IL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDES TA’ KRISTU

QUDDIESA, PURĊISSJONI U BARKA EWKARISTIKA

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika ta’ San Ġwann Lateran

Il-Ħadd 2 ta’ Ġunju 2024

 

“Ħa l-ħobż u qal il-barka” (Mk 14:22). Huwa l-ġest li bih jiftaħ ir-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija fil-Vanġelu ta’ San Mark. U aħna nistgħu nibdew minn dan il-ġest ta’ Ġesù – il-barka fuq il-ħobż – biex nirriflettu fuq it-tliet dimensjonijiet tal-Misteru li qed niċċelebraw: ir-radd il-ħajr, it-tifkira u l-preżenza.

 

L-ewwel: ir-radd il-ħajr. Il-kelma “Ewkaristija” trid tfisser sewwasew “ħajr”: “irroddu ħajr” lil Alla għad-doni tiegħu, u f’dan is-sens is-sinjal tal-ħobż hu importanti. Huwa l-ikel ta’ kuljum, li bih nieħdu fuq l-Altar dak kollu li aħna u li għandna: ħajja, għemejjel, suċċessi, u anki fallimenti, kif tissimbolizza d-drawwa sabiħa ta’ xi kulturi li jiġbru u jbusu l-ħobż meta jaqa’ fl-art: biex jiftakru li hu wisq prezzjuż biex jintrema, imqar wara li waqa’. Allura, l-Ewkaristija tgħallimna nbierku, nilqgħu u nbusu, dejjem, b’radd ta’ ħajr, id-doni ta’ Alla, u dan mhux biss fiċ-ċelebrazzjoni: anki fil-ħajja.

 

Ngħidu aħna, billi ma naħlux it-talenti li tana l-Mulej. Imma anki billi naħfru u nerfgħu mill-ġdid lil min ċeda minħabba d-dgħufija jew l-iżball: għax kollox huwa don u xejn ma jista’ jintilef, għax ħadd ma jista’ jibqa’ fl-art, u kulħadd għandu jkollu l-possibbiltà li jerġa’ jqum u jaqbad mill-ġdid il-mixja. U aħna nistgħu nagħmlu dan anki fil-ħajja ta’ kuljum, billi nwettqu l-ħidma tagħna bi mħabba, bi preċiżjoni, b’għożża, bħala don u missjoni. U ngħinu dejjem lil min waqa’: darba biss fil-ħajja nistgħu nħarsu lejn persuna minn fuq għal isfel: biex ngħinuha terġa’ tqum. U dan hija l-missjoni tagħna.

 

Biex irroddu ħajr ċertament nistgħu nżidu tant ħwejjeġ oħra. Huma atteġġjamenti “ewkaristiċi” importanti, għax jgħallmuna nagħrfu l-valur ta’ dak li nagħmlu, u ta’ dak li noffru.

 

L-ewwel nett, irroddu ħajr. It-tieni: “inbierku l-ħobż” ifisser nagħmlu t-tifkira. Ta’ xiex? Għal Iżrael tal-qedem dan kien ifisser li jfakkar il-ħelsien mill-jasar tal-Eġittu u l-bidu tal-ħruġ lejn l-art imwiegħda. Għalina jfisser li nerġgħu ngħixu l-Għid ta’ Kristu, il-Passjoni u l-Qawmien tiegħu, li bihom hu ħelisna mid-dnub u mill-mewt. Nagħmlu tifkira tal-ħajja tagħna, nagħmlu tifkira tas-suċċessi tagħna, nagħmlu tifkira tal-iżbalji tagħna, nagħmlu tifkira ta’ dik l-id miftuħa tal-Mulej li dejjem tgħinna biex nerġgħu nqumu, nagħmlu tifkira tal-preżenza tal-Mulej fil-ħajja tagħna.

 

Hemm min jgħid li ħieles hu min jaħseb biss fih innifsu, min igawdi ħajtu u min, b’attitudni ta’ wieħed li jiġi jaqa’ u jqum u forsi anki ta’ prepotenza, jagħmel dak kollu li jrid bla ma jagħti kas tal-oħrajn. Din mhijiex libertà: dan hu jasar mistur, jasar li jagħmilna iżjed ilsiera mill-ġdid.

 

Il-libertà ma nsibuhiex fil-kxaxen imsakkra ta’ min igeddes għalih innifsu, lanqas fuq is-sufani ta’ min b’għażż jintelaq ma jagħmel xejn jew fl-individwaliżmu: il-libertà nsibuha fiċ-Ċenaklu fejn, għal ebda raġuni oħra ħlief l-imħabba, naraw min jitbaxxa quddiem ħutu biex joffrilhom is-servizz tiegħu, ħajtu, bħala “mifdija”.

 

Fl-aħħar nett, il-ħobż Ewkaristiku hu preżenza reali. U b’dan ikellimna fuq Alla li mhuwiex imbiegħed, li mhuwiex għajjur, imma hu qrib u solidali mal-bniedem; li ma jitlaqniex waħidna, imma jiġi jfittixna, jistenniena u jimxi magħna, dejjem, sal-punt li jingħata, espost għalkollox, f’idejna.

 

U din il-preżenza tiegħu tistieden lilna wkoll nersqu qrib ta’ ħutna hemm fejn l-imħabba qed issejħilna.

 

Għeżież ħuti, kemm hawn bżonn fid-dinja tagħna li jkollna minn dan il-ħobż, mill-fwieħa tiegħu, fwieħa mimlija gratitudni, libertà, qrubija! Ta’ kuljum qed naraw wisq toroq, li forsi darba kienu jfewħu b’ħobż frisk għadu ħiereġ mill-forn, jirriduċu ruħhom għal gozz tifrik minħabba l-gwerra, l-egoiżmu u l-indifferenza! Hemm bżonn urġenti li fid-dinja nerġgħu nġibu l-fwieħa bnina u friska tal-imħabba, biex inkomplu nittamaw u nerġgħu nibnu bla qatt negħjew dak li l-mibegħda qed teqred.

 

Din ukoll hija t-tifsira tal-ġest li se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor, bil-Purċissjoni tal-Ewkaristija: nibdew mill-Altar, biex nieħdu lill-Mulej qalb id-djar tal-belt tagħna. Dan ma nagħmluhx biex nagħmlu xi wirja tagħna nfusna, u lanqas biex nimponu l-fidi tagħna, imma biex nistiednu lil kulħadd jieħu sehem, permezz tal-Ħobż tal-Ewkaristija, fil-ħajja ġdida li tana Ġesù. Ejjew nimxu purċissjoni f’dan l-ispirtu. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard