QUDDIESA GĦALL-MEJTIN U TALB FUQ L-OQBRA TAĊ-ĊIMITERJU

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Knisja tal-Kulleġġ Pontifiċju Tewtoniku ta’ Santa Maria f’Camposanto
It-Tnejn, it-2 ta’ Novembru 2020

 

Ġob megħlub, anzi fi tmiem ħajtu minħabba l-mard, mingħajr ġilda, kważi fil-punt tal-mewt, għoddu mingħajr laħam, Ġob għandu ċertezza, u jiddikjaraha: «Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj, u li fl-aħħar fuq it-trab iqum!» (Ġob 19,25). Fil-mument li fih Ġob nieżel dejjem iktar ‘l isfel, ‘l isfel, ‘l isfel, hemm dik it-tgħannieqa ta’ dawl u ta’ sħana li sserraħlu rasu: Jien għad nara lid-Difensur. Għad narah b’dawn l-istess għajnejn. «Lilu narah b’ħabib tiegħi, dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani» (Ġob 19,27).

Din iċ-ċertezza, kważi fl-aħħar mument tal-ħajja, hija t-tama nisranija. Tama li hija rigal: li aħna ma jistax ikollna. Imma huwa don li għandna nitolbuh: “Mulej, agħtini t-tama”. Hemm tant affarijiet koroh li jwassluna għad-disperazzjoni, u nemmnu li fl-aħħar mill-aħħar se nitilfu kollox, u li wara l-mewt mhemm xejn… U hekku jerġa’ jinstema’  leħen Ġob, jerġa’ jinstema’: «Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj, u li fl-aħħar fuq it-trab iqum! […] Jien stess narah, b’dawn l-għajnejn.

«U din it-tama ma tqarraqx bina» (Rum 5,5), qalilna Pawlu. It-tama tiġbidna, u tagħti sens lil ħajjitna. Jiena ma nistax nara l-ħajja ta’ wara din, imma t-tama hija r-rigal ta’ Alla li jiġbidna lejn il-ħajja, lejn il-ferħ etern. It-tama hija bħal ankra li aħna għandna fuq in-naħa l-oħra, u aħna, meta naqbdu ma’ dan il-ħabel, inkunu qed ngħinu lilna nfusna (ara Lhud 6,18-20). “Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj, u jiena għad narah”. U dan, irrepetih f’mumenti ta’ ferħ u f’mumenti koroh, f’mumenti ta’ mewt, nirrepetu dan.

Din iċ-ċertezza hija rigal minn Alla, għaliex aħna ma jista’ jkollna qatt din it-tama bil-ħila tagħna. Jeħtieġ nitolbuha. It-tama hija rigal mogħti b’xejn, u li aħna ma jistħoqqilniex: imma hija mogħtija, hija rigal. Hija grazzja.

Imbagħad, huwa l-Mulej stess li jikkonferma dan, din it-tama ma tqarraqx bina:  «Dawk kollha li Missieri jagħtini, jiġu għandi» (Ġw 6,37). Dan hu l-iskop tat-tama: li mmorru għand Ġesů. U «min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni» (Ġw 6,37-38). Il-Mulej jilqagħna hemmhekk fejn hemm l-ankra. Il-ħajja bit-tama tgħixha hekk: iżżomm b’saħħtek kollha il-ħabel f’idek, għax taf li hemmhekk hemm l-ankra. U din l-ankra ma tqarraqx bina, ma tqarraqx bina.

Illum, meta qed niftakru f’tant ħutna li telqu qabilna, jagħmlilna tajjeb li nħarsu lejn iċ-ċimiterji u anke nħarsu ʼl fuq. U nirrepetu bħalma qal Ġob: “Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj, għad narah b’dawn l-istess għajnejn, lilu narah b’ħabib tiegħi, dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani”. U din hija l-qawwa li tagħtina t-tama, dan ir-rigal mogħti b’xejn li huwa l-virtů tat-tama. Jalla l-Mulej jagħtihulna lkoll.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes