FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

IT-XXVIII JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

QUDDIESA MAL-MEMBRI TAL-ISTITUTI TA’ ĦAJJA KKONSAGRATA

U TAS-SOĊJETAJIET TA’ ĦAJJA APPOSTOLIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ġimgħa 2 ta’ Frar 2024

 

Waqt li l-poplu kien jistenna s-salvazzjoni tal-Mulej, il-profeti kienu jħabbru l-miġja tiegħu, kif jgħid il-profeta Malakija: “U jasal minnufih fit-tempju tiegħu s-Sid mistenni minnkom. U dan l-Anġlu tal-patt, li intom imxennqa għalih, dalwaqt ġej” (3:1). Xmun u Anna huma xbieha u figura ta’ din l-istennija. Jilmħu lill-Mulej dieħel fit-tempju tiegħu u, imdawlin mill-Ispirtu s-Santu, jagħrfuh fit-Tarbija li Marija qed iġġorr f’dirgħajha. Kienu stennewh ħajjithom kollha: Xmun, “raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael” (Lq 2:25); Anna, li “ma kinitx titwarrab mit-Tempju” (Lq 2:37).

 

Nagħmlu sew inħarsu lejn dawn iż-żewġ anzjani li jistabru fl-istennija, jishru fl-ispirtu u jipperseveraw fit-talb. Il-qalb tagħhom baqgħet imqajma, bħal musbieħ dejjem mixgħul. Huma mdaħħlin fiż-żmien, imma għandhom iż-żgħożija tal-qalb; ma jħallux il-jiem jikkunsmawhom, għax għajnejhom jibqgħu jħarsu lejn il-Mulej fl-istennija (ara Salm 145:15). Iħarsu lejn il-Mulej fl-istennija tiegħu, dejjem jistennew. Matul il-mixja tal-ħajja raw taħbit u delużjonijiet, imma ma ċedewx għall-qtigħ il-qalb: ma bagħtux lit-tama “bil-pensjoni”. U hekk, fil-kontemplazzjoni tat-Tarbija, jagħrfu li waslet il-milja taż-żmien, twettqet il-profezija, Dak li kienu qed ifittxu u jittamaw, il-Messija tal-ġnus, wasal. Żammew ħajja l-istennija tal-Mulej, u hekk kienu kapaċi jilqgħuh fil-ġdid tal-miġja tiegħu.

 

Ħuti, l-istennija ta’ Alla hi importanti għalina wkoll, għall-mixja tal-fidi tagħna. Ta’ kuljum il-Mulej jiġi jżurna, ikellimna, jurina min hu b’mod li ma konniex nistennew u, fl-aħħar tal-ħajja u taż-żminijiet, hu jiġi. Għalhekk hu stess iħeġġiġna biex nibqgħu mqajmin, biex nishru, biex nipperseveraw fl-istennija. Fil-fatt, l-agħar ħaġa li tista’ tiġrilna hi li niżolqu fin-“ngħas tal-ispirtu”: inraqqdu lil qalbna, nilluppjaw lil ruħna, narkivjaw it-tama fl-irkejjen mudlama tad-delużjonijiet u tar-rassenjazzjoni.

 

Naħseb fikom, ħuti kkonsagrati, u fid-don li intom; naħseb f’kull wieħed u waħda minna Nsara tal-lum: għadna kapaċi ngħixu l-istennija? M’aħniex forsi xi drabi tant aljenati bina nfusna, bil-ħwejjeġ u bir-ritmi intensi ta’ kull ġurnata, tant li ninsew lil Alla li dejjem jiġi? Forsi m’aħniex wisq maħtufa mill-opri tajba li nagħmlu, bir-riskju li nibdlu anki l-istess ħajja reliġjuża u Nisranija fil-“ħafna affarijiet li rridu nagħmlu” u nittraskuraw it-tiftixa tal-Mulej kuljum? M’aħniex xi kultant nirriskjaw li nipprogrammaw il-ħajja personali u l-ħajja komunitarja fuq il-kalkolu tal-possibbiltajiet ta’ suċċess, flok ma nikkultivaw bil-ferħ u l-umiltà ż-żerriegħa ċkejkna li hi fdata f’idejna, bis-sabar ta’ min jiżra’ bla ma jippretendi xejn u ta’ min jaf jistenna ż-żminijiet u s-sorpriżi ta’ Alla? Xi drabi – irridu ngħiduh dan – tlifnieha din il-ħila li nistennew. Dan ġej minn ħafna tfixkil, u fost dawn nixtieq insemmi tnejn.

 

L-ewwel xkiel li jtellifna l-ħila li nistennew hu t-traskuraġni tal-ħajja interjuri. Huwa dak li jiġri meta l-għeja tegħleb is-sens ta’ stagħġib, meta d-drawwa tieħu post l-entużjażmu, meta nitilfu l-perseveranza fil-mixja spiritwali, meta l-esperjenzi negattivi, il-kunflitti jew il-frott li donnu jdum ma jasal jibdluna f’persuni morri u mdejqa. Xejn ma jagħmlilna ġid li noqogħdu nomogħdu d-dwejjaq, għax f’familja reliġjuża – bħal f’kull komunità u familja – il-persuni  mdejqin u b’“wiċċ laskri” jtaqqlu l-arja; dawk il-persuni li jidhru qishom għandhom l-aċtu f’qalbhom. Allura hemm bżonn li nirkupraw il-grazzja li tlifna: infittxu ħajja intensa interjuri, nirritornaw lejn l-ispirtu ta’ umiltà hienja, ta’ gratitudni siekta. U dan inseddquh bl-adorazzjoni, bix-xogħol tal-irkupptejn u tal-qalb, bit-talb konkret li jitqabad u jinterċedi, kapaċi jqanqal fina x-xewqa ta’ Alla, l-imħabba ta’ darba, l-istagħġib tal-ewwel ġurnata, il-gost tal-istennija.

 

It-tieni xkiel hu l-adattament għall-istil tad-dinja, li jispiċċa biex jieħu post il-Vanġelu. U din tagħna hi dinja li spiss tiġri tgħaġġel ħafna, li teżalta l-“kollox u minnufih”, li tikkonsma ruħha fl-attiviżmu u tfittex kif se tkeċċi ’l hemm il-biżgħat u t-tbatijiet tal-ħajja fit-tempji pagani tal-konsumiżmu jew fir-rikreazzjoni, ikun xi jkun il-prezz. F’kuntest bħal dan, fejn is-skiet mhux permess u hu mwarrab, li tistenna mhix ħaġa faċli, għax jitlob atteġġjament ta’ passività sana, il-kuraġġ li nimxu b’pass iktar kajman, li ma nħallux l-attivitajiet jifxluna, li nagħmlu wisa’ ġewwa fina għall-azzjoni ta’ Alla, kif tgħallimna l-mistika Nisranija. Mela ejjew noqogħdu attenti, biex l-ispirtu tad-dinja ma jidħolx fil-komunitajiet reliġjużi tagħna, fil-ħajja ekkleżjali u fil-mixja ta’ kull wieħed u waħda minna, inkella ma nagħmlux frott. Il-ħajja Nisranija u l-missjoni appostolika għandhom bżonn li l-istennija, immaturata fit-talb u fil-fedeltà ta’ kuljum, teħlisna mill-mit tal-effiċjenza, mill-ossessjoni li rridu nirrendu u, fuq kollox, mill-pretensjoni li nagħlqu lil Alla fil-kategoriji tagħna, għax hu jiġi dejjem b’mod imprevedibbli, jiġi dejjem fi żminijiet li mhumiex tagħna u b’modi li mhumiex dawk li nistennew aħna.

 

Kif tafferma l-mistika u filosfa Franċiża Simone Weil, aħna l-għarusa li tistenna mal-lejl il-wasla tal-għarus, u “l-parti tal-għarusa li se tiżżewweġ hi l-istennija […]. Tixtieq lil Alla u tiċħad il-bqija kollu: f’dan biss qiegħda s-salvazzjoni” (S. Weil, Attesa di Dio, Milano 1991, 152). Ħuti, ejjew nikkultivaw fit-talb l-istennija tal-Mulej u nitgħallmu l-“passività [tajba] tal-Ispirtu”: hekk inkunu kapaċi ninfetħu għall-ġdid ta’ Alla.

 

Bħal Xmun, ejjew nieħdu f’dirgħajna aħna wkoll lit-Tarbija, Alla tal-ġdid u tas-sorpriżi. Meta nilqgħu lill-Mulej, il-passat jinfetaħ għall-futur, ix-xiħ u l-qadim li hemm fina jinfetaħ għall-ġdid li hu jqanqal. Din mhix ħaġa sempliċi – dan nafuh – għax, fil-ħajja reliġjuża kif ukoll f’dik ta’ kull Nisrani, diffiċli neħduha kontra l-“qawwa tal-qadim”: “fil-fatt mhux faċli li x-xiħ li hemm fina jilqa’ t-tarbija, il-ġdid – jilqa’ l-ġdid, fil-qadim tagħna nilqgħu l-ġdid –. […] Il-ġdid ta’ Alla jippreżenta ruħu bħala tarbija u aħna, bid-drawwiet, il-biżgħat, l-għira – biżżejjed naħsbu fl-għira! – il-preokkupazzjonijiet kollha tagħna, ninsabu quddiem din it-tarbija. Ngħannquha, nilqgħuha, nagħmluha wisa’? Dan il-ġdid qed jidħol tassew fil-ħajja tagħna jew pjuttost nippruvaw inpoġġu flimkien qadim u ġdid, u nfittxu kif ħa nħallu ddejjaqna mill-inqas possibbli l-preżenza tal-ġdid ta’ Alla?” (C.M. Martini, Qualcosa di così personale. Meditazioni sulla preghiera, Milano 2009, 32-33).

 

Ħuti, dawn il-mistoqsijiet huma għalina, għal kull wieħed u waħda minna, huma għall-komunitajiet tagħna, huma għall-Knisja. Ejjew inħalluhom jinkwetawna, inħallu l-Ispirtu jqanqalna, bħal Xmun u Anna. Jekk bħalhom ngħixu l-istennija, fil-ħarsien tal-ħajja interjuri u fil-koerenza mal-istil tal-Vanġelu, jekk bħalhom ngħixu l-istennija b’dan il-mod, naslu biex inħaddnu lil Ġesù, li hu dawl u tama fil-ħajja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard