QUDDIESA, BARKA U TQEGĦID TAR-RMIED

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ Santa Sabina

L-Erbgħa 2 ta’ Marzu 2022

 

Omelija tal-Papa, moqrija mill-Kardinal Segretarju tal-Istat

 

F’dan il-jum, li jiftaħ iż-żmien tar-Randan, il-Mulej jgħidilna: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 6:1). Jista’ jissorprendina dan, imma fil-Vanġelu tal-lum il-kelma li tidher kemm-il darba hi ħlas (ara vv. 1,2,5,16). Is-soltu, fl-Erbgħa tar-Rmied l-attenzjoni tagħna tikkonċentra fuq l-impenn mitlub mill-mixja tal-fidi, iktar milli fuq il-premju li lejh miexja. Imma llum id-diskors ta’ Ġesù kull darba jirritorna fuq din il-kelma, ħlas, li donnha ssir il-molla tal-aġir tagħna. Fil-fatt, hemm fina, fil-qalb tagħna, għatx, xewqa li niksbu ħlas, li tiġbed u ċċaqlaq dak li aħna nagħmlu.

 

Imma l-Mulej jagħżel bejn żewġ għamliet ta’ ħlas li lejhom tista’ tinġibed il-ħajja ta’ persuna: minn naħa hemm il-ħlas mingħand il-Missier u mill-oħra hemm il-ħlas mill-bnedmin. L-ewwel wieħed hu etern, hu dak veru, dejjiemi, huwa l-għan ta’ ħajjitna. Imma t-tieni wieħed hu transitorju, huwa żball li lejh ninġibdu meta l-ammirazzjoni tal-bnedmin u s-suċċess tad-dinja jsiru għalina l-aktar ħaġa importanti, l-ikbar gratifikazzjoni. Imma din hi illużjoni: meta nilħquha, tħallina b’idejna vojta. It-tħassib u l-iskuntentizza huma dejjem wara l-kantuniera għal min iżomm il-mondanità bħala x-xefaq tiegħu, li tisseduċi imma mbagħad tiddeludi. Min ifittex il-ħlas tad-dinja ma jsib qatt il-paċi u lanqas jaf jippromovi l-paċi. Għax jitlef minn quddiem għajnejh lill-Missier u lill-aħwa. Huwa riskju li lkoll nilagħbu, u għalhekk Ġesù jwissina: “Qisu”. Bħallikieku jrid jgħidilna: “Għandkom il-possibbiltà li tgawdu ħlas bla tarf, ħlas li ma hemmx ieħor bħalu: mela attenti li ma tħallux id-dehra tagħmikom, u tiġru wara ħlasijiet ta’ erba’ soldi, li jmutulkom f’idejkom”.

 

Ir-rit tar-rmied, li qed nirċievu fuq rasna, irid iħarisna mill-iżball li nqiegħdu l-ħlas tal-bnedmin qabel dak tal-Missier. Dan is-sinjal ta’ awsterità, li jwassalna biex nirriflettu fuq il-qagħda umana tagħna li għad tgħaddi, hu bħal mediċina ta’ togħma morra imma effettiva biex tikkura l-marda tad-dehra. Hija marda spiritwali, li tjassar il-persuna, għax twassalna biex insiru dipendenti fuq l-ammirazzjoni tal-oħrajn. Hija tassew “jasar tal-għajnejn u tal-moħħ” (ara Efes 6:6; Kol 3:22), li jwassalna biex ngħixu bil-vanaglorja, li għaliha dak li jiswa mhux kemm hi safja l-qalb, imma l-ammirazzjoni tan-nies; mhux il-ħarsa ta’ Alla fuqna, imma kif iħarsu lejna l-oħrajn. U ma nistgħux ngħixu tajjeb jekk nikkuntentaw ruħna b’dan il-ħlas.

 

U l-gwaj hu li din il-marda tad-dehra qed thedded ukoll l-oqsma l-aktar qaddisa. Huwa fuq dan li Ġesù jisħaq illum: anki t-talb, anki l-karità, anki s-sawm jistgħu jsiru awtoreferenzjali. F’kull ġest, imqar fl-isbaħ wieħed, jista’ jkun hemm moħbija s-susa ta’ li nogħġbu lilna nfusna. U hawn il-qalb ma hix għalkollox ħielsa, għax ma tfittixx l-imħabba għall-Missier u għall-aħwa, imma l-approvazzjoni umana, l-applaws tan-nies, il-glorja tagħha nfisha. Għalhekk il-Kelma ta’ Alla tistedinna nħarsu fina nfusna, biex naraw l-ipokreziji tagħna. Nagħmlu djanjosi tal-apparenzi li qed infittxu u nippruvaw nikxfulhom il-maskra tagħhom. Jagħmlilna tajjeb.

 

Ir-rmied jixħet dawl fuq ix-xejn li hemm moħbi wara l-ġiri bla nifs wara l-ħlasijiet mondani. Ifakkarna li l-mondanità hi bħal trab, li jittajjar minn ftit riħ. Ħuti, m’aħniex fid-dinja biex niġru wara r-riħ; il-qalb tagħna għandna għatx tal-eternità. Ir-Randan hu żmien mogħti lilna mill-Mulej biex nerġgħu nibdew ngħixu, biex nirċievu kura interjuri u biex nimxu lejn l-Għid, lejn dak li ma jgħaddix, lejn il-ħlas mingħand il-Missier. Hija mixja ta’ fejqan. Mhux biex nibdlu kollox mil-lum għal għada, imma biex ngħixu ta’ kuljum bi spirtu ġdid, bi stil differenti. Għal dan għandna bżonn tat-talb, il-karità u s-sawm: imsoffija mill-irmied tar-Randan, imsoffija mill-ipokrezija tad-dehra, dawn jerġgħu jsibu l-qawwa kollha tagħhom u joħolqu mill-ġdid relazzjoni ħajja ma’ Alla, mal-aħwa u magħna nfusna.

 

It-talb umli, “fil-moħbi” (Mt 6:6), fis-satra ta’ kamritna, isir is-sigriet li jwarrad il-ħajja minn barra. Huwa djalogu mkebbes bl-imħabba u l-fiduċja, li jfarraġ u jiftaħ il-qalb. Fuq kollox f’dan iż-żmien tar-Randan, nitolbu b’ħarsitna fuq il-Kurċifiss: inħallu tinvadina l-ħlewwa kommoventi ta’ Alla u fil-ġrieħi tiegħu nqiegħdu l-ġrieħi tagħna u tad-dinja. Ma nħallux l-għaġla taħkimna, noqogħdu fis-skiet quddiemu. Nerġgħu niskopru l-essenzjalità għammiela tad-djalogu intimu mal-Mulej. Għax lil Alla ma jogħġbuhx il-ħwejjeġ ileqqu minn barra; imma jħobb iħalli lil min isibu fil-moħbi. Hija “s-segretezza tal-imħabba”, bogħod minn kull esebizzjoniżmu u minn toni li jħallu impressjoni.

 

Jekk it-talb huwa veru, ma jistax ma jinbidilx f’karità. Hija l-karità li teħlisna mill-agħar jasar, dak tagħna nfusna. Il-karità tar-Randan, imsoffija mir-rmied, treġġagħna lura għall-essenzjal, għall-ferħ intimu li hemm f’li wieħed jagħti. L-elemożina, li ssir bogħod mill-attenzjoni ta’ kulħadd, tagħti paċi u tama lill-qalb. Turina l-ġmiel li hemm f’li wieħed jagħti u li permezz tiegħu wieħed jirċievi, u hekk tgħinna niskopru sigriet prezzjuż: li tagħti jferraħ il-qalb iktar milli li tirċievi (ara Atti 20:35).

 

Fl-aħħar, is-sawm. Dan mhux xi dieta, anzi jeħlisna mill-awtoreferenzjalità tat-tiftix ossessiv tal-benessri fiżiku, biex jgħinna nżommu f’siktu mhux il-ġisem, imma l-ispirtu. Is-sawm ireġġagħna lura biex nagħtu lill-oġġetti l-valur li jixirqilhom. B’mod konkret, ifakkarna li l-ħajja ma għandniex injassruha għad-dehra li tgħaddi ta’ din id-dinja. U s-sawm ma nillimitawhx biss għall-ikel: speċjalment fir-Randan għandna nsumu minn dak li jagħtina ċerta dipendenza. Kulħadd għandu jaħseb, biex jista’ jsum minn dak li veru jolqot il-ħajja konkreta tiegħu.

 

Imma jekk it-talb, il-karità u s-sawm għandhom jimmaturaw fil-moħbi, l-effetti tagħhom mhumiex moħbija. Talb, karità u sawm ma humiex mediċini għalina biss, imma għal kulħadd, biex jistgħu jibdlu l-istorja. Qabelxejn għax min iduq l-effetti tagħhom, kważi mingħajr ma jintebaħ, jittrasmettihom ukoll lill-oħrajn; u fuq kollox għax it-talb, il-karità u s-sawm huma t-toroq prinċipali li jippermettu lil Alla jidħol fil-ħajja tagħna u tad-dinja. Huma l-armi tal-ispirtu, u huwa bihom li, f’dan il-jum ta’ talb u ta’ sawm għall-Ukrajna, nitolbu lil Alla dik il-paċi li l-bnedmin waħidhom ma jirnexxilhomx jilħqu u jibnu.

 

O Mulej, int li tara fil-moħbi u tħallasna iktar minn kemm nistennew aħna, agħti widen għat-talb ta’ dawk li jafdaw fik, fuq kollox tal-iżjed umli, tal-iżjed imġarrba, ta’ dawk li qed ibatu u jaħarbu mill-istorbju tal-armamenti. Iżra’ mill-ġdid il-paċi fil-qlub, u erġa’ agħtina l-paċi fi żmienna. Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard