FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

IL-XXV JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

QUDDIESA MAL-MEMBRI TAL-ISTITUTI TA’ ĦAJJA KKONSAGRATA

U TAS-SOĊJETAJIET TA’ ĦAJJA APPOSTOLIKA

Bażilika ta’ San Pietru

L-Erbgħa 2 ta’ Frar 2021

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Xmun – jikteb San Luqa – “kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael” (Lq 2:25). Meta jitla’ t-Tempju, xħin Marija u Ġużeppi jġibu lil Ġesù, jilqa’ f’dirgħajh lill-Messija. Lil din it-Tarbija, id-dawl li ġie jdawwal lill-ġnus, kellu jkun raġel xwejjaħ li jagħrafha, li stenna bis-sabar it-twettiq tal-wegħdiet tal-Mulej. Stenna bis-sabar.

 

Is-sabar ta’ Xmun. Ejjew inħarsu mill-qrib lejn is-sabar ta’ dan ix-xwejjaħ. Għal ħajtu kollha baqa’ jistenna u ħarreġ is-sabar ta’ qalbu. Fit-talb tgħallem li Alla ma jiġix fi ġrajjiet straordinarji, imma jwettaq l-opra tiegħu f’dik li tidher bħala monotonija tal-ġranet tagħna, fir-ritmu li xi drabi jegħjina tal-attivitajiet, fil-ħwejjeġ żgħar li b’determinazzjoni u umiltà nibqgħu nagħmlu aħna u nfittxu li nwettqu r-rieda tiegħu. Miexi bis-sabar, Xmun ma ħalliex iż-żmien li kien għaddej imewtu. Issa kien bniedem mgħobbi bis-snin, imma l-fjamma ta’ qalbu għadha mkebbsa; fil-ħajja twila tiegħu ġarrab weġgħat, delużjonijiet, imma ma tilifx it-tama; bis-sabar, huwa jgħożż il-wegħda – iħares il-wegħda –, mingħajr ma jħalli jikollu qalbu l-imrar għaż-żmien li għadda jew dik il-malinkonija rassenjata li titfaċċa meta wieħed jersaq lejn it-tmiem ta’ ħajtu. It-tama tal-istennija fih inbidlet fis-sabar ta’ kuljum ta’ min, minkejja kollox, baqa’ jishar, sa ma, fl-aħħar, “għajnejh raw is-salvazzjoni” (ara Lq 2:30).

 

U jien nistaqsi: mnejn tgħallem Xmun dan is-sabar kollu? Irċevih mit-talb u mill-ħajja tal-poplu tiegħu, li fil-Mulej dejjem għaraf “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34:6); għaraf il-Missier li lanqas quddiem iċ-ċaħda u l-infedeltà ma jegħja, anzi “jistabar għal ħafna snin” (ara Neħ 9:30), kif jgħid Neħemija, biex ta’ kull darba jagħti l-possibbiltà tal-konverżjoni.

 

Għalhekk, is-sabar ta’ Xmun huwa mera tas-sabar ta’ Alla. Mit-talb u mill-istorja tal-poplu tiegħu, Xmun tgħallem li Alla jistabar. Bis-sabar tiegħu – jistqarr San Pawl – hu “jwassalna għall-indiema” (Rum 2:4). Nieħu pjaċir infakkar x’qal Romano Guardini: is-sabar hu mod kif Alla jwieġeb għad-dgħufija tagħna, biex jagħtina ż-żmien ninbidlu (ara Glaubenserkenntnis, Würzburg 1949, 28). U fuq kollox il-Messija, Ġesù, li Xmun jieħu f’dirgħajh, jikxfilna s-sabar ta’ Alla, il-Missier li jimxi magħna bi ħniena u jibqa’ jsejħilna sal-aħħar siegħa, li ma jesiġix minna l-perfezzjoni imma l-ħerqa ta’ qalbna, li jiftaħ possibbiltajiet ġodda hemm fejn kollox jidher mitluf, li jfittex jiftaħ xaqq ġewwa fina anki meta qalbna hi magħluqa, li jħalli jikber il-qamħ it-tajjeb mingħajr ma jaqla’ s-sikrana. Alla jistenniena bla qatt xi darba jegħja. U din hi r-raġuni tat-tama tagħna. Meta nitbiegħdu jiġi jfittixna, meta naqgħu fl-art jerfagħna, meta nerġgħu lura għandu wara li nkunu ntlifna, jistenniena b’dirgħajh miftuħa. Imħabbtu ma titkejjilx fuq il-miżien tal-kalkoli tagħna ta’ bnedmin, imma ssawwab dejjem fina l-kuraġġ biex nibdew mill-ġdid. Tgħallimna nkunu determinati, il-kuraġġ li nerġgħu nibdew. Dejjem, ta’ kuljum. Wara l-waqgħat, nerġgħu nibdew. Għax hu jistabar.

 

U ejjew inħarsu lejn is-sabar tagħna. Inħarsu lejn is-sabar ta’ Alla u lejn dak ta’ Xmun biex nitgħallmu għall-ħajja kkonsagrata tagħna. U nistaqsu: xi jkun is-sabar? Ċertament, mhuwiex is-sempliċi tolleranza tad-diffikultajiet jew li wieħed jissaporti l-kuntrarju għax m’hemmx mod ieħor. Is-sabar mhuwiex sinjal ta’ dgħufija: huwa l-qawwa tar-ruħ li tagħmilna kapaċi “nġorru l-piż”, nissaportu: inġorru l-piż tal-problemi personali u komunitarji, jgħallimna nilqgħu d-differenzi tal-oħrajn, jgħallimna nipperseveraw fit-tajjeb anki meta kollox jidher bla siwi, bih nibqgħu mexjin imqar meta d-dwejjaq u t-telqa jaħbtu għalina.

 

Nixtieq nindika tliet “postijiet” fejn is-sabar jikkonkretizza ruħu.

 

L-ewwel hi l-ħajja personali tagħna. Xi darba weġibna għas-sejħa tal-Mulej u, b’ħeġġa u ġenerożità, offrejna lilna nfusna lilu. Matul il-mixja, flimkien mal-faraġ, kellna wkoll delużjonijiet u frustrazzjonijiet. Xi drabi, mal-entużjażmu tal-ħidma tagħna ma jkunx hemm ir-riżultat mixtieq, iż-żrigħ tagħna donnu mhux jipproduċi l-frott it-tajjeb, il-ħerqa tat-talb tiġi fix-xejn u mhux dejjem nistgħu nilqgħu għan-nixfa spiritwali. Jista’ jiġri, fil-ħajja tagħna ta’ kkonsagrati, li t-tama tiġi fix-xejn minħabba fid-delużjonijiet tal-aspettattivi tagħna. Irid ikollna s-sabar magħna nfusna u nistennew fiduċjużi ż-żminijiet u t-toroq ta’ Alla: huwa fidil għall-wegħdiet tiegħu. Din hi l-ġebla tax-xewka: hu fidil għall-wegħdiet tiegħu. Jekk niftakru dan inkunu nistgħu nerġgħu naħsbu x’għandhom ikunu t-toroq tagħna, nitħeġġu mill-ġdid fil-ħolm tagħna, mingħajr ma nċedu għad-diqa interjuri u għall-qtigħ il-qalb. Ħuti, id-dwejjaq li jkollna fina aħna l-ikkonsagrati hu bħal dudu, dudu li jikolna minn ġewwa. Aħarbuh id-dwejjaq interjuri!

 

It-tieni post fejn is-sabar jikkonkretizza ruħu: il-ħajja komunitarja. Ir-relazzjonijiet umani, speċjalment meta jfisser li naqsmu proġett wieħed ta’ ħajja u ħidma appostolika, mhumiex dejjem paċifiċi, dan ilkoll nafuh. Xi drabi jinbtu kunflitti u ma tistax tistenna soluzzjoni immedjata, lanqas tista’ tiġġudika fuq fuq il-persuna jew is-sitwazzjoni: trid tkun taf iżżomm id-distanzi ġusti, tfittex li ma titlifx il-paċi, tistenna l-aħjar żmien biex tiċċara l-punt bi mħabba u fil-verità. Ma nħallux it-tempesti jifxluna. Fil-qari tal-Brevjar hemm silta sabiħa – għal għada – silta sabiħa ta’ Djadoku ta’ Fotice fuq id-dixxerniment spiritwali, u jgħid hekk: “Meta l-baħar ikun imqalleb ma tistax tara l-ħut, imma meta l-baħar ikun kalm tista’ tarahom”. Ma nistgħu qatt nagħmlu dixxerniment tajjeb, naraw il-verità, jekk qalbna hi aġitata u bla sabar. Qatt. Fil-komunitajiet hemm bżonn ta’ dan is-sabar reċiproku: nissaportu lil xulxin, jiġifieri nġorru fuq spallejna l-ħajja ta’ ħuna jew ta’ oħtna, anki d-dgħufijiet u d-difetti tiegħu jew tagħha. Ilkoll. Niftakruh dan: il-Mulej mhux isejħilna biex inkunu solisti – hemm ħafna, fil-Knisja, dan nafuh –, le, mhux isejħilna biex inkunu solisti, imma biex inkunu parti minn kor, li xi drabi jistona, imma dejjem għanda nippruvaw inkantaw flimkien.

 

Fl-aħħar nett, it-tielet “post”, is-sabar fil-konfront tad-dinja. Xmun u Anna jgħożżu f’qalbhom it-tama mħabbra mill-profeti, anki jekk iddum ma sseħħ u tikber bil-mod il-mod qalb l-infedeltajiet u t-tifrik tad-dinja. Huma ma jintunawx krib għal dak li mhux sejjer sew, imma bis-sabar kollu jistennew id-dawl fid-dalma tal-istorja. Jistennew id-dawl fid-dalma tal-istorja. Jistennew id-dawl fid-dalma tal-komunità tagħhom. Għandna bżonnu dan is-sabar, biex ma nibqgħux ilsiera tat-tgergir. Xi wħud huma mgħallma tat-tgergir, huma dutturi tal-krib, bravissmi biex jokorbu! Le, it-tgergir ijassar: “id-dinja m’għadhiex trid taf bina” – kemm drabi nisimgħuha din –, “m’għandniex iżjed vokazzjonijiet, ikollna nagħlqu”, “qed ngħixu żminijiet ibsin” – “aħ, għid lili!…”. Hekk jibda d-dwett tat-tgergir. Xi drabi jiġri li kontra s-sabar li bih Alla jaħdem l-art tal-istorja, u jaħdem anki l-art ta’ qalbna, aħna neħduha bin-nuqqas ta’ sabar ta’ min jiġġudika kollox malajr: issa jew qatt, issa, issa, issa. U hekk nitilfu dik il-virtù, iż-“żgħira” imma l-isbaħ waħda: it-tama. Kemm ikkonsagrati rajt jitilfu t-tama. Sempliċiment b’nuqqas ta’ sabar.

 

Is-sabar jgħinna nħarsu lejn nfusna, lejn il-komunitajiet tagħna u lejn id-dinja bil-ħniena. Nistgħu nistaqsu: qed nilqgħu s-sabar tal-Ispirtu fil-ħajja tagħna? Fil-komunitajiet tagħna, qed nerfgħu fuq spallenja lil xulxin u nuru l-ferħ tal-ħajja fraterna? U mad-dinja, qed inkomplu nwettqu s-servizz tagħna bis-sabar jew niġġudikaw b’mod iebes? Huma sfidi għall-ħajja kkonsagrata tagħna: aħna ma nistgħux nibqgħu weqfin fin-nostalġija tal-passat jew nillimitaw ruħna li nirrepetu l-affarijiet li dejjem għamilna, lanqas fit-tgergir ta’ kuljum. Għandna bżonn tas-sabar kuraġġjuż biex nimxu, biex nimirħu f’toroq ġodda, biex infittxu x’qed jissuġġerilna l-Ispirtu s-Santu. U dan nagħmluh b’umiltà, b’sempliċità, mingħajr propaganda kbira, mingħajr ħafna pubbliċità.

 

Nikkontemplaw is-sabar ta’ Alla u nitolbu li jkollna s-sabar fiduċjuż ta’ Xmun u anki ta’ Anna, biex anki għajnejna jistgħu jaraw id-dawl tas-salvazzjoni u jwassluh lid-dinja kollha, kif wassluh fit-tifħir dawn iż-żewġt ixwejħa.

 




 

KELMTEJN TAL-PAPA FI TMIEM IĊ-ĊELEBRAZZJONI

 

Bilqiegħda, jekk jogħġobkom.

 

Nixtieq nirringrazzja lill-Kardinal għall-kelmiet tiegħu li huma espressjoni ta’ kulħadd, tal-konċelebranti kollha u tal-assistenti kollha. Qegħdin ftit: dan il-Covid rekkinna, imma ngħixu dan bis-sabar. Trid is-sabar. U nimxu, noffru ħajjitna lill-Mulej.

 

Dik ir-reliġjuża żagħżugħa li kienet għadha kemm bdiet in-novizzjat kienet ferħana… Sabet reliġjuża anzjana, twajba, qaddisa… “Kif int?” – “Hawn il-ġenna, Madre!”, tgħidilha ż-żagħżugħa. “Stenna ftit ieħor: hemm il-purgatorju”. Il-ħajja kkonsagrata, il-ħajja tal-komunità: hemm purgatorju, imma trid tgħixu bis-sabar.

 

Nixtieq nindika żewġ affarijiet li jistgħu jgħinuna: nitlobkom, aħarbu t-tpaċpiċ u s-seksis fuq xulxin. Dak li joqtol il-ħajja komunitarja hu s-seksik. Titkellmux fuq xulxin. “Mhux faċli, Dun, għax xi drabi toħroġlok veru minn qalbek!”. Iva, toħroġ minn qalbek: toħroġ mill-għira, toħroġ minn tant dnubiet kbar li għandna ġo fina. Naħarbu. “Imma, għidli, Dun, hemm xi mediċina? It-talb, it-tjieba…?”. Iva, hemm mediċina, dik tal-“mara tad-dar”: igdem ilsienek. Qabel titkellem ħażin fuq xi ħadd, igdem ilsienek, u hekk jintefaħlek ilsienek u jieħu l-ispazju tal-ħalq kollu u ma tkunx tista’ titkellem ħażin. Nitlobkom, aħarbu mis-seksik li jeqred il-komunità!

 

U mbagħad, il-ħaġa l-oħra li nirrakkomandalkom fil-ħajja komunitarja: hemm ħafna ħwejjeġ li ma jkunux sejrin sew, dejjem. Mis-superjur, mis-superjura, mill-konsultur, mill-konsultura, ma’ dak l-ieħor… Dejjem għandna xi ħwejjeġ li ma jogħġbuniex, le? Ma nitilfux is-sens tal-umoriżmu, nitlobkom: dan jgħinna ħafna. Kontra t-tqassis fuq xulxin hemm li nagħrfu nidħku bina nfusna, bis-sitwazzjonijiet, anki bl-oħrajn – b’qalb tajba – imma ma nitilfux is-sens tal-umoriżmu. U naħarbu s-seksik. Dan li qed nirrakkomandalkom mhux xi parir klerikali żżejjed, biex ngħidu hekk, imma uman: hu uman biex tistgħu tistabru. Qatt titkellem ħażin fuq l-oħrajn: igdem ilsienek. U mbagħad, titlifx is-sens tal-umoriżmu: dan jista’ jgħinna ħafna.

 

Grazzi lilkom għal dak li qed tagħmlu, grazzi tax-xhieda tagħkom. Grazzi, grazzi ħafna tad-diffikultajiet li tgħaddu minnhom, kif tibqgħu mexjin ’il quddiem, u għall-ħafna tbatija quddiem in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Ejjew nimxu, kuraġġ: il-Mulej hu ikbar, il-Mulej iħobbna. Nimxu wara l-Mulej!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard