QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Ħamis ix-Xirka, 1 ta’ April 2021

 

Il-Vanġelu jippreżentalna bidla fis-sentimenti tal-persuni li jisimgħu lill-Mulej. Il-bidla hi drammatika u turina kif il-persekuzzjoni u s-Salib huma marbuta max-xandir tal-Vanġelu. L-ammirazzjoni li qanqlu l-kelmiet ta’ grazzja li ħarġu minn fomm Ġesù ftit damet fil-qalb tan-nies ta’ Nazaret. Frażi li xi ħadd qal minn taħt l-ilsien: “Imma dan min hu? Bin Ġużeppi?” (ara Lq 4:22), dik il-frażi xterdet bi skopijiet ħżiena. U kulħadd beda jgħid: “Imma dan min hu? Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”.

 

Hi waħda minn dawk il-frażijiet ambigwi li wieħed jgħid u jibqa’ għaddej. Wieħed jista’ jużaha biex jesprimi bil-ferħ: “X’ħaġa tal-għaġeb li wieħed ta’ oriġni hekk umli qed jitkellem b’tant awtorità!”. U ieħor jista’ jużaha biex jgħid bi stmerrija: “U dan minn fejn ħareġ? Min jaħseb li hu?”. Jekk nagħtu kas, il-frażi tirrepeti ruħha meta l-Appostli, nhar Pentekoste, mimlijin bl-Ispirtu s-Santu jibdew jipprietkaw il-Vanġelu. Xi ħadd jgħid: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija?” (Atti 2:7). U waqt li xi wħud laqgħu l-Kelma, oħrajn għaddewhom b’nies fis-sakra.

 

Formalment donnu jidher li l-għażla tħalliet miftuħa imma, jekk inqisu l-effetti, f’dak il-kuntest konkret, dawk il-kelmiet kien fihom iż-żerriegħa ta’ vjolenza li nfetħet kontra Ġesù.

 

Din hi “frażi li tiġbed”,[1] bħal meta wieħed jgħid: “Dan wisq!”, u jeħodha mal-ieħor jew inkella jwarrab.

 

Il-Mulej, li xi kultant kien jiskot jew kien jaqsam għax-xatt l-ieħor, din id-darba ma baqax lura milli jikkummenta, imma jikxef għawar il-loġika ħażina li kien hemm moħbija taħt id-dehra ta’ sempliċi zekzik tar-raħal. “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek; dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll’” (Lq 4:23). “Fejjaq lilek innifsek…”.

 

“Ħa jsalva lilu nnifsu”. Hawn qiegħed is-semm! Hija l-istess frażi li tibqa’ tiġri wara l-Mulej sa fuq is-Salib: “Salva oħrajn! Ħa jsalva lilu nnifsu” (Lq 23:35); “u jsalva lilna wkoll”, żied wieħed miż-żewġ ħallelin (ara v. 39).

 

Il-Mulej, bħal dejjem, ma jiddjalogax mal-ispirtu ħażin, iwieġeb biss bl-Iskrittura. Lanqas il-profeti Elija u Eliżew ma kienu aċċettati min-nies ta’ pajjiżhom, imma mbagħad laqgħuhom waħda armla Feniċja u Sirjan marid bil-ġdiem: żewġ barranin, żewġ persuni ta’ reliġjon oħra. Il-fatti jolqtuk fis-sinjal li fihom u jwasslu għall-effett li kien ħabbar Xmun, dak ix-xwejjaħ kariżmatiku: li Ġesù kien se jkun “sinjal li jmeruh” (semeion antilegomenon) (Lq 2:34).[2]

 

Il-kelma ta’ Ġesù għandha s-setgħa li toħroġ għad-dawl dak li wieħed ikun iġorr f’qalbu, li s-soltu hu taħlita, bħall-qamħ u s-sikrana. U dan iwassal għal taqbida spiritwali. Meta naraw il-ġesti ta’ ħniena bla tarf tal-Mulej u nisimgħu l-beatitudnijiet tiegħu u l-“ħażin għalikom!” tal-Vanġelu, insibu ruħna obbligati ngħarblu u nagħżlu. F’dan il-każ il-kelma tiegħu ma ġietx mismugħa u dan wassal lill-folla biex, mixgħula bil-qilla, tipprova tneħħilu ħajtu. Imma kienet għadha ma waslitx “is-siegħa” u l-Mulej, jgħidilna l-Vanġelu, “għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer” (Lq 4:30).

 

Kienet għadha mhix is-siegħa, imma l-ħeffa li biha żbruffaw il-qilla u l-vjolenza tar-rabja, hekk li kienu kapaċi joqtlu lill-Mulej dak il-ħin stess, turina li dejjem hija s-siegħa. U dan hu li nixtieq naqsam magħkom illum, għeżież saċerdoti: li s-siegħa tat-tħabbira hienja u s-siegħa tal-persekuzzjoni u tas-Salib jimxu id f’id.

 

It-tħabbira tal-Vanġelu dejjem hi marbuta mat-tħaddina ta’ Salib konkret. Id-dawl ħelu tal-Kelma jnissel ċarezza fil-qlub li huma disposti u konfużjoni u rifjut f’dawk li mhumiex. Dan narawh il-ħin kollu fil-Vanġelu.

 

Iż-żerriegħa tajba miżrugħa fl-għalqa tagħmel il-frott – bil-mija, bis-sittin, bit-tletin kull waħda –, imma tqanqal ukoll l-għira tal-għadu li b’mod ossessiv jibda jiżra’ s-sikrana matul il-lejl (ara Mt 13:24-30,36-43).

 

Il-ħlewwa ta’ missier ħanin ġibdet b’mod irreżistibbli lill-iben il-ħali biex jirritorna d-dar, imma tqanqal ukoll il-korla u r-rabja tal-iben il-kbir (ara Lq 15:11-32).

 

Il-ġenerożità tas-sid tal-għalqa tad-dwieli hija raġuni ta’ gratitudni għall-ħaddiema tal-aħħar siegħa, imma hija wkoll motiv ta’ kummenti qarsa min-naħa ta’ dawk tal-ewwel, li jħossuhom offiżi għax sidhom hu twajjeb (ara Mt 20:1-16).

 

Il-qrubija ta’ Ġesù li jmur jiekol mal-midinbin tirbaħ qlub bħal dik ta’ Żakkew, dik ta’ Mattew, dik tas-Samaritana…, imma tqanqal ukoll sentimenti ta’ stmerrija f’dawk li jaħsbu li huma ġusti.

 

It-tjieba ta’ dak ir-raġel li jibgħat lil ibnu għax jaħseb li ħa jikseb ir-rispett tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli, minflok toħloq fihom qilla ta’ barra minn hawn: ninsabu quddiem il-misteru tal-ħażen, li jwassal biex jinqatel il-Ġust (ara Mt 21:33-46).

 

Dan kollu, għeżież ħuti saċerdoti, jurina li t-tħabbira tal-Bxara t-tajba hi misterjożament marbuta mal-persekuzzjoni u mas-Salib.

 

Sant’Injazju ta’ Loyola, fil-kontemplazzjoni tat-Twelid ta’ Kristu – skużawni għal dan ir-riklam tal-familja –, f’dik il-kontemplazzjoni tat-Twelid jesprimi din il-verità Evanġelika meta jistedinna nosservaw u nqisu dak li jagħmlu San Ġużepp u l-Madonna: “Ngħidu aħna, il-vjaġġ li għamlu u t-taħbit tagħhom sakemm il-Mulej twieled f’faqar mill-ikbar, u biex wara tant taħbit, wara ġuħ u għatx, sħana u ksieħ, wara inġustizzji u żebliħ li jsofri, fl-aħħar imut fuq salib, u dan kollu għalija. Imbagħad – iżid Injazju –, nirrifletti u nikseb xi ġid għal ruħi” (Eżerċizzi spiritwali, 116). Il-ferħ tat-twelid tal-Mulej, it-tbatija tas-Salib, il-persekuzzjoni.

 

X’riflessjoni nistgħu nagħmlu għall-ħajja saċerdotali tagħna aħna u nikkontemplaw din il-preżenza prematura tas-Salib – tal-inkomprensjoni, tar-rifjut, tal-persekuzzjoni – diġà sa mill-bidu u fil-qalba nfisha tal-predikazzjoni evanġelika?

 

Jaħbtu ma’ moħħi żewġ riflessjonijiet.

 

L-ewwel waħda: m’għandniex għax nistagħġbu meta naraw li s-Salib hu preżenti fil-ħajja tal-Mulej fil-bidu tal-ministeru tiegħu u saħansitra sa minn qabel twelidu. Huwa diġà preżenti fl-ewwel tiġrib ta’ Marija quddiem it-tħabbira tal-Anġlu; hu preżenti fin-nuqqas ta’ rqad ta’ Ġużeppi huwa u jħossu obbligat jitlaq lill-għarusa tiegħu; hu preżenti fil-persekuzzjoni ta’ Erodi u fl-iskumditajiet li jkollha ġġarrab il-Familja Mqaddsa, bħal dawk ta’ tant familji li minn art twelidhom ikollhom imorru fl-eżilju.

 

Din ir-realtà tiftħilna qalbna għall-misteru tas-Salib li jingħax diġà “sa minn qabel”. Turina li s-Salib mhuwiex effett ta’ xi ħaġa oħra, fatt okkażjonali, prodott ta’ ċirkustanza fil-ħajja tal-Mulej. Huwa minnu li s-sallaba kollha tal-istorja jippruvaw juruna s-Salib bħallikieku kien effett ta’ ħsara kollaterali, imma mhuwiex hekk: is-Salib ma jiddependix miċ-ċirkostanzi. Is-slaleb il-kbar tal-umanità u s-slaleb żgħar tagħna – biex ngħidu hekk –, ta’ kull wieħed u waħda minna, ma jiddependux miċ-ċirkustanzi.

 

Għaliex il-Mulej ħaddan miegħu s-Salib fl-integrità kollha tiegħu? Għaliex Ġesù ħaddan il-passjoni sħiħa? Ħaddan it-tradiment u l-abbandun ta’ ħbiebu diġà sa mill-Aħħar Ċena, laqa’ l-fatt tal-arrest illegali, il-ġudizzju ta’ malajr, is-sentenza sproporzjonata, il-ħażen bla raġuni tad-daqqiet ta’ ħarta u tal-bżieq għalxejn b’xejn… Li kieku kellhom ikunu ċ-ċirkostanzi li ddeterminaw il-qawwa salvifika tas-Salib, il-Mulej ma kienx iħaddan kollox. Imma meta waslet is-siegħa tiegħu, hu ħaddan is-Salib kollu. Għax fis-Salib ma hemm ebda ambigwità! Is-Salib ma jiġix innegozjat.

 

It-tieni riflessjoni hi din li ġejja. Huwa minnu li hemm xi ħaġa fis-Salib li hi parti integrali mill-qagħda umana tagħna, mil-limitazzjoni u mid-dgħufija. Imma huwa minnu wkoll li hemm xi ħaġa f’dak li jseħħ fis-Salib li mhix marbuta mad-dgħufija tagħna, imma hi l-gidma tas-serp, li, meta jara lill-mislub m’għandu xejn x’jilqagħlu, jigdmu u jipprova javvelena u jġib fix-xejn l-opra kollha tiegħu. Gidma li tipprova tiskandalizza – din hija epoka tal-iskandli –, gidma li tipprova tipparalizza u tagħmel sterili u insinifikanti kull servizz u sagrifiċċju ta’ mħabba għall-oħrajn. Huwa l-velenu tal-ħażin li jkompli jtambar: salva lilek innifsek.

 

U f’din il-gidma, kiefra u li tweġġa’, li tippretendi li tista’ toqtol, fl-aħħar ifeġġ it-trijonf ta’ Alla. San Massimu l-Konfessur uriena li ma’ Ġesù msallab l-affarijiet jinqalbu ta’ taħt fuq: meta gidem il-laħam tal-Mulej, id-demonju ma avvelenahx – fih sab biss ħlewwa bla qies u ubbidjenza għar-rieda tal-Missier – imma, bil-maqlub, maqbud mis-sunnara tas-Salib hu bela’ l-Ġisem tal-Mulej, li sar velenu għalih u għalina d-duwa li ġabet fix-xejn is-setgħa tal-ħażin.[3]

 

Dawn huma r-riflessjonijiet. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nieħdu xi ħaġa għalina minn dan it-tagħlim: hemm Salib fix-xandir tal-Vanġelu, dan huwa minnu, imma huwa Salib li jsalva. Ippaċifikat mad-Demm ta’ Ġesù, huwa Salib bil-qawwa tar-rebħa ta’ Kristu li jegħleb il-ħażen, li jeħlisna mill-Ħażin. Jekk flimkien ma’ Ġesù u bħalu nħaddnuh magħna, diġà “sa minn qabel” ma mmorru nipprietkaw, inkunu nistgħu ngħarblu u nkeċċu minna l-velenu tal-iskandlu li bih id-demonju jipprova javvelenana meta bla ma nkunu nistennewh jitfaċċa salib fil-ħajja tagħna.

 

“Iżda aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura (hypostoles)” (Lhud 10:39), jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud. “Iżda aħna m’aħniex minn dawk li jċedu”, huwa l-parir li jagħtina: aħna ma niskandalizzawx ruħna, bħalma ma skandalizzax ruħu Ġesù meta ra li l-bxara t-tajba ta’ salvazzjoni li ġie jħabbar lill-foqra ma dwietx ċara, imma qalb l-għajat u t-theddid ta’ dawk li ma ridux jisimgħu l-Kelma tiegħu jew riedu jirriduċuha għal legaliżmi (moralisti, klerikalisti…).

 

Aħna ma niskandalizzawx ruħna bħalma ma skandalizzax ruħu Ġesù meta kellu jfejjaq il-morda u jeħles l-imjassrin mill-ħabs qalb id-diskussjonijiet u l-kontroversji moralistiċi, legalistiċi, klerikali li kien iqanqal kull darba li jagħmel il-ġid.

 

Aħna ma niskandalizzawx ruħna bħalma ma skandalizzax ruħu Ġesù meta kellu jrodd id-dawl lill-għomja qalb nies li kienu jagħlqu għajnejhom biex ma jarawx jew kienu jħarsu band’oħra.

 

Aħna ma niskandalizzawx ruħna bħalma ma skandalizzax ruħu Ġesù għall-fatt li x-xandir tiegħu tas-sena tal-grazzja tal-Mulej – sena li hija l-istorja kollha – qanqal skandlu pubbliku f’dak li llum mank kien jidher fit-tielet paġna ta’ ġurnal provinċjali.

 

U ma niskandalizzawx ruħna għax it-tħabbira tal-Vanġelu ma tiksibx il-qawwa tagħha mill-kliem elokwenti tagħna, imma mill-qawwa tas-Salib (ara 1 Kor 1:17).

 

Mill-mod kif inħaddnu s-Salib aħna u nħabbru l-Vanġelu – bl-opri u, jekk hemm bżonn, bil-kliem – jidhru żewġ affarijiet: li t-tbatija li jikkawżalna l-Vanġelu mhijiex tagħna, imma “s-sofferenzi ta’ Kristu fina” (2 Kor 1:5) u li “aħna ’l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna” u aħna “qaddejja minħabba f’Ġesù Kristu” (2 Kor 4:5).

 

Nixtieq nagħlaq b’tifkira. Darba, f’mument mudlam ħafna ta’ ħajti, tlabt lill-Mulej il-grazzja li jeħlisni minn sitwazzjoni iebsa u diffiċli. Mument mudlam. Mort nipprietka l-Eżerċizzi spiritwali lil xi reliġjużi nisa u fl-aħħar ġurnata, kif kienet drawwa dak iż-żmien, ġew iqerru. Ġiet soru anzjana ħafna, b’għajnejha ċari, proprju jleqqu. Kienet bniedma ta’ Alla. Hemm ħassejt ix-xewqa li nitlobha xi ħaġa għalija u għidtilha: “Swor, bħala penitenza, itlob għalija, għax għandi bżonn ta’ grazzja. Itlobha lill-Mulej. U jekk titlobha int lill-Mulej, jagħtihieli żgur”. Hi siktet, stenniet ftit tal-ħin sew, bħallikieku kienet qed titlob, u mbagħad ħarset lejja u qaltli: “Żgur li l-Mulej se jagħtihielek il-grazzja, imma ara ma tmurx żmerċ: jagħtihielek bil-mod divin tiegħu”. Dan għamilli ħafna ġid: inħoss li l-Mulej dejjem jagħtina dak li nitolbuh, imma jagħmlu bil-mod divin tiegħu. Dan il-mod jimplika s-salib. Mhux b’masokiżmu, imma bi mħabba, bi mħabba sal-aħħar.[4]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Bħal dawk li jurina mgħallem spiritwali, Patri Claude Judde; waħda minn dawk il-frażijiet li jsieħbu d-deċiżjonijiet tagħna u fihom “l-aħħar kelma”, dik li twassal għad-deċiżjoni u tqanqal persuna jew grupp biex jaġixxu. Ara C. Judde, Œuvres spirituaelles II, 1883, Instruction sur la connaissance de soi même, 313-319, en M.Á. FIORITO, Buscar y hallar la voluntad de Dios, Bs. As., Paulinas, 2000, 248ss.

[2] Antilegomenon” tfisser li jitkellmu kontrih, li xi wħud jitkellmu tajjeb u oħrajn ħażin fuqu.

[3] Ara Centuria 1, 8-13.

[4] Ara Omelija fil-Quddiesa f’Santa Marta, 29 ta’ Mejju 2013.