QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

L-LIV JUM DINJI TAL-PAĊI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan

Il-Ġimgħa 1 ta’ Jannar 2021

 

[Omelija tal-Papa, moqrija mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Pietro Parolin]

 

Fil-Qari tal-liturġija tal-lum jispikkaw tliet verbi, li jsibu l-milja tagħhom f’Omm Alla: bierku, twieled u sabu.

 

Bierku. Fil-Ktieb tan-Numri l-Mulej jordna lill-ministri mqaddsa jbierku lill-poplu: “Meta tbierku lil ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom: ‘Ibierkek il-Mulej’” (6:23-24). Mhijiex xi eżortazzjoni twajba, hi ordni preċiża. U importanti li anki llum is-saċerdoti jbierku lill-Poplu ta’ Alla, bla ma qatt jegħjew; u li anki l-fidili kollha jġorru din il-barka, ibierku huma wkoll. Il-Mulej jaf li għandna bżonn niġu mbierka: l-ewwel ħaġa li għamel wara l-ħolqien kien li tkellem tajjeb dwar kull ħaġa u jitkellem tajjeb ħafna fuqna. Imma issa, mal-Iben ta’ Alla, ma nirċevux biss kliem ta’ barka, imma l-barka nfisha: Ġesù hu l-barka tal-Missier. Fih il-Missier, jgħid San Pawl, iberikna “b’kull xorta ta’ barka spiritwali” (Efes 1:3). Kull darba li niftħu qalbna għal Ġesù, il-barka ta’ Alla tidħol f’ħajjitna.

 

Illum qed niċċelebraw lill-Iben ta’ Alla, dak li min-natura tiegħu hu l-Imbierek, li jiġi għandna permezz ta’ Marija, dik li hi l-imbierka bi grazzja. Hekk Marija twasslilna l-barka ta’ Alla. Fejn hemm hi, hemm Ġesù. Għalhekk jeħtieġ nilqgħuha, bħal Santa Eliżabetta, li daħħlitha f’darha u minnufih għarfet fiha l-barka, u qaltilha: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:42). Huma l-kelmiet li ntennu fis-Sliema. Meta nagħmlu wisa’ għal Marija niġu mbierka, imma nitgħallmu wkoll inbierku. Fil-fatt, il-Madonna tgħallimna li l-barka nirċevuha metqa nagħtuha. Hi, l-imbierka, kienet barka għal dawk kollha li ltaqgħet magħhom: għal Eliżabetta, għall-għarajjes ta’ Kana, għall-Appostli fiċ-Ċenaklu… Aħna wkoll imsejħin inbierku, nitkellmu tajjeb f’isem Alla. Id-dinja hi mniġġsa bil-kbir mill-kliem ħażin u l-ħsieb ħażin fuq l-oħrajn, fuq is-soċjetà, fuqna nfusna. Imma d-diskors ħażin fuq xulxin jikkorrompi, imermer kollox, waqt li l-barka tagħti ħajja ġdida, troddilna l-qawwa biex ta’ kuljum nibdew mill-ġdid. Nitolbu lil Omm Alla l-grazzja li nkunu għall-oħrajn ħabbara hienja tal-barka ta’ Alla, kif inhija hi għalina.

 

Twieled huwa t-tieni verb. San Pawl jisħaq li l-Iben ta’ Alla “twieled minn mara” (Gal 4:4). Fi ftit kliem qed jgħidilna ħaġa tal-għaġeb: li l-Mulej twieled bħalna. Ma deherx bħala adult, imma bħala tarbija; ma ġiex fid-dinja waħdu, imma minn mara, wara disa’ xhur fil-ġuf tal-Omm, li lilha ħalla tinseġ l-umanità tiegħu. Il-qalb tal-Mulej bdiet tħabbat f’Marija, dak Alla li minnu ġejja kull ħajja rċieva n-nifs mingħandha. Minn dakinhar Marija saret dik li tgħaqqadna ma’ Alla, għax fiha Alla ntrabat mal-laħam tal-ġisem tagħna u ma telqu qatt iżjed. Marija – kien iħobb jgħid San Franġisk – “lill-Mulej tal-glorja għamlitu ħuna” (San Bonaventura, Legenda major, 9,3). Hi mhijiex biss il-pont bejnna u bejn Alla, hija iżjed minn hekk: hija t-triq li Alla mexa biex wasal għandna u hija t-triq li rridu nimxu aħna biex naslu għandu. Permezz ta’ Marija niltaqgħu ma’ Alla kif jixtieq hu: fil-ħlewwa, fl-intimità, fil-laħam. Iva, għax Ġesù mhuwiex xi idea astratta, hu konkret, inkarnat, twieled minn mara u kiber bil-mod il-mod. In-nisa jafu x’inhi din il-konkretezza kollha sabar: aħna l-irġiel spiss nibqgħu fl-arja u rridu xi ħaġa minnufih; in-nisa huma konkreti u jafu jinsġu bis-sabar il-ħjut tal-ħajja. Kemm nisa, kemm ommijiet b’dan il-mod iwelldu u jerġgħu jwelldu l-ħajja, jagħtu futur lid-dinja!

 

Ma ġejniex fid-dinja biex immutu, imma biex inġibu l-ħajja. L-Omm qaddisa ta’ Alla tgħallimna li l-ewwel pass biex nagħtu l-ħajja lil dak ta’ madwarna hu li nħobbuh ġo fina. Hi, jgħid illum il-Vanġelu, “kienet tgħożż kollox f’qalbha” (ara Lq 2:19). U huwa mill-qalb li jitwieled it-tajjeb: kemm hu importanti nżommu qalbna nadifa, nieħdu ħsieb tal-ħajja interjuri tagħna, nitħarrġu fit-talb! Kemm hu importanti nedukaw il-qalb għall-għożża, ngħożżu l-persuni u l-ħwejjeġ. Kollox jibda minn hawn, milli nieħdu ħsieb tal-oħrajn, tad-dinja, tal-ħolqien. Għal xejn ma jiswa li nkunu nafu ħafna nies u ħafna affarijiet jekk ma niħdux ħsiebhom. Din is-sena, waqt li nittamaw fi twelid mill-ġdid u kuri ġodda, ejjew ma nittraskurawx il-kura, l-għożża. Għax, lil hemm mit-tilqima għall-ġisem, hemm bżonn tat-tilqima għall-qalb: u din it-tilqima hi l-għożża għal xulxin. Tkun sena tajba jekk nieħdu ħsieb tal-oħrajn, kif tagħmel magħna l-Madonna.

 

U t-tielet veru hu sabu. Il-Vanġelu jgħid li r-ragħajja “sabu lil Marija u lil Ġużeppi u lit-tarbija” (v. 16). Ma sabux xi sinjali tal-għaġeb u spettakolari, imma familja sempliċi. Imma hemm sabu tassew lil Alla, li hu kobor fiċ-ċokon, qawwa fil-ħlewwa. Imma kif għamlu r-ragħajja biex sabu dan is-sinjal li tant ma jagħtix fl-għajn? Kienu msejħa minn anġlu. Aħna wkoll ma konniex insibuh lil Alla kieku ma konniex imsejħa bi grazzja. Ma stajniex nistħajlu Alla bħal dan, li jitwieled minn mara u jaqleb l-istorja ta’ taħt fuq bil-ħlewwa, imma bi grazzja sibnieh. U skoprejna li l-maħfra tiegħu twellidna mill-ġdid, li l-faraġ tiegħu jkebbes fina t-tama, u li l-preżenza tiegħu timliena b’ferħ li ħadd ma jeħodhulna. Sibnieh, imma ma rridux nitilfuh minn taħt għajnejna. Fil-fatt, il-Mulej ma ssibux darba għal dejjem, imma trid tfittxu biex issibu ta’ kuljum. Għalhekk il-Vanġelu jiddeskrivi li r-ragħajja dejjem ifittxu, f’moviment: “marru jgħaġġlu, sabu, bdew jgħarrfu, reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla” (vv. 16-17,20). Ma kinux passivi, għax biex tilqa’ l-grazzja hemm bżonn tibqa’ attiv.

 

U aħna, x’aħna msejħin insibu fil-bidu tas-sena? Kieku sewwa nsibu l-ħin għal xi ħadd. Iż-żmien hu l-għana li lkoll għandna, imma li aħna għajjurin għalih, għax irridu nużawh għalina biss. Jeħtieġ nitolbu l-grazzja li nsibu l-ħin: ħin għal Alla u għall-proxxmu, għal min hu waħdu, għal min qed ibati, għal min għandu bżonn min jisimgħu u jieħu ħsiebu. Jekk insibu l-ħin x’nagħtu lill-oħrajn, nibqgħu mistagħġba u hienja, bħar-ragħajja. Il-Madonna, li lil Alla ġabitu fiż-żmien, tgħinna nagħtu mill-ħin tagħna. Omm Qaddisa ta’ Alla, lilek nikkonsagraw is-sena l-ġdida. Int, li taf tgħożż fil-qalb tiegħek, ħu ħsiebna. Bierek iż-żmien tagħna u għallimna nsibu l-ħin għal Alla u għall-oħrajn. Aħna bil-ferħ u l-fiduċja ngħajtulek: Omm Qaddisa ta’ Alla! Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard