QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

IS-LVII JUM DINJI TAL-PAĊI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-Tnejn 1 ta’ Jannar 2024

 

Kliem l-Appostlu Pawlu jdawwal il-bidu tas-sena l-ġdida: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara” (Gal 4:4). Tolqotna l-espressjoni “milja taż-żmien”. Dari kienu jħobbu jkejlu ż-żmien billi jbattlu u jerġgħu jimlew il-ġarar: meta jkunu vojta kien jibda perjodu ġdid ta’ żmien, li jagħlaq meta jimtlew. Din hi l-milja taż-żmien: meta l-ġarra tal-istorja hi mimlija, tfawwar il-grazzja divina: Alla jsir bniedem u dan jagħmlu permezz ta’ mara, Marija. Hija t-triq magħżula minn Alla; hija l-punt tal-wasla ta’ tant persuni u ġenerazzjonijiet li, “qatra qatra”, ħejjew għall-miġja tal-Mulej fid-dinja. Għalhekk l-Omm tinsab fil-qalba taż-żmien: Alla għoġbu jibdel l-istorja permezz tagħha, il-mara. B’din il-kelma l-Iskrittura tibgħatna fil-bidu nett, fil-Ġenesi, u tissuġġerilna li l-Omm bit-Tarbija timmarka ħolqien ġdid, bidu ġdid. Fil-bidu taż-żmien tas-salvazzjoni allura hemm l-Omm Qaddisa ta’ Alla, l-Omm qaddisa tagħna.

 

Kemm hi ħaġa sabiħa li s-sena niftħuha billi nsejħu lilha; sabiħ li l-Poplu fidil, kif għamel darba f’Efesu – kienu qalbiena dawk l-Insara! – jipproklama bil-ferħ lill-Omm Qaddisa ta’ Alla. Il-kelmiet Omm ta’ Alla fil-fatt jesprimu ċ-ċertezza hienja li l-Mulej, Tarbija ċkejkna f’dirgħajn ommha, issieħeb għal dejjem mal-umanità tagħna, tant li din m’għadhiex biss tagħna, imma saret tiegħu. Omm Alla: ftit kelmiet biex nistqarru l-patt etern tal-Mulej magħna. Omm Alla: domma ta’ fidi, imma hi wkoll “domma ta’ tama”: Alla fil-bniedem u l-bniedem f’Alla, għal dejjem. L-Omm Qaddisa ta’ Alla.

 

Fil-milja taż-żmien il-Missier bagħat lil Ibnu mwieled minn mara; imma t-test ta’ San Pawl iżid it-tieni mandat: “Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: ‘Abbà! Missier!’” (Gal 4:6). U anki fil-mandat tal-Ispirtu l-Omm hi protagonista: l-Ispirtu s-Santu jibda jistrieħ fuqha fit-Tħabbira (ara Lq 1:35), imbagħad fil-bidu tal-Knisja jinżel fuq l-Appostli miġbura fit-talb “ma’ Marija, Omm Ġesù” (Atti 1:14). Hekk bl-akkoljenza tagħha Marija ġabitilna l-ikbar doni: hi li “permezz tagħha aħna ksibna bħala ħuna lill-Mulej tal-glorja” (Tumas ta’ Celano, Vita seconda, CL, 198: FF 786) u tat lill-Ispirtu li jgħajjat fi qlubna: “Abbà, Pa!”. Il-maternità ta’ Marija hi t-triq biex niltaqgħu mal-ħlewwa paterna ta’ Alla, l-aktar triq qariba, diretta, faċli. Dan hu l-istil ta’ Alla: qrubija, ħniena u ħlewwa. Fil-fatt, l-Omm twassalna għall-bidu u għall-qalba tal-fidi, li mhijiex teorija jew impenn, imma don bla qies, li jagħmilna wlied maħbuba, għamajjar tal-imħabba tal-Missier. Għalhekk li nilqgħu lill-Omm f’ħajjitna mhijiex xi għażla ta’ devozzjoni, imma esiġenza ta’ fidi: “Jekk irridu nkunu Nsara, jeħtieġ inkunu Marjani” (San Pawlu VI, Omelija f’Cagliari, 24 ta’ April 1970), jiġifieri wlied Marija.

 

Minn Marija l-Knisja għandha bżonn tiskopri mill-ġdid il-wiċċ femminili tagħha: biex tixbah iktar lilha li, mara, Verġni u Omm, tirrappreżenta l-mudell u l-figura perfetta tagħha (ara Lumen gentium, 63); biex tagħmel wisa’ għan-nisa u tnissel permezz ta’ pastorali magħmula minn għożża u attenzjoni, sabar u kuraġġ ta’ omm. Imma anki d-dinja għandha bżonn tħares lejn l-ommijiet u lejn in-nisa biex issib il-paċi, biex toħroġ miċ-ċrieki magħluqa tal-vjolenza u tal-mibegħda, u terġa’ tikseb ħarsiet umani u qlub li jaraw. U kull soċjetà għandha bżonn tilqa’ d-don tal-mara, ta’ kull mara: tirrispettaha, tħarisha, tivvalorizzaha, għax taf li min ifieri  mqar mara waħda jkun jipprofana lil Alla, imwieled minn mara.

 

Marija, il-mara, kif hi deċiżiva fil-milja taż-żmien, hekk hi determinanti għall-ħajja ta’ kull persuna; għax ħadd aħjar mill-Omm ma jaf iż-żminijiet u l-urġenzi tal-ulied. Dan jurihulna għal darb’oħra “bidu”, l-ewwel sinjal li għamel Ġesù, fit-tieġ ta’ Kana. Hemm hija proprju Marija li tintebaħ li jonqos l-inbid u li ddur fuqu (ara Ġw 2:3). Huma ħtiġijiet tal-ulied li jqanqlu lilha, l-Omm, biex tħeġġeġ lil Ġesù jagħmel xi ħaġa. U f’Kana Ġesù jgħid: “‘Imlew il-ġarar bl-ilma’; u huma mlewhom sax-xfar” (Ġw 2:7). Marija, li taf x’inhuma l-ħtiġijiet tagħna, tħaffef ukoll għalina t-tfawwir tal-grazzja u twassal il-ħajjiet tagħna għall-milja tagħhom. Ħuti, aħna lkoll għandna xi nuqqasijiet, solitudnijiet, vojt li hemm bżonn jimtela. Kull wieħed jaf x’inhuma tiegħu. Min jista’ jimliehom għajr Marija, Omm il-milja? Meta niġu ttentati ningħalqu fina nfusna, ejjew immorru għandha; meta ma jirnexxilniex ninħallu qalb l-għoqiedi tal-ħajja, infittxu l-kenn fiha. Iż-żminijiet tagħna, battala mill-paċi, għandhom bżonn ta’ Omm li terġa’ ġġib f’postha l-familja tal-bnedmin. Ejjew inħarsu lejn Marija biex insiru bennejja tal-għaqda, u dan nagħmluh bil-kreattività tagħha ta’ Omm, li tieħu ħsieb tal-ulied: tiġborhom u tfarraġhom, tisma’ l-uġigħ tagħhom u tixxotta d-dmugħ tagħhom. U nħarsu lejn dik l-ikona hekk ħelwa tal-Virgo lactans [tal-Abbazija ta’ Montevergine]. Hekk tkun l-omm: b’kemm ħlewwa tieħu ħsiebna u hi qrib tagħna. Iżżiegħel bina u hi qrib tagħna.

 

Ejjew nafdaw is-sena l-ġdida lill-Omm ta’ Alla. Nikkonsagrawlha ħajjitna. Hi, bil-ħlewwa kollha, twassalha għall-milja tagħha. Għax twassalna għal Ġesù u Ġesù hu l-milja taż-żmien, ta’ kull żmien, taż-żmien tagħna, taż-żmien ta’ kull wieħed u waħda minna. Fil-fatt, kif inkiteb, “ma kienx minħabba l-milja taż-żmien li l-Iben ta’ Alla ġie mibgħut, imma bil-maqlub, mill-miġja tal-Iben nixxiet il-milja taż-żmien” (ara M. Luteru, Vorlesung über den Galaterbrief 1516-1517, 18). Ħuti, ħa tkun din is-sena mimlija faraġ tal-Mulej; ħa tkun din is-sena mfawra bil-ħlewwa materna ta’ Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla.

 

U issa nistedinkom nipproklamaw ilkoll flimkien, għal tliet darbiet: Omm Qaddisa ta’ Alla! Fimkien: Omm Qaddisa ta’ Alla! Omm Qaddisa ta’ Alla! Omm Qaddisa ta’ Alla!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard