ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 2 ta’ April 2023

 

“Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46). Din hija l-invokazzjoni li l-Liturġija llum riditna nirrepetu fis-Salm Responsorjali (ara Salm 22:2) u hi l-unika waħda mlissna fuq is-salib minn Ġesù fil-Vanġelu li smajna. Mela dawn huma kelmiet li jeħduna lura lejn il-qalba tal-Passjoni ta’ Kristu, fil-quċċata tat-tbatija li bata biex salvana. “Għaliex tlaqtni?”.

 

It-tbatijiet ta’ Ġesù kienu ħafna, u kull darba li nisimgħu r-rakkont tal-Passjoni dawn jidħlu fil-qalb tagħna. Kienu tbatijiet tal-ġisem: immaġinaw id-daqqiet ta’ ħarta u bil-ponn, is-swat, il-kuruna tax-xewk, it-tortura tas-salib. Kienu tbatijiet tar-ruħ: it-tradiment ta’ Ġuda, iċ-ċaħdiet ta’ Pietru, il-kundanni reliġjużi u ċivili, iż-żufjett tal-għassiesa, it-tagħjir taħt is-salib, ir-rifjut ta’ ħafna, il-falliment ta’ kollox, l-abbandun tad-dixxipli. Imma, qalb din it-tbatija kollha Ġesù kien fadallu ċertezza: li l-Missier hu qrib tiegħu. Imma issa jseħħ dak li wieħed qatt ma kien jaħseb li seta’ jseħħ; qabel imut, hu jgħajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. L-abbandun ta’ Ġesù.

 

Din hi l-eqqel tbatija, hi t-tbatija tar-ruħ: fis-siegħa l-aktar traġika Ġesù jduq l-abbandun min-naħa ta’ Alla. Qatt, qabel dan il-mument, ma kien sejjaħ lill-Missier bl-isem ġeneriku ta’ Alla. Biex jgħaddilna l-qawwa ta’ dan il-fatt, il-Vanġelu jġib il-frażi wkoll bl-Aramajk: hija l-unika waħda, fost dawk li lissen Ġesù fuq is-salib, li taslilna fl-ilsien oriġinali. Il-ġrajja vera hi l-ikbar tbaxxija, jiġifieri l-abbandun ta’ Missieru, l-abbandun ta’ Alla. Il-Mulej jasal biex ibati għall-imħabba tagħna dak li saħansitra diffiċli għalina li nifhmu. Jara s-sema magħluq, idur il-fruntiera morra tal-ħajja, in-nawfraġju tal-eżistenza, l-ikkrollar ta’ kull ċertezza: jgħajjat “l-għaliex tal-għaliex”. “Int, Alla, għaliex?”.

 

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Il-verb “tabbanduna” fil-Bibbja hu b’saħħtu ħafna; jidher f’mumenti estremi ta’ tbatija: fi mħabbiet li sfaw falluti, miċħuda u ttraduti; f’ulied irrifjutati jew abortiti; f’sitwazzjonijiet ta’ min tkeċċa, safa armel jew iltim; fi żwiġijiet li ntemmu, f’esklużjonijiet li jċaħħdu mir-rabtiet soċjali, fil-moħqrija tal-inġustizzja u fis-solitudni tal-mard: f’kelma waħda, fl-aktar tiċrit drastiku tar-rabtiet. Hemm, tingħad din il-kelma: “abbandun”. Kristu refa’ dan kollu fuq is-salib, tgħabba bid-dnub tad-dinja. U fil-quċċata hu, l-Iben waħdieni u maħbub, mess b’idejh dik is-sitwazzjoni l-aktar barranija għalih: l-abbandun, il-bogħod ta’ Alla.

 

U għaliex wasal sa hawn? Għalina, ma hemmx tweġiba oħra. Għalina. Ħuti, illum dan mhuwiex spettaklu. Kull wieħed u waħda minna, xħin jisma’ bl-abbandun ta’ Ġesù, kull wieħed u waħda minna jrid jgħid: dan għalija. Dan l-abbandun huwa l-prezz li ħallas għalija. Sar solidali ma’ kull wieħed u waħda minna sal-punt estrem, biex ikun magħna f’kollox u sal-aħħar. Ġarrab l-abbandun biex ma jitlaqniex priża tad-deżolazzjoni u biex ikun magħna għal dejjem. Dan hu għamlu għalija, għalik, għax meta jien, int jew ikun min ikun, iħossu dahru mal-ħajt, mitluf fi sqaq, mgħaddas fl-abbiss tal-abbandun, miblugħ mill-belliegħa ta’ tant “għaliex” bla tweġiba, titfaċċa tama. Hu, għalik, għalija. Dan mhuwiex it-tmiem, għax Ġesù kien hemm u issa jinsab miegħek: hu, li bata t-tbatija ta’ min iħossu mbiegħed u abbandunat biex jilqa’ fl-imħabba tiegħu kull tbegħid tagħna. Biex kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: fil-waqgħat tiegħi – kull wieħed u waħda minna waqa’ kemm-il darba –, fid-deżolazzjoni tiegħi, meta nħossni ttradut jew ittradejt lill-oħrajn, meta nħossni mwarrab jew warrabt lill-oħrajn, meta nħossni abbandunat jew abbandunajt lill-oħrajn, ħa naħseb ftit kif hu ġie abbandunat, ittradut, imwarrab. U hemm insibu lilu. Meta nħossni li żbaljajt u mitluf, meta ma niflaħx aktar, hu jinsab miegħi; fil-ħafna għaliex tiegħi mingħajr tweġiba, hu jinsab hemm.

 

Hekk isalvana l-Mulej, minn ġewwa l-“għaliex” tagħna. Minn hemm titfaċċa t-tama li ma tqarraqx bina. Fil-fatt, fuq is-salib, waqt li qed iħoss dan l-abbandun estrem, ma jħallix it-taqtigħ il-qalb jaħkmu – dan huwa l-limitu –, imma jitlob u jafda. Jgħajjat l-“għaliex” tiegħu bil-kelmiet ta’ salm (22:2) u jintelaq f’idejn il-Missier, imqar jekk iħossu mbiegħed (ara Lq 23:46) jew ma jħossux hemm għax jinsab abbandunat. Fl-abbandun huwa jafda. Fl-abbandun ikompli jħobb lil dawk li huma tiegħu u li kienu telquh waħdu. Fl-abbandun jaħfer lil dawk li sallbuh (v. 34). Ara kif l-abbiss ta’ tant ħażen tagħna jiġi mgħaddas fi mħabba ikbar, hekk li kull firda tagħna tinbidel f’komunjoni.

 

Ħuti, imħabba bħal din, mogħtija kollha kemm hi għalina, sal-aħħar, l-imħabba ta’ Ġesù kapaċi tibdel il-qlub tagħna tal-ġebel fi qlub tal-laħam. Hija mħabba ta’ tjieba, ta’ ħlewwa, ta’ kompassjoni. L-istil ta’ Alla dan hu: qrubija, kompassjoni u ħlewwa. Alla hekk hu magħmul. Kristu abbandunat iqanqalna biex infittxuh u nħobbuh fl-abbandunati. Għax fihom ma hemmx biss dawk fil-bżonn, imma hemm hu, Ġesù abbandunat, dak li salvana billi niżel sal-qiegħ nett tal-qagħda umana tagħna. Hu jinsab ma’ kull wieħed u waħda minnhom, abbandunati sal-mewt… Qed jiġini f’moħħi dak ir-raġel imsejjaħ “tat-triq”, Ġermaniż, li miet taħt il-kolonnat, waħdu, abbandunat. Huwa Ġesù għal kull wieħed u waħda minna. Hemm tant li għandhom bżonn tal-qrubija tagħna, tant abbandunati. Jiena wkoll għandi bżonn li Ġesù jżiegħel bija u jersaq qrib tiegħi, u għalhekk immur infittxu fl-abbandunati, f’dawk li huma waħidhom. Hu jixtieq li nieħdu ħsieb ta’ ħutna li l-aktar jixbhuh, lilu fl-att estrem tat-tbatija u tas-solitudni. Illum, ħuti, ħafna huma l-“Kristijiet abbandunati”. Hemm popli sħaħ sfruttati u mitluqa għal riħhom; hemm foqra li qed jgħixu f’salib it-toroq tagħna u li ma għandniex il-kuraġġ li nħarsu lejhom; hemm migranti li ma għadhomx iżjed uċuħ imma saru biss numri; hemm priġuniera rrifjutati, persuni kkatalogati bħala problema. Imma hemm ukoll tant Kristijiet abbandunati li ma jidhrux, moħbija, li jiġu mormija b’ingwanti bojod: trabi li ma twildux, anzjani mitluqa waħidhom – jista’ jkun missierek, ommok forsi, in-nannu, in-nanna, abbandunati fid-djar tax-xjuħ –, morda li ma jżurhom ħadd, persuni b’diżabbiltà li huma injorati, żgħażagħ li qed iħossu vojt kbir ġo fihom mingħajr ħadd ma jisma’ tassew il-karba tat-tbatija tagħhom. U ma jibqgħalhomx triq oħra għajr is-suwiċidju. L-abbandunati tal-lum. Il-Kristijiet tal-lum.

 

Ġesù abbandunat jitlobna biex ikollna għajnejn u qalb għall-abbandunati. Għalina, dixxipli tal-Abbandunat, ħadd ma jista’ jkun emarġinat, ħadd ma jista’ jitħalla għalih waħdu; għaliex, irridu niftakru, il-persuni rrifjutati u esklużi huma ikoni ħajjin ta’ Kristu, ifakkruna fl-imħabba tiegħu tal-ġenn, l-abbandun tiegħu li jsalvana minn kull solitudni u deżolazzjoni. Ħuti, nitolbu llum din il-grazzja: li nagħrfu nħobbu lil Ġesù abbandunat u li nagħrfu nħobbu lil Ġesù f’kull abbandunat, kull abbandunata. Nitolbu l-grazzja li nagħrfu naraw, li nagħrfu lill-Mulej li għadu qed jgħajjat fihom. Ma nħallux il-leħen tiegħu jintilef fis-skiet li jtarrax tal-indifferenza. Alla ma telaqniex waħidna; nieħdu ħsieb ta’ min jiġi mitluq waħdu. U hekk, hekk biss, inkunu nistgħu nagħmlu tagħna x-xewqat u s-sentimenti ta’ Dak li għalina “xejjen lilu nnifsu” (Fil 2:7). Għalina xejjen lilu nnifsu għalkollox.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard