"IŻ-ŻEGĦIL U T-TBISSIM":
LAGĦQA MAN-NANNIET, ANZJANI U NEPUTIJIET IMNEDIJA

MILL-FUNDAZZJONI  ‘ETÀ GRANDE’

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 

Sala Pawlu VI
Is-Sibt, 27 ta’ April, 2024

Għeżież nanniet u għeżież neputijiet, il-jum it-tajjeb u merħba!

Insellem lill-Mons. Vincenzo Paglia u lil dawk kollha li kkollaboraw biex jorganizzaw dan il-mument ta’ festa.  Ringrazzjament partikolari lil bosta persunaġġi tad-dinja tal-ispettaklu li għoġobhom jieħdu sehem.  Grazzi!  Wara kollox ilkoll kemm aħna għandna nannu u nanna, żewġ nanniet irġiel u żewġ nanniet nisa.  Esperjenza sabiħa jkollok nannu.  L-Italja wkoll għandha “nannu”, u għalhekk nixtieq insellem “n-nannu tal-Italja” (Lino Banfi), li jinsab hawn ukoll.

Sabiħ nilqagħkom hawn, nanniet u neputijiet, żgħażagħ u anqas żgħażagħ.  Illum qed naraw, kif jgħid is-Salm (cfr Salm 133), kemm hu sabiħ inkunu flimkien.  Biżżejjed tħares lejkom biex tifhem dan, għax bejnietkom hemm l-imħabba.  U nixtieq li nirriflettu għal mument dwar dan: dwar il-fatt li l-imħabba sseddaqna, tgħanina u tagħmilna aktar għaqlin f’kull età.

L-ewwel: l-imħabba sseddaq.  Dan jidher fikom, intom li tgħinu ‘l xulxin biex issiru aħjar għax tgħożżu ‘l xulxin.  U dan qed ngħidulkom bħala “nannu”, bix-xewqa li naqsam magħkom il-fidi dejjem żgħażugħa li tgħaqqad flimkien il-ġenerazzjonijiet.  Jien ukoll irċevejt dan mingħand nannti, mingħandha, l-ewwel waħda, tgħalllimt kif inkun naf lil Ġesù, li jħobbna, li qatt ma jħallina waħedna, li jixprunana biex aħna wkoll inkunu proxxmu għal xulxin u qatt ma neskludu lil ħadd.  Għadni niftakar sal-lum l-ewwel talb li għallmitni n-nanna.  Kienet hi li rrakkuntatli l-istorja ta’ dik il-familja fejn in-nannu, li waqt l-ikel kien iwaqqa’ fuqu u jħammeġ, kienu warrbuh minn fuq il-meda u kien jiekol waħdu.  U ma kinitx xi storja sabiħa – in-nanna rrakuntathieli din l-istorja -, ma kinitx ħaġa sabiħa, anzi, kienet ħaġa kerha ħafna!  Allura, n-neputi tagħha – tkompli l-istorja li kienet irrakkuntatli n-nanna – għal xi jiem beda jkewwes bil-martell u l-imsiemer u meta missieru saqsih x’kien qed jagħmel, wieġbu: “qed nagħmel mejda għalik, biex tkun tista’ tiekol waħdek meta tixjieħ!”  Dan għallmitni n-nanna u jien ma nsejtha qatt din l-istorja.  Tinsewhiex lanqas intom, għax hu biss meta nibqgħu flimkien bl-imħabba, bla ma nwarrbu lil ħadd, li nsiru aħjar, insiru aktar umani!

Mhux biss, insiru aktar sinjuri.  Kif jista‘ jkun?  Is-soċjetà tagħna mimlija persuni speċjalizzati f’tant oqsma, hi għanja bit-tagħrif u b’mezzi utli għal kulħadd.  Iżda jekk mhemmx kondiviżjoni u meta kull persuna taħseb biss għal rasha, l-għana kollu jintilef, anzi jinbidel u jfaqqar l-umanità.  Dan hu riskju kbir ta’ żmienna: il-faqar tal-frammentazzjoni u tal-egoiżmu.  Il-persuna egoista taħseb li hi l-aktar importanti, dejjem hi fin-nofs u aktar ma għandha, aktar trid… Imma l-persuna egoista hi l-aktar fqira għax l-egoiżmu jfaqqar.  Niftakru per eżempju, f’xi espressjonijiet li nużaw: meta ngħidu “dinja taż-żgħażagħ”, “dinja tax-xjuħ”, “dinja ta’ dan u ta’ dak”…  Imma d-dinja hi waħda!  U hi magħmula minn bosta realtajiet li huma differenti propju biex ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin u jseddqu lil xulxin: il-ġenerazzjonijiet, il-popli, u d-differenzi kollha, jekk ikunu armonizzati, jistgħu isiru, bħall-faċetti ta’ djamant kbir, l-isplendur meraviljuz tal-bniedem u tal-ħolqien.  Meta nkunu flimkien nitgħallmu dan ukoll: ma nħallux id-differenzi joħolqu firdiet bejnietna!  Biex id-djamant tal-imħabba ma nitħnuhx, l-isbaħ teżor li tana Alla.

Kultant nisimgħu min jgħid “aħseb għal rasek!”, “tiġi bżonn ħadd!”  Huwa kliem falz li jinganna lill-persuni, u jġagħluk taħseb li hu sew ma tkunx tiddependi minn ħaddieħor, tagħmel kollox għalik waħdek, tgħix qiesek gżira.  Iżda huma dawn l-atteġġjamenti li joħolqu biss solitudni kbira.  Bħal per eżempju, meta minħabba l-kultura tal-iskart, l-anzjani jitħallew waħedhom u jkollhom iqattgħu l-aħħar snin ta’ ħajjithom bogħod minn darhom u mill-għeżież tagħhom.  X’taħsbu dwar dan?  Dan sew jew le?  Le!  L-anzjani m’għandhomx jitħallew waħedhom, għandhom jgħixu fil-familja, fil-komunità, fl-għożża ta’ kulħadd.  U jekk ma jkunux jistgħu jgħixu fil-familja, għandna mmorru nżuruhom, infittxuhom u nkunu qribhom.   Naħsbu ftit: mhux aħjar dinja li fiha ħadd ma jkollu għalfejn jibża’ li se jtemm jiemu waħdu?  Huwa ċar li iva.  Allura ejjew nibnuha din id-dinja, flimkien, mhux biss bil-ħolqien ta’ programmi ta’ assistenza, daqskemm bil-ħolqien ta’ proġetti differenti ta’ assistenza, li permezz tagħhom, is-snin li jaddu ma jitqiesux telf li li dak li jkun jumlijah, imma risq li jitkattar u jagħni lil kulħadd: u hekk ikunu snin apprezzati minflok snin ta’ min jibża’ minnhom.

U dan iwassalna għall-aħħar aspett: l-imħabba tagħmilna aktar għaqlin.  Kurjuża: l-imħabba tagħmilna aktar għaqlin.  Għeżież neputijiet, in-nanniet tagħkom huma memorja ta’ dinja bla memorja, u “meta s-soċjetà titlef il-memorja, tispiċċa” (Diskors lill-Komunità ta’ Sant’ Egidio, 15 ta’ Ġunju, 2014).  Insaqsi: kif tkun soċjetà li tilfet il-memorja? (iwieġbu flimkien: “Spiċċuta”).  Spiċċuta.  M’għandna qatt nitilfu l-memorja.  Isimgħuhom lin-nanniet speċjalment meta jgħallmukom, bl-imħabba u x-xhieda tagħhom biex tħarsu dak li hu l-aktar importanti, li ma jinkisibx bil-forza, mhux marbut mas-suċċess, imma li jseddaq il-ħajja.

Mhux b’kumbinazzjoni li kienu żewġ anzjani, inħobb inħares lejhom bħala nanniet, Xmun u Anna, li għarfu lil Ġesù meta ttieħed fit-Tempju minn Marija u Ġużeppi (cfr Lq 2,22-38).  Kienu dawn iż-żewġ nanniet li qabel kulħadd, għarfu lil Ġesu.  Laqgħuh, ħaduh fuq dirgħajhom u fehmu – huma biss fehmuh dan – dak li kien qed iseħħ: jiġifieri li Alla kien hemmhekk, preżenti, u kien qed iħares lejhom bl-għajnejn ta’ Tarbija ċkejkna.  Qed tifhmu?  Dawn iż-żewġ anzjani, huma biss indunaw, xħin raw liċ-ċkejken Ġesù, li kien wasal il-Messija, is-Salvatur li kulħadd kien jistenna.  Kienu x-xjuħ li fehemu l-Misteru.

L-anzjani jużaw in-nuċċali – kważi kollha – imma jaraw fil-bogħod.  Kif?  Jaraw ‘il bogħod għax mgħobbijin biż-żmien, u għandhom ħafna x’jgħallmu: per eżempju kemm hi kerha l-gwerra.  Żmien ilu, jien tgħallimt dan propju mingħand in-nannu li kien għex il-battalja tal-Piave fl-1914, fl-ewwel gwerra dinjija, u li bir-rakkonti tiegħu għinni nifhem li l-gwerra hi ħaġa orribbli li qatt m’għandha ssir. Kien għallimni wkoll għanja sabiħa li għadni niftakraha.  Triduni ngħidhielkom?  (Iwieġbu: “Iva”).  Aħsbu ftit, kienu jkantawha s-suldati fil-battalja tal-Piave: “Il-Ġeneral Cadorna kiteb lir-Reġina: jekk trid tara lil Trieste, trid tħares lejn kartolina!”  Sabiħa!  Kienu jkantawha s-suldati.

Fittxuhom lin-nanniet u twarrbuhomx, għal ġid tagħkom: “L-emarġinazzjoni tal-anzjani (….) tikkorrompi l-istaġuni kollha tal-ħajja, mhux dak tal-anzjanità biss” (Katekeżi 1 ta’ Ġunju, 2022).  Fid-djoċesi l-oħra (fl-Arġentina) kont inżur propju d-djar tal-anzjani u dejjem kont insaqsi’ “kemm għandek tfal?” – “Ħafna, ħafna!” – “U jiġu jarawk?” – “Iva, iva, dejjem – niftakar kas minnhom – dejjem jiġu”; u meta ħriġt il-ners kienet qaltli: “Kemm hi twajba dik ilmara, kif tgħattilhom lit-tfal: jiġu darbtejn fis-sena, mhux aktar”.  In-nanniet huma ġenerużi, jafu jgħattu l-ikraħ.  Jekk jogħġobkom, fittxuhom lin-nanniet, twarrbuhomx, ikun ta’ ġid għalikom.  L-emarġinazzjoni tal-anzjani tikkorrompi l-istaġuni kollha tal-ħajja, mhux dak tal-anzjanità biss.  Inħobb nirrepetiha din.  Intom titgħallmu l-għerf tal-imħabba kbira tagħhom, u wkoll tad-dgħufija tagħhom, li hi “maġisteru”, bil-ħila li jgħallem bla ma jitkellem, antidotu veru kontra l-ebusija tal-qalb: jgħinkom biex il-preżent tagħkom ma jkunx monotonu u biex il-ħajja tgawduhha bħala relazzjoni (cfr Benedittu  XVI Tislima fil-Casa-Famiglia “Viva gli Anziani”, 12 ta’ Novembru, 2012).  U mhux biss: meta intom, nanniet u neputijiet, anzjani u żgħażagħ tkunu flimkien, meta żżuru u tikkomunikaw spiss, meta tieħdu ħsieb xulxin, imħabbitkom issir fewġa ta’ arja nadifa li tiffriska lid-dinja u lis-soċjetà u ssaħħaħna lkoll kemm aħna, lil hinn mir-rabtiet tal-parentela.

Hu messaġġ li tahulna wkoll Ġesù minn fuq is-salib, meta “ra lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb maġenbha, lil ommu qalilha: Mara dan hu ibnek!  Imbagħad qal lid-dixxiplu: Din hi ommok!  U minn dak il-ħin, id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19,26-27).  B’dak il-kliem hu afdalna f’idejna miraklu biex inwettquh: dak li nħobbu lil xulxin bħala familja waħda.

Għeżież ħbieb, grazzi tal-preżenza tagħkom u grazzi għal kull ma tagħmlu fil-Fundzzjoni “Età Grande”!  Flimkien, bl-għaqda ta’ bejnietkom intom eżempju u don għal kulħadd.  Niftakar fikom f’talbi, inberikkom, u nirrikmandalkom: tinsewx titolbu għalija.  Grazzi, grazzi ħafna!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber