fih ittamajna: – dak li jixxotta d-dmugħ – nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu” (v. 9). Iva, aħna ngħixu fl-istennija li nirċievu ġid hekk kbir u sabiħ li lanqas jirnexxilna nimmaġinawh, għax, kif fakkarna l-Appostlu Pawlu, “aħna werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu” (Rum 8:17) u “nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna” (ara v. 23).

 

Ħuti, ejjew inkomplu nisseddqu fl-istennija tas-Sema, nitħarrġu fix-xewqa tal-Ġenna. Nagħmlu sew illum jekk nistaqsu lilna nfusna jekk ix-xewqat tagħna għandhomx x’jaqsmu mas-Sema. Għax qed nirriskjaw li kontinwament naspiraw għal ħwejjeġ li jgħaddu, li nħawdu x-xewqat mal-bżonnijiet, li npoġġu l-aspettattivi tad-dinja mal-istennija ta’ Alla. Imma li nitilfu minn taħt għajnejna dak li jiswa biex niġru wara r-riħ, dan ikun l-ikbar żball tal-ħajja. Ejjew inħarsu fil-għoli, għax aħna mexjin lejn l-Għoli, waqt li l-ħwejjeġ ta’ hawn isfel mhux se jmorru hemm fuq: l-aħjar karrieri, l-ikbar suċċessi, it-titli u r-rikonoxximenti l-iżjed prestiġjużi, l-għana li nġemmgħu u l-gwadanji ta’ din l-art, kollox għad isir suf f’tebqa t’għajn, kollox. U tibqa’ deluża għal dejjem kull tama li nqiegħdu fihom. U safrattant, kemm ħin, kemm taħbit u enerġija naħlu ninkwetaw u nsewdu qalbna għal dawn il-ħwejjeġ, u nħallu tbatti l-ħeġġa tagħna għal darna, ninsew is-sens tal-mixja, id-destinazzjoni tal-vjaġġ, l-infinit li lejh miġbuda, il-ferħ li għalih nieħdu n-nifs! Ejjew nistaqsu lilna nfusna: qed ngħix dak li ngħid fil-Kredu, jiġifieri li “nistenna l-qawma mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej”? U kif sejra l-istennija tiegħi? Kapaċi mmur għall-essenzjal jew naljena ruħi b’tant ħwejjeġ superfluwi? Inrawwam fija t-tama jew dejjem ingerer, għax nagħti wisq valur lil tant ħwejjeġ li ma jiswewx u li mbagħad għad jgħaddu?

 

Fl-istennija ta’ għada, jgħinna l-Vanġelu tal-lum. U hawn toħroġ it-tieni kelma li nixtieq naqsam magħkom: sorpriża. Għax kbira hija s-sorpriża kull darba li nisimgħu l-kapitlu 25 ta’ Mattew. Tixbah lil dik tal-protagonisti, li jgħidu: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?” (vv. 37-39). Meta qatt? Hekk tesprimi ruħha s-sorpriża ta’ kulħadd, l-istagħġib tat-tajbin u x-xokk tal-ħżiena.

 

Meta qatt? Dan nistgħu ngħiduh aħna wkoll: stennejna li l-ġudizzju fuq il-ħajja u fuq id-dinja sa jseħħ f’isem il-ġustizzja, quddiem xi tribunal li jaqta’ s-sentenza, jistħarreġ kull element, jiċċara għal dejjem is-sitwazzjonijiet u l-intenzjonijet. Imma, fit-tribunal divin, l-uniku kap ta’ mertu u akkuża hu l-ħniena lejn il-foqra u l-imwarrbin: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”, hi s-sentenza ta’ Ġesù (v. 40). L-Aktar Għoli donnu jinsab fl-iżjed ċkejkna. Dak li jgħix fis-smewwiet jgħammar fost l-iżjed insinifikanti għad-dinja. X’sorpriża din! Imma l-ġudizzju jseħħ hekk għax dak li se jagħmlu hu Ġesù, Alla tal-imħabba umli, Dak li twieled u għex fqir, li għex ta’ qaddej. Il-kejl tiegħu hu mħabba li tmur lil hemm mill-kejl tagħna u r-riga tal-ġudizzju tiegħu hi l-għotja b’xejn. Allura, biex inħejju ruħna nafu x’għandna nagħmlu: inħobbu b’xejn u bla ma nistennew xejn lura, mingħajr ma nistennew li xi ħadd ipattilna, lil min jidħol fil-lista ta’ preferenzi tiegħu, lil min ma jista’ jroddilna xejn, lil min ma jiġbidniex, lil min jaqdi lill-iżjed ċkejkna.

 

Dalgħodu rċivejt ittra mingħand kappillan ta’ dar tat-tfal, kappillan Protestant, Luteran, f’dar tat-tfal fl-Ukrajna. Tfal orfni tal-gwerra, tfal waħidhom, abbandunati. U qalli: “Dan hu s-servizz tiegħi: insieħeb lil dawn il-mormija, għax huma tilfu l-ġenituri, il-gwerra kiefra ġabithom waħidhom”. Dan il-bniedem qed jagħmel dak li Ġesù qed jitlob minnu: jikkura ċ-ċkejknin nett mit-traġedja. U meta qrajt dik l-ittra, miktuba b’tant uġigħ fil-qalb, tqanqalt, għax għidt: “Mulej, jidher ċar li int qed tkompli tnebbaħ il-veri valuri tas-Saltna”.

 

Meta qatt?, se jgħid dan ir-ragħaj lill-Mulej meta huma jiltaqgħu. Dik il-“meta” mibluha, li nsibuha erba’ darbiet fil-mistoqsijiet li l-umanità tagħmel lill-Mulej (ara vv. 37, 38, 39, 44), tasal tard, biss “meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu” (v. 31). Ħuti, ejjew ma nħallux li niġu sorpriżi aħna wkoll. Attenti biex ma nixħtux iżżejjed zokkor fuq it-togħma tal-Vanġelu. Għax spiss, għall-konvenjenza jew għall-kumdità, it-tendenza tagħna hi li nimmansaw il-messaġġ ta’ Ġesù, li nġibu fix-xejn il-kliem tiegħu. Ejjew nammettu, sirna bravi mhux ħażin biex nagħmlu l-kompromessi mal-Vanġelu. Dejjem sa hawn, sa hemm… kompromessi. Nagħtu l-ikel lil min hu bil-ġuħ iva, imma l-kwistjoni tal-ġuħ hi kumplessa, u żgur ma nistax insolviha jien! Ngħinu lill-foqra iva, imma mbagħad l-inġustizzji rridu naffaċċjawhom b’ċertu mod u allura aħjar nistennew, anki għax imbagħad jekk nimpenjaw ruħna nkunu nirriskjaw li niġu ddisturbati dejjem u forsi nintebħu li stajna mxejna aħjar, allura aħjar nistennew ftit. Inkunu qrib tal-morda u l-ħabsin iva, imma fl-ewwel paġni tal-ġurnali u fuq il-mezzi soċjali hemm problemi oħra iżjed urġenti u allura għaliex proprju jien għandi nuri interess fihom? Nilqgħu lill-migranti iva, daż-żgur, imma din hi kwistjoni ġenerali kkumplikata, tolqot il-politika… Jiena ma nidħolx f’dawn l-affarijiet… Dawn huma l-kompromessi: “iva, iva”, imma “le, le”. Dawn huma l-kompromessi li aħna nagħmlu mal-Vanġelu. Kollox “iva” imma, fl-aħħar, kollox “le”. U hekk, b’dawn il-ħafna “imma” u “però” – ħafna drabi aħna nies tal-“imma” u l-“però” – nagħmlu mill-ħajja kompromess mal-Vanġelu. Minn dixxipli sempliċi tal-Imgħallem insiru mgħallma ta’ kumplikazzjonijiet, li jargumentaw ħafna u jagħmlu ftit, li jfittxu tweġibiet iżjed quddiem il-kompjuter milli quddiem il-Kurċifiss, fuq l-internet flok f’għajnejn ħuthom; Insara li jikkummentaw, jiddibattu u jesponu teoriji, imma mank jafu fqir wieħed b’ismu, ilhom xhur sħaħ ma jżuru xi ħadd marid, qatt ma taw x’jiekol jew x’jilbes lil xi ħadd, qatt ma daħlu fi ħbiberiji ma’ xi ħadd fil-bżonn, u nsew li “l-programm tan-Nisrani huwa qalb li tara” (Benedittu XVI, Deus caritas est, 31).

 

Meta qatt? – is-sorpriża l-kbira: sorpriża għall-parti t-tajba u għall-parti l-ħażina – Meta qatt? Jistaqsu sorpriżi kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena. It-tweġiba hi waħda biss: il-meta huwa issa, illum, xħin noħorġu minn din il-Quddiesa. Illum, issa. Tinsab f’idejna, fl-opri ta’ ħniena tagħna: mhux fil-puntwalizzazzjonijiet jew fl-analiżijiet raffinati, mhux fil-ġustifikazzjonijiet individwali jew soċjali. F’idejna, u aħna r-responsabbli. Illum il-Mulej qed ifakkarna li l-mewt tasal biex tgħid il-verità fuq il-ħajja u tneħħi kull immansar tal-ħniena. Ħuti, ma nistgħux ngħidu li ma nafux. Ma nistgħux nifxlu r-realtà tal-ġmiel mal-irtokk artifiċjali. Il-Vanġelu jfissrilna kif għandna ngħixuha l-istennija: niltaqgħu mal-Mulej meta nħobbu, għax Huwa mħabba. U, fil-jum tat-tluq tagħna, is-sorpriża tkun hienja jekk issa nħallu l-preżenza ta’ Alla tissorprendina, hu li qed jistenniena qalb il-foqra u l-miġruħa tad-dinja. Ejjew ma nibżgħux minn din is-sorpriża: nimxu ’l quddiem fil-ħwejjeġ li l-Vanġelu qed jgħidilna, biex inkunu ġġudikati fl-aħħar. Alla jistenna li nżiegħlu bih mhux bil-kliem, imma bil-fatti.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard