FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

IS-XXVI JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

QUDDIESA MAL-MEMBRI TAL-ISTITUTI TA’ ĦAJJA KKONSAGRATA

U TAS-SOĊJETAJIET TA’ ĦAJJA APPOSTOLIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru

L-Erbgħa 2 ta’ Frar 2022

 

Żewġ anzjani, Xmun u Anna, jistennew fit-Tempju t-twettiq tal-wegħda li Alla għamel lill-poplu tiegħu: il-miġja tal-Messija. Imma l-istennija tagħhom ma kinitx passiva, imma mimlija moviment. Mela ejjew naraw x’kienu l-movimenti ta’ Xmun: hu sa minn qabel ġie mqanqal mill-Ispirtu, imbagħad ra fit-Tarbija s-salvazzjoni, u fl-aħħar jeħodha f’dirgħajh (ara Lq 2:26-28). Ejjew nieqfu sempliċiment fuq dawn it-tliet azzjonijiet u nagħmlu xi mistoqsijiet importanti għalina, b’mod partikulari għall-ħajja kkonsagrata.

 

L-ewwel waħda hi: x’inhu li jqanqalna? Xmun mar fit-Tempju “mqanqal mill-Ispirtu” (v. 27). L-Ispirtu s-Santu huwa l-attur ewlieni tax-xena: hu li jkebbes fil-qalb ta’ Xmun ix-xewqa għal Alla, hu li jżomm ħajja fir-ruħ tiegħu l-istennija, hu li jmexxi l-passi tiegħu lejn it-Tempju u lil għajnejh jagħtihom il-ħila li jagħrfu l-Messija, imqar jekk dan jippreżenta ruħu bħala tarbija ċkejkna u fqajra. Dan hu li jagħmel l-Ispirtu s-Santu: jagħmilna kapaċi nagħrfu l-preżenza ta’ Alla u l-opra tiegħu mhux fil-ħwejjeġ kbar, f’dak li jidher minn barra, fil-wirjiet ta’ qawwa, imma fiċ-ċokon u fid-dgħufija. Ejjew naħsbu fis-salib: anki hemmhekk hemm ċokon, dgħufija, anki drammatiċità. Imma hemm tinsab il-qawwa ta’ Alla. L-espressjoni “mqanqal mill-Ispirtu” tfakkarna f’dawk li fl-ispiritwalità jissejħu “mozzjonijiet spiritwali”: hu dak iċ-ċaqliq tar-ruħ li nħossu fina u aħjna msejħin nisimgħu, biex ngħarblu jekk hux ġej mill-Ispirtu s-Santu jew minn xi mkien ieħor. Inkunu attenti għall-mozzjonijiet interjuri tal-Ispirtu.

 

Allura nistaqsu lilna nfusna: lil min se nħallu l-aktar iqanqalna: lill-Ispirtu s-Santu jew lill-ispirtu tad-dinja? Hija mistoqsija li magħha jeħtieġ inqisu ruħna, fuq kollox aħna l-ikkonsagrati. Waqt li l-Ispirtu jwassalna biex nagħrfu lil Alla fiċ-ċokon u fid-dgħufija ta’ tarbija, aħna xi drabi nirriskjaw li naħsbu fil-konsagrazzjoni tagħna f’termini ta’ riżultati, ta’ fejn irridu naslu, ta’ suċċess: niċċaqilqu biex infittxu spazji, viżibbiltà, numri: din hija tentazzjoni. Imma l-Ispirtu mhux dan jitlobna. Hu jitlobna nitrawmu fil-fedeltà ta’ kuljum, doċli għall-ħwejjeġ iż-żgħar li ġew fdati f’idejna. Kemm hi sabiħa l-fedeltà ta’ Xmun u Anna! Ta’ kuljum imorru t-Tempju, kuljum jistennew u jitolbu, imqar jekk iż-żmien għaddej u donnu mhu jiġri xejn. Jistennew ħajjithom kollha, mingħajr ma jaqtgħu qalbhom u mingħajr ma jgergru, u jibqgħu fidili ta’ kuljum u jkebbsu l-fjamma tat-tama li l-Ispirtu xegħel fil-qalb tagħhom.

 

Ħuti, aħna nistgħu nistaqsu: x’inhu li jċaqlaq il-jiem tagħna? Liema mħabba timbuttana biex nimxu ’l quddiem? L-Ispirtu s-Santu jew il-passjoni tal-mument, jew xi ħaġa oħra? Kif qed niċċaqilqu fil-Knisja u fis-soċjetà? Xi drabi, anki wara d-dehra ta’ opri tajba, jistgħu jistaħbew is-susa tan-narċisiżmu u l-manija tal-protagoniżmu. F’każijiet oħra, imqar jekk jagħmlu ħafna affarijiet, il-komunitajiet reliġjużi tagħna donnhom iktar huma mċaqilqa mir-ripetizzjoni mekkanika – nagħmlu l-affarijiet bi drawwa, biex inkunu għamilniehom – milli mill-ħeġġa li nagħmlu dak li jrid l-Ispirtu s-Santu. Nagħmlu tajjeb, ilkoll kemm aħna, jekk illum nivverifikaw il-motivazzjonijiet ġewwenija tagħna, niddixxernu l-mozzjonijiet spiritwali, biex it-tiġdid tal-ħajja kkonsagrata jgħaddi qabelxejn minn hawn.

 

It-tieni mistoqsija: x’qed jaraw għajnejna? Xmun, imqanqal mill-Ispirtu, jara u jagħraf lil Kristu. U jitlob billi jgħid: “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (v. 30). Dan hu l-miraklu kbir tal-fidi: tiftaħ l-għajnejn, tittrasforma l-ħarsa, tibdel il-viżwal. Kif nafu minn tant laqgħat ta’ Ġesù fil-Vanġeli, il-fidi titwieled mill-ħarsa kollha ħniena li biha Alla jħares lejna, irattab l-ebusija ta’ qalbna, ifejjaq il-ġrieħi tagħha, jagħtina għajnejn ġodda biex naraw lilna nfusna u lid-dinja. Għajnejn ġodda fuqna nfusna, fuq l-oħrajn, fuq is-sitwazzjonijiet kollha li ngħixu, anki dawk l-iżjed ta’ wġigħ u tbatija. Mhijiex xi ħarsa inġenwa, le, imma hi mimlija għerf; il-ħarsa inġenwa taħrab mir-realtà jew tagħmel tabirruħha mhix tara l-problemi; imma dawn huma għajnejn li jafu “jaraw ’il ġew” jew “jaraw lil hemm”; li ma jiqfux mad-dehra ta’ barra, imma jafu jidħlu wkoll qalb ix-xquq tad-dgħufija u tal-fallimenti biex hemm isibu l-preżenza ta’ Alla.

 

L-għajnejn anzjani ta’ Xmun, imqar jekk mgħobbija bl-għeja tas-snin, jaraw lill-Mulej, jaraw is-salvazzjoni. U aħna? Kull wieħed u waħda jista’ jistaqsi lilu nnifsu: x’qed jaraw għajnejja? X’viżjoni għandna tal-ħajja kkonsagrata? Id-dinja spiss taraha bħala “ħela”: “Imma araw, dak it-tifel tant hu bravu, u daħal patri”, jew “tfajla brava daqshekk, u marret soru… X’ħela! Kieku kien ikrah jew kienet kerha, paċenzja… Le, dawn bravi, veru ħela”. Hekk naħsbuha aħna. Id-dinja forsi taraha bħala realtà tal-imgħoddi, xi ħaġa inutli. Imma aħna, komunità Nisranija, reliġjużi rġiel u nisa, x’qed naraw? Għajnejna qed iħarsu lura, nostalġiċi għal dak li m’għadux iżjed, jew kapaċi jkollna ħarsa b’viżjoni fil-bogħod, huma pproġettati ’l ġew jew lil hemm? Għandu jkollna l-għerf li nħarsu – din jagħtihielna l-Ispirtu –; inħarsu tajjeb, inqisu sewwa d-distanzi, nifhmu r-realtajiet. Lili jagħmilli ħafna ġid meta nara kkonsagrati anzjani, li b’għajnejn mixgħula jkomplu jitbissmu, jagħtu tama liż-żgħażagħ. Ejjew naħsbu f’kemm ħarsiet bħal dawn iltqajna magħhom u nbierku lil Alla ta’ dan. Huma ħarsiet ta’ tama, miftuħa għall-futur. U forsi jagħmlilna l-ġid, f’dawn il-jiem, niltaqgħu, nagħmlu żjara lil ħutna relġjużi anzjani, biex inħarsu lejhom, biex nitkellmu, biex nistaqsu, biex nisimgħu kif jaħsbuha. Nemmen li sservina ta’ mediċina tajba.

 

Ħuti, il-Mulej ma jiqafx jagħtina sinjali biex jistedinna nrawmu fina viżjoni mġedda tal-ħajja kkonsagrata. Għandna bżonnha, imma taħt id-dawl, taħt iċ-ċaqliq tal-Ispirtu s-Santu. Ma nistgħux nagħmlu tabirruħna li m’aħniex naraw dawn is-sinjali u nkomplu għaddejjin qisu qatt ma kien xejn, nirrepetu l-ħwejjeġ ta’ dejjem, nitkaxkru b’telqa fuqna fil-forom tal-passat, ipparalizzati mill-biża’ li ninbidlu. Dan għidtu kemm-il darba: illum, it-tentazzjoni li mmorru lura, infittxu ċ-ċertezza, għax nibżgħu, biex nippreservaw il-fidi, biex nippreservaw il-kariżma tal-fundatur… Hija tentazzjoni. It-tentazzjoni li mmorru lura u nippreservaw it-“tradizzjonijiet” b’riġidità. Indaħħluha f’rasna din: ir-riġidità hija perverżjoni, u taħt kull riġidità hemm problemi gravi. La Xmun u lanqas Anna ma kienu riġidi, le, kienu liberi u kellhom il-ferħ tal-festa: huwa u jfaħħar lill-Mulej u jipprofetizza bil-kuraġġ lill-omm; u hi, bħala xwejħa twajba, li kienet ġejja u serja tgħid: “Ħarsu lejn dawn, ħarsu lejn dan!”. Taw l-aħbar bil-ferħ, b’għajnejhom mimlija tama. Mhux mitluqa fil-passat, ebda riġidità. Niftħu għajnejna: permezz tal-kriżijiet – iva, huwa minnu, hemm il-kriżijiet –, in-numri li jonqsu – “Dun, ma hemmx vokazzjonijiet, issa rridu mmorru sax-xifer tad-dinja biex insibu xi waħda” –, il-forza li qed tonqosna, l-Ispirtu jistedinna nġeddu l-ħajja tagħna u l-komunitajiet tagħna. U kif nagħmluh dan? Hu jurina t-triq. Aħna niftħu qalbna, bil-kuraġġ, bla biża’. Niftħu qalbna. Inħarsu lejn Xmun u Anna: anki jekk huma mdaħħlin fiż-żmien, ma jgħaddux jiemhom jibku fuq passat li mhux sa jiġi lura, imma jiftħu dirgħajhom għall-futur li ġej jiltaqa’ magħhom. Ħuti, ma naħlux l-illum inħarsu lejn il-bieraħ, jew noħolmu b’għada li ma jasal qatt, imma ejjew noqogħdu quddiem il-Mulej, fl-adorazzjoni, u nitolbu li jkollna għajnejn li jagħrfu jaraw it-tajjeb u jsibu t-toroq ta’ Alla. Il-Mulej jagħtihomlna, jekk aħna nitolbuh. Bil-ferħ, bil-qawwa, bla biża’.

 

Fl-aħħar nett, it-tielet mistoqsija: x’qed nieħdu f’dirgħajna? Xmun jilqa’ lil Ġesù f’dirgħajh (ara v. 28). Hija xena ħelwa u mimlija tifsiriet, unika fil-Vanġeli. Alla qiegħed lil Ibnu fl-idejn tagħna, għax li nilqgħu lil Ġesù huwa essenzjali, il-qalba tal-fidi. Xi drabi nirriskjaw li nintilfu u nxerrdu moħħna fuq elf ħaġa, li niffissaw fuq aspetti sekondarji jew li nogħdsu fil-ħwejjeġ li għandna x’nagħmlu, imma ċ-ċentru ta’ kollox huwa Kristu, li rridu nilqgħuh bħala s-Sid ta’ ħajjitna.

 

Meta Xmun jieħu f’dirgħajh lil Ġesù, xofftejh ilissnu kliem ta’ barka, ta’ tifħir, ta’ stagħġib. U aħna, wara tant snin ta’ ħajja kkonsagrata, tlifnieha l-ħila li nistagħġbu? Jew għad għandna din il-ħila? Nagħmlu eżami fuq dan, u jekk xi ħadd ma jsibhiex, ħa jitlob il-grazzja tal-istagħġib, l-istagħġib quddiem l-għeġubijiet li Alla qed jagħmel fina, moħbija bħal dik tat-Tempju, meta Xmun u Anna ltaqgħu ma’ Ġesù. Jekk l-ikkonsagrati jinxfu minn kliem li jbierek lil Alla u lill-oħrajn, jekk jonqos il-ferħ, jekk tonqos il-ħeġġa, jekk il-ħajja fraterna ssir biss taħbit, jekk jonqos l-istagħġib, dan mhux għax aħna vittmi ta’ xi ħadd jew ta’ xi ħaġa, imma r-raġuni vera hi li d-dirgħajn tagħna m’għadhomx iħaddnu magħhom lil Ġesù. U meta d-dirgħajn ta’ kkonsagrat, ta’ kkonsagrata ma jagħfsux lil Ġesù, jagħfsu l-vojt, li jfittxu li jimlew bi ħwejjeġ oħra, imma vojt ikun hemm. Nagħfsu lil Ġesù ma’ dirgħajna: dan huwa s-sinjal, din hija t-triq, din hija r-“riċetta” tat-tiġdid. Allura, meta ma nħaddnux magħna lil Ġesù, il-qalb tingħalaq fl-imrar. Kemm hi kerha tara kkonsagrati mimlija mrar: jingħalqu fit-tgergir għall-ħwejjeġ li mhumiex sejrin kif suppost, f’rigorożità li tagħmilhom inflessibbli, f’atteġġjamenti ta’ pretensjoni ta’ superjorità. Dejjem igergru fuq xi ħaġa: fuq is-superjur, fuq is-superjura, fuq ħuthom, fuq il-komunità, fuq il-kċina… Jekk ma jgergrux, imutu. Imma aħna rridu nagħfsu magħna lil Ġesù fl-adorazzjoni u nitolbu li jkollna għajnejn li jagħrfu jaraw it-tajjeb u jsibu t-toroq ta’ Alla. Jekk nilqgħu lil Kristu b’dirgħajna miftuħa, nilqgħu wkoll lill-oħrajn b’fiduċja u umiltà. Allura l-kunflitti ma joħolqux imrar, id-distanzi ma jibqgħux jifirdu, u jgħibu t-tentazzjonijiet li nabbużaw mill-poter tagħna u li nweġġgħu d-dinjità ta’ xi ħadd minn ħutna. Niftħu dirgħajna, għal Kristu u għal ħutna! Hemmhekk hemm Ġesù.

 

Għeżież, ejjew illum inġeddu kollna ħeġġa l-konsagrazzjoni tagħna! Nistaqsu lilna nfusna x’inhuma l-motivazzjonijiet li jqanqlu lil qalbna u l-aġir tagħna, liema hi l-viżjoni mġedda li aħna msejħin nieħdu ħsieb u, fuq kollox, nieħdu f’dirgħajna lil Ġesù. Anki jekk inġarrbu t-taħbit u l-għeja – dan jiġri: anki delużjonijiet, jiġri –, nagħmlu bħal Xmun u Anna, li jistennew bis-sabar il-fedeltà tal-Mulej u ma jħallux min jisirqilhom il-ferħ tal-laqgħa. Ejjew nimxu lejn il-ferħ tal-laqgħa: dan hu sabiħ ħafna! Nerġgħu nqiegħdu lilu fiċ-ċentru u nimxu ’l quddiem bil-ferħ. Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard