Il-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 30 ta’ Ottubru, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, fil-Liturġija l-Vanġelu jirrakkuntalna l-laqgħa bejn Ġesù u Żakkew, kap tal-pubblikani, fil-belt ta’ Ġeriko (Lq 19, 1-10).  Il-qofol tar-rakkont hu l-verb “fittex”.  Noqgħodu attenti: “fittex”.  Żakkew “kellu x-xewqa li jara min kien Ġesù” (v. 3), u kif Ġesu ltaqa’ miegħu, jafferma: “Bin il-Bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf” (v. 10).  Nieqfu għal ftit fuq il-żewġ ħarsiet li kienu qed ifittxu lil xulxin: il-ħarsa ta’ Żakkew li qed ifittex lil Ġesù u l-ħarsa ta’ Ġesù li qed tfittex lil Żakkew.

Il-ħarsa ta’ Żakkew.  Dan kien pubblikan, jiġifieri wieħed minn dawk il-Lhud li kienu jiġbru t-taxxi f’isem il-ħakkiema rumani – traditur tal-patrija – u kienu japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni.  Għalhekk Żakkew kien għani, mibgħud minn kulħadd u meqjus bħala midneb.  It-test jgħid li “kien qsajjar” (v. 3) u b’dan forsi jrid jirreferi wkoll għall-miżerja interjuri tiegħu, għall-ħajja medjokri tiegħu, diżonesta, b’ħarstu dejjem ‘l isfel.  Iżda l-importanti hu li kien qasir.  Madankollu, Żakkew irid jara lil Ġesù.  Xi ħaġa qed timbuttah biex jarah.  “”Mar jiġri ‘l quddiem – jgħidilna l-Evanġelju – u biex ikun jista’ jarah, ixxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi”. (v. 4).  Żakkew, il-bniedem li kien jiddomina kollox, jaqa’ għar-redikolu, jgħaddi mit-triq tar-redikolu biex jara lil Ġesù.  Naħsbu ftit x’jista’ jiġri jekk, per eżempju, ministru tal-ekonomija jixxabbat ma’ siġra biex jara xi ħaġ’oħra: jirriskja li jaqa’ għaċ-ċajt.  U Żakkew irriskja li jaqa' għaċ-ċajt biex jara lil Ġesù, irredikola ruħu.  Fil-miżerja tiegħu Żakkew iħoss il-bżonn li jfittex ħarsa oħra. Dik ta’ Kristu.  Għadu ma jafux, imma qed jistenna li xi ħadd jeħilsu mill-kundizzjoni li jinsab fiha – moralment baxxa -, li jgħinu joħroġ mit-tajn li jinsab fih.  Dan hu fundamentali: Żakkew jgħallimna li fil-ħajja, qatt mhu kollox mitluf.  Jekk jogħġobkom, qatt mhu kollox mitluf, qatt!  Dejjem nistgħu nagħmlu l-wisa għax-xewqa li nibdew mill-ġdid, li nerġgħu nitilqu, li nikkonvertu.  U dan hu dak li jagħmel Żakkew.

F’das-sens, it-tieni aspett hu deċisiv: il-ħarsa ta’ Ġesù.  Hu intbagħat mill-Missier biex ifittex lil min hu mitluf; u meta jasal Ġeriko, jgħaddi propju qrib is-siġra fejn kien Żakkew.  L-Evanġelju jirrakkonta li “Ġesù refa’ ħarstu u qallu: “Żakkew, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (v. 5).  Immaġni sabiħa ħafna, għax li Ġesù kellu jerfa’ ħarstu, ifisser li qed iħares lejn Żakkew minn isfel għal fuq.  Din hi l-istorja tas-salvazzjoni: Alla ma ħarisx lejna biex jumiljana u jiġġudikana, le; għall-kuntrarju iċċekken sa ma ħaslilna riġlejna, iħares lejna minn taħt għal fuq u jtina lura d-dinjità.  B’hekk il-ħarsiet ta’ Ġesù u Żakkew, li jiltaqgħu ma’ xulxin, donnhom jiġbru fijom l-istorja tas-salvazzjoni kollha: l-umanità bil-miżerji tagħha tfittex ir-redenzjoni, imma qabel kollox, Alla fil-ħniena tiegħu ifittex lill-ħlejqa biex isalavaha.

Ħuti, nitfakruh dan: il-ħarsa t’Alla qatt ma tibqa’ timraħ fuq l-imgħoddi tagħna mimli żbalji, imma b’fiduċja bla tarf tħares lejn dak li għad nistgħu nkunu.  U jekk xi drabi nħossuna bnedmin ta’ statura żgħira, m’għandniex ħila nilqgħu l-isfidi tal-ħajja u wisq anqas dawk tal-Evanġelju, ankrati mal-problemi u mad-dnubiet, Ġesù dejjem iħares lejna bl-imħabba; jiġi jiltaqa’ magħna bħalma għamel ma’ Żakkew, isejħilna b’isimna u , jekk nilqgħuh, jiġi jgħammar f’darna.  Allura nistgħu insaqsu lilna nfusna: kif inħarsu lejna nfusna?  Inħossuna bla ħila, jew, nirrassenjaw ruħna, jew inkella, propju f’dak il-ħin meta nħossuna dgħajfa, infittxu l-ħarsa ta’ Ġesù?  Imbagħad: kif inhi l-ħarsa tagħna lejn dawk li żbaljaw u qed isibuha bi tqila jerġgħu jqumu mit-trab u mill-iżbalji tagħhom?  Hi ħarsa minn fuq għal sifel li tiġġudika, tiddisprezza, li teskludi?  Niftakru li hu leċitu li nħarsu lejn persuna minn fuq għal isfel, imma biss biex ngħinuha tqum: għal xejn aktar.  F’dan il-każ biss, hu leċitu li nħarsu lejn xi ħadd minn fuq għal isfel.  Għax aħna l-insara għandu jkollna l-ħarsa ta’ Kristu, li jħaddan minn isfel, li jfittex lill-mitluf, bil-ħniena.  Din hi, u għandha tkun il-ħarsa tal-Knisja, dejjem, il-ħarsa ta’ Kristu, mhux il-ħarsa ta’ min irid jikkundanna.

Nitolbu lil Marija, li l-Mulej ħares lejn l-umiltà tagħha, u nitolbuha d-don ta’ ħarsa ġdida fuqna u fuq l-oħrajn.

 

Wara l-Angelus

Ħuti!

Waqt li qed niċċelebraw ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-ħażen u fuq il-mewt, nitolbu għall-vittmi tal-attentat terroristiku li f’Mogadiscio, li ħalla mitt persuna mejtin, fosthom bosta tfal.  Jalla, Alla jikkonverti l-qlub vjolenti!

U nitolbu wkoll lill-Mulej irxoxt għal tant – l-aktar żgħażagħ – li mietu dal-lejl f’Seul, minħabba l-konsegwenzi traġiċi ta’ rassa mhux mistennija fil-folla.

Il-bieraħ, f’Medellín, fil-Kolombja, kienet beatifikata Maria Berenice Duque Hencker, fundatriċi tal-Piccole Suore tal-Annunzjazzjoni.  Il-ħajja twila tagħha ntemmet fl-1993, u qattgħetha kollha sservi lil Alla u lill-aħwa, speċjalment liż-żgħar u lill-imwarrbin.  Iż-żelu appostoliku tagħha, li mbuttaha biex twassal il-messaġġ ta’ Ġesù lil hinn mill-konfini ta’ pajjiżha, għandu jsaħħaħ f’kulħadd ix-xewqa li jipparteċipa, bit-talb u l-karità fit-tixrid tal-Evanġelju fid-dinja.  Applaws lill-Beata l-ġdida, kulħadd!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet, fidili singoli.  Insellem b’mod partikolari lill fidili minn Cordoba, Spanja u l-kor “Orfeón Donostiarra” minn San Sebastián li qed jiċċelebraw għeluq il-125 ta’ attivitajiet; lill-adoloxxenti tal-Moviment Hakuna; lill-grupp minn San Paolo fil-Brażil; lill-kjeriċi, lir-reliġjużi rġiel u nisa mill-Indoneżja li jgħixu f’Ruma.  Insellem lill-parteċipnti tal-konvenju mniedi mill-firxa dinjija “Universitate” u mill-LUMSA; kif ukoll it-tfal tal-Ewwel Tqarbina minn Napli u lill-gruppi ta’ fidili minn Magreta, Nocera Inferiore u Nardò.  U lill-adoloxxenti tal-Immacolata.

Jekk jogħġobkom, ma ninsewx fit-talb tagħna u fin-niket ta’ qlubna, il-martirju li għaddejja minnu l-Ukrajna.  Nitolbu għall-paċi, qatt m’għandna nehdew nitolbu!

Nawgura lil-kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivedereci għal pitgħada festa tal-Qaddisin kollha!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber