QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

IL-LV JUM DINJI TAL-PAĊI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Is-Sibt 1 ta’ Jannar 2021

 

Ir-ragħajja sabu lil “Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura” (Lq 2:16). Il-maxtura hija sinjal ta’ ferħ għar-ragħajja: hija l-konferma li dak li kien qalilhom l-anġlu (ara v. 12), hija l-post fejn isibu lill-Feddej. U hija wkoll il-prova li Alla jinsab magħhom: jitwieled f’maxtura, oġġett li jafuh tajjeb, u hekk jurihom li hu qrib tagħhom u familjari għalihom. Imma l-maxtura hija sinjal ta’ ferħ ukoll għalina: Ġesù jmissilna qalbna meta jitwieled żgħir u fqir, isawwab fina mħabba u mhux biża’. Il-maxtura tantiċipalna li hu sa jsir ikel għalina. U l-faqar tiegħu hu aħbar sabiħa għal kulħadd, speċjalment għal min jinsab fit-trufijiet, għal dawk li huma mwarrbin, għal min ma jiswa xejn f’għajnejn id-dinja. Alla hemm jiġi: l-ebda linja ta’ preferenza, lanqas benniena! Araw xi ġmiel meta narawh mimdud f’maxtura.

 

Imma għal Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla, ma kienx hekk. Hi kellha ġġarrab “l-iskandlu tal-maxtura”. Hi wkoll, qabel ir-ragħajja, kienet irċeviet l-aħbar ta’ anġlu, li kien lissnilha kliem solenni, u kellimha dwar it-tron ta’ David: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru” (Lq 1:31-32). U issa kellha tqiegħdu f’maxtura tal-annimali. Kif imorru ma’ xulxin it-tron tas-sultan u l-maxtura fqajra? Kif tista’ tpoġġi flimkien il-glorja tal-Għoli u l-miżerja ta’ stalla? Nistgħu nimmaġinaw kif ħassitha l-Omm ta’ Alla. X’hemm aktar iebes għal omm milli tilmaħ lill-istess binha jbati l-faqar? Bilfors tħoss qalbha tuġagħha. Ma tlumhiex lil Marija jekk tgerger b’dik id-deżolazzjoni kollha li ma kinitx tistenna. Imma hi ma taqtax qalbha. Ma tiżvogax, imma tibqa’ fis-skiet. Tagħżel sehem differenti minn dak tat-tgergir: “Marija, min-naħa tagħha”, jgħid il-Vanġelu, “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19).

 

Huwa aġir differenti minn dak tar-ragħajja u tan-nies. Huma rrakkontaw lil kulħadd dak li raw: l-anġlu li deher fil-qalba tal-lejl, kliemu dwar it-Tarbija. U n-nies, meta semgħet b’dawn il-ħwejjeġ, baqgħet mistagħġba (ara v. 18): kliem u stagħġib. Imma Marija tidher imħassba. Tgħożż u taħseb bejnha u bejn ruħha. Huma żewġ atteġġjamenti differenti li nistgħu niltaqgħu magħhom aħna wkoll. Ir-rakkont u l-istagħġib tar-ragħajja jfakkruna fil-kundizzjoni tal-bidu tal-fidi. Hemm kollox ikun faċli u lineari, nifirħu bil-ġdid ta’ Alla li jidħol fil-ħajja, u f’kull aspett iġib klima ta’ stagħġib. Waqt li l-atteġġjament meditattiv ta’ Marija huwa l-espressjoni ta’ fidi matura, adulta, li m’għadhiex tal-bidu. Mhux ta’ fidi li għadha titwieled, imma ta’ fidi li bdiet tnissel. Għax min jiġi biex jagħti frott spiritwali jgħaddi mill-prova. Mill-ħemda ta’ Nazaret u mill-wegħdiet trijonfanti li rċiviet mill-anġlu – il-bidu tagħha – Marija issa ssib ruħha fl-istalla mudlama ta’ Betlehem. Imma huwa hemm li hija tagħti lil Alla lid-dinja. U waqt li oħrajn, quddiem l-iskandlu tal-maxtura, kienu jaħbtu jaqtgħu qalbhom, hi le: tgħożż u tħares billi timmedita.

 

Nitgħallmu mill-Omm ta’ Alla dan l-atteġġjament: ngħożżu u nħarsu billi nimmeditaw. Għax lilna wkoll jiġrilna li jkollna nġarrbu ċerti “skandli tal-maxtura”. Nawguraw lil xulxin li kollox imur tajjeb u mbagħad tasal, bħal sajjetta fil-bnazzi, problema li ma konniex nistennewha. U x-xewqat tagħna ħabta u sabta jaħbtu mar-realtà, u dan iġagħalna nbatu. Jiġri wkoll fil-fidi, meta l-ferħ tal-Vanġelu jiġi mġarrab minn sitwazzjoni iebsa li fiha nsibu ruħna mexjin. Imma llum l-Omm ta’ Alla qed tgħallimna biex minn din il-ħabta noħorġu l-ġid. Turina li hemm bżonn ta’ dan, li din hi t-triq id-dejqa li twassalna għad-destinazzjoni, is-salib li mingħajru ma nistgħux nqumu. Hu bħall-ħlas ta’ tarbija, ta’ tbatija, li jagħti ħajja lil fidi iżjed matura.

 

U jien nistaqsi, ħuti, kif għandna nagħmlu dan il-passaġġ, kif nistgħu negħlbu l-ħabta bejn l-ideali u r-reali? Proprju billi nagħmlu bħal Marija: ngħożżu u nimmeditaw. Qabelxejn Marija tħares u tgħożż, jiġifieri ma titlef xejn. Ma tirrifjutax dak li jseħħ. Tgħożż f’qalbha kull ħaġa, dak kollu li hi rat u semgħet. Il-ħwejjeġ sbieħ, bħal dak li kien qalilha l-anġlu u dak li kienu rrakkuntawlha r-ragħajja. Imma anki l-ħwejjeġ li iebsa taċċettahom: il-periklu li għaddiet minnu meta ħarġet tqila qabel iż-żwieġ, u issa l-ansjetà deżolanti tal-istalla fejn wildet. Dan hu li tagħmel Marija: ma tagħżilx, imma kollox tgħożż. Tilqa’ r-realtà kif tiġi, ma tipprovax tgħatti jew taħbi, tirtokkja l-ħajja, imma tħares u tgħożż kollox f’qalbha.

 

U mbagħad hemm it-tieni atteġġjament. Kif tgħożż dan kollu Marija? Tgħożżu u tħarsu billi timmedita. Il-verb użat mill-Vanġelu jevoka n-nisġa bejn l-affarijiet: Marija tikkonfronta esperjenzi differenti, u ssib il-ħjut moħbija li jorbtuhom ma’ xulxin. Fil-qalb tagħha, fit-talb tagħha tagħmel din il-biċċa xogħol tal-għaġeb: torbot flimkien il-ħwejjeġ sbieħ u dawk koroh; ma żżommhomx mifruda minn xulxin, imma torbothom. U għalhekk Marija hija l-Omm tal-kattoliċità. Bi ftit sforz tal-lingwaġġ, nistgħu ngħidu li għalhekk Marija hija kattolika, għax hi tgħaqqad, u mhux tifred. U hekk tħaddan is-sens sħiħ, il-perspettiva ta’ Alla. Fil-qalb tagħha ta’ omm tifhem li l-glorja tal-Aktar Għoli tgħaddi mill-umiltà; tilqa’ l-pjan tas-salvazzjoni, li minħabba fih Alla kellu jimtedd f’maxtura. Tara lit-Tarbija divina dgħajfa u tterter bil-bard, u tilqa’ n-nisġa divina tal-għaġeb bejn il-kobor u ċ-ċokon. Hekk Marija tgħożż f’qalbha, billi timmedita.

 

Din il-ħarsa inklużiva, li tegħleb it-tensjonijiet billi tgħożż u timmedita fil-qalb tagħha, hija l-ħarsa tal-ommijiet, li fit-tensjonijiet ma jifirdux l-affarijiet, imma jgħożżuhom u hekk tikber il-ħajja. Hija l-ħarsa li biha tant ommijiet iħaddnu s-sitwazzjonijiet tal-ulied. Hija ħarsa konkreta, li ma taqtax qalbha, li ma teħilx quddiem il-problemi, imma tqegħidhom f’xefaq usa’. U Marija hekk tagħmel, sal-Kalvarju, timmedita u tħares fil-qalb tagħha, tgħożż u timmedita. Jiġuni f’moħħi l-uċuħ tal-ommijiet li jassistu għal binhom marid jew fil-għawġ. Kemm imħabba f’għajnejhom, li huma u jibku jafu jsibu motivi biex jittamaw! Tagħhom hija ħarsa konxja, bla illużjonijiet, u safrattant lil hemm mit-tbatija u mill-problemi toffri perspettiva usa’, dik tal-għożża, tal-imħabba li tnissel mill-ġdid it-tama. Hekk jagħmlu l-ommijiet: jafu jegħlbu x-xkiel u l-ġlied, jafu jsawbu l-paċi. Hekk jirnexxilhom jibdlu l-inkwiet f’opportunità ta’ twelid mill-ġdid u f’opportunità ta’ maturazzjoni. Dan jagħmluh għax huma jafu jgħożżu fil-qalb tagħhom. L-ommijiet jafu jgħożżu, jafu jżommu flimkien il-ħjut tal-ħajja, kollha. Għandna bżonn ta’ nies li kapaċi jinsġu ħjut ta’ komunjoni, bil-maqlub ta’ tant fildiferru mxewwek tal-firdiet. U dan l-ommijiet jafu jagħmluh.

 

Is-sena l-ġdida tibda bis-sinjal tal-Omm Qaddisa ta’ Alla, bis-sinjal tal-Omm. Il-ħarsa materna hija t-triq biex nitwieldu mill-ġdid u nikbru. L-ommijiet, in-nisa jħarsu lid-dinja mhux biex jisfruttawha, imma biex ikollha l-ħajja: iħarsu bil-qalb tagħhom, u hekk jirnexxilhom iżommu flimkien il-ħolm u l-konkretezza, u jevitaw id-devjazzjonijiet tal-pragmatiżmu sterili u tal-astratt. U l-Knisja hija omm, hekk hija omm, il-Knisja hija mara, hekk hija mara. Huwa għalhekk li ma nistgħux insibu post għall-mara fil-Knisja mingħajr ma narawha riflessa f’din il-qalb ta’ mara-omm. Dan huwa l-post tal-mara fil-Knisja, il-post il-kbir, li minnu joħorġu oħrajn iżjed konkreti, iżjed sekondarji. Imma l-Knisja hija omm, il-Knisja hija mara. U waqt li n-nisa jagħtu l-ħajja u n-nisa jħarsu lid-dinja, ejjew inħabirku lkoll biex nippromovu l-ommijiet u nipproteġu lin-nisa. Kemm vjolenza fuq in-nisa! Daqshekk! Min iweġġa’ mara jkun qed joffendi lil Alla, li minn mara sar bniedem, mhux minn anġlu, ma qabadx u ġie waħdu: imma minn mara. L-istess, bħal minn mara, il-Knisja mara, jieħdu l-umanità wliedha.

 

Fil-bidu ta’ sena ġdida ejjew inqiegħdu lilna nfusna taħt il-ħarsien ta’ din il-mara, l-Omm Qaddisa ta’ Alla li hija omm tagħna. Hi li tgħinna nħarsu, ngħożżu u nimmeditaw kull ħaġa, bla ma nibżgħu mit-tiġrib, fiċ-ċertezza hienja li l-Mulej huwa fidil u jaf jibdel is-slaleb f’qawmien. Illum ukoll insejħulha kif għamel il-Poplu ta’ Alla f’Efesu. Inqumu lkoll bilwieqfa, inħarsu lejn il-Madonna, u kif għamel il-poplu ta’ Alla f’Efesu, intennu għal tliet darbiet it-titlu tagħha ta’ Omm Alla. Ilkoll flimkien: “Omm Qaddisa ta’ Alla, Omm Qaddisa ta’ Alla, Omm Qaddisa ta’ Alla!”. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard