Messaġġ bil-video tal-Papa Franġisku fl-okkażjoni tal-Kungress Internazzjonali “Mujer Exceptional”, jew Mara Eċċezzjonali, iddedikat lill-5o Anniversarju minn meta Santa Teresa ta’ Avila ġiet ipproklamata bħala Duttur tal-Knisja.

[St Teresa of Ávila Catholic University, 12-15 April 2021]

 

Nilqa’ lill-parteċipanti fil-kungress universitarju li qiegħed jikkommemora l-50 anniversarju minn meta Santa Tereża ta’ Ġesù ġiet ipproklamata bħala Duttur tal-Knisja.

L-espressjoni “mara eċċezzjonali”, li hu t-titlu tal-laqgħa tagħkom, kienet użata minn San Pawlu VI.[1] Qegħdin quddiem persuna li kienet differenti u eċċezzjonali f’kull dimensjoni. Madanakollu, m’għandniex ninsew li r-rilevanza li hi rikonoxxuta f’dawn id-dimensjonijiet mhix aktar mill-konsegwenzi ta’ dak li kien importanti għaliha: il-laqgħa tagħha mal-Mulej, “id-determinazzjoni determinata” tagħha, bħalma qalet hi, biex tippersevera fl-għaqda miegħu permezz tat-talb,[2] l-intenzjoni soda tagħha biex twettaq il-missjoni li kienet afdata lilha mill-Mulej, li lilu offriet lilha nnifisha bis-sempliċità, waqt li tgħid, bil-lingwa sempliċi, u li wieħed jista’ jsejħilha ‘raffa’: “Jiena tiegħek, u twelidt għalik, /Xi trid mingħandi?”[3] 

Tereża ta’ Avila hija eċċezzjonali, l-ewwel u qabel kollox, għaliex hija qaddisa. Id-doċilità tagħha lill-Ispirtu għaqqditha ma’ Kristu u hi baqgħet “kollha mqabbda bl-imħabba ta’ Alla”.[4] 

Hi esprimiet l-esperjenza tagħha bi kliem sabiħ, meta qalet: “Jiena diġà tajt lili nnifsi kompletament,/ u tbiddilt b’mod,/ Li l-Maħbub tiegħi hu għalija,/ u jiena jien għall-Maħbub tiegħi.”[5] Ġesù għallem li “mill-abbundanza tal-qalb, jitkellem il-fomm” (Luqa 6:45). Il-kuraġġ, il-kreattività u l-eċċellenza ta’ Santa Tereża bħala riformatriċi huma l-frott tal-preżenza tal-Mulej fiha.

Aħna ngħidu li m’aħniex nesperjenzaw “żmien ta’ bidliet, imma bidla taż-żmien”.[6] U f’dan is-sens, iż-żminijiet tagħna jixbhu ħafna lil dawk tas-16-il seklu, li fih għexet il-Qaddisa. Bħal dak iż-żmien, illum ukoll l-Insara huma msejħa biex jassiguraw li, permezz tagħna, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tista’ tkompli ġġedded il-wiċċ tal-art (ara Salm 104:30), biċ-ċertezza li wara kollox, huma l-qaddisin li jħallu lid-dinja timxi ‘l quddiem u tersaq aktar lejn l-għan aħħari tagħha.

Hu tajjeb li niftakru li s-sejħa universali għall-qdusija li l-Konċilju Vatikan it-Tieni tkellem dwarha (ara Lumen Gentium, 39-42), “li l-fidili ta' kull stat u ta' kull grad ta' ħajja huma msejħin għall-milja tal-ħajja Nisranija u għall-perfezzjoni tal-karità; din il-qdusija, ukoll f'din is-soċjetà fuq l-art, tagħti ħajja aktar umana. Biex jilħqu din il-perfezzjoni l-fidili għandhom jużaw il-forzi kollha li għandhom, kull wieħed skont il-qies li rċieva minn Kristu; ... huma jfittxu li jagħmlu r-rieda tal-Missier f'kollox u jagħtu ruħhom bil-qalb għall-glorja ta' Alla u l-qadi tal-proxxmu. B'hekk il-qdusija tal-poplu ta' Alla tikber u tagħti frott kotran bħalma l-istorja tal-Knisja turi b'mod l-iżjed ċar fil-ħajja ta' tant qaddisin.” Dan hu li jgħid numru 40 tal-Lumen Gentium. Il-qdusija mhix biss għal dawk “li jispeċjalizzaw fid-divin”, imma aktar minn hekk hija l-vokazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu. Huwa permezz tal-Magħmudija li aħna nirċievu l-għaqda ma’ Kristu, li mistiċi, bħal Santa Tereża jesperjenzaw permezz ta’ mod speċjali bi grazzja pura. Il-qaddisin jistimulawna u jimmotivawna, imma m’humiex hemmhekk biex, litteralment, insiru kopji tagħhom. Il-qdusija ma tistax tkun ikkupjata, “għax dak jista’ jwassalna biex nitbiegħdu mit-triq waħdanija li l-Mulej għandu fil-ħsieb għalina. L-iktar ħaġa importanti hi li kull min jemmen jiddixxerni t-triq tiegħu jew tagħha”,[7] kull wieħed u waħda minna għandna l-vjaġġ tagħna ta’ qdusija, tal-laqgħa tagħna mal-Mulej.

Fil-fatt, Santa Tereża nnifisha ammoniet lis-sorijiet tagħha li t-talb mhux li tesperjenza ħwejjeġ straordinarji, imma li ngħaqqdu lilna nfusna ma’ Kristu. U l-ħidmiet kollha ta’ karità huma sinjal li din l-għaqda hi reali. “Din hi r-raġuni għat-talb, uliedi, l-għan taż-żwieġ spiritwali: dejjem it-twelid ta’ ħidmiet ġodda”[8], qalet f’Il-Kastell Interjuri. U qabel dak, fl-istess ktieb, hi wissiet: “Meta nara persuni anzjużi ħafna li jkunu jafu x’mod ta’ talb jipprattikaw, meta jgħattu wiċċhom u jibżgħu jiċċaqalqu jew jaħsbu li ma jmurx jitilfu l-inqas ħlewwa jew devozzjoni li jħossu, jien naf kemm jifhmu ftit kif għandhom jiksbu l-għaqda tagħhom ma’ Alla peress li huma jaħsbu li din tikkonsisti fi ħwejjeġ żgħar bħal dawn. Le, ħuti, le; il-Mulej jistenna ħidmiet mingħandna. Jekk tara soru marida li inti tista’ sserraħha, tibżax li titlef id-devozzjoni tiegħek; ħenn ... Din hi l-għaqda vera tar-rieda tiegħek mar-rieda ta’ Alla”.[9] F’Il-Kastell Interjuri, hija qalet ukoll: fil-qosor, “il-perfezzjoni ta’ persuna hija mkejla mhux bl-informazzjoni jew it-tagħrif li din ikollha, imma bil-profondità tal-karità tagħha”,[10] jew ħwejjeġ oħra simili.

Santa Tereza tgħallimna li l-mogħdija li għamlitha mara eċċezzjonali u persuna ta’ referenza matul is-sekli, il-mogħdija tat-talb, hi miftuħa għal dawk kollha li b’umiltà jiftħu lilhom infushom għall-ħidma tal-Ispirtu f’ħajjithom, u s-sinjal li aħna qegħdin nimxu f’din il-mogħdija hu li nkunu dejjem aktar umli, aktar attenti għall-bżonnijiet ta’ ħutna, jew aħjar, ulied tal-Poplu qaddis ta’ Alla. Din il-mogħdija mhix miftuħa għal dawk li jqisu lilhom infushom bħala safjin u perfetti, il-Katarsi ta’ matul is-sekli kollha, imma għal dawk li, konxji mid-dnubiet tagħhom, jiskopru s-sbuħija tal-ħniena ta’ Alla li jilqa’ u jsalva lil kulħadd, u jistieden lil kulħadd għall-ħbiberija.

Hu interessanti li l-fatt li l-bniedem ikun konxju tal-kundizzjoni tiegħu nnifsu bħala midneb jiftaħ il-bieb għall-mogħdija tal-qdusija. Santa Tereża, li kienet tqis lilha nnifisha bħala “dgħajfa u fqajra” ħafna – hekk kienet tiddeskrivi lilha nnifisha – għarfet li t-tjubija ta’ Alla “hi akbar mill-ħażen kollu li nistgħu nagħmlu”, u hu “ma jiftakarx l-ingratitudni tagħna” ... Waqt li tiftakar fil-kliem tiegħu, tgħid “ara x’għmel għalija li għajjejt noffendih qabel ma hu “waqaf jaħfirli”. Aħna l-ewwel li ngħajjew noffendu lil Alla, li nimxu fi triqat mwiegħra, aktar milli Alla jaħfer lilna. Hu qatt ma jgħejja jaħfrilna. Huwa aħna li ngħejjew nitolbuh jaħfrilna, u hemmhekk hu l-periklu. Il-Mulej  “qatt ma jgħejja jagħti u l-ħniena tiegħu qatt ma tispiċċa. Ejjew ma ngħejjewx nirċievu”, [11] waqt li  niftħu l-qlub tagħna bl-umiltà. Wieħed mill-passaġġi favoriti tagħha mill-Iskrittura kien l-ewwel vers ta’ Salm 89, li f’ċertu sens, għamlitu l-motto ta’ ħajjitha: “It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni”. Dik hi t-“tjieba” ta’ Alla. Meta bdiet mit-talb, hi skopriet l-ideal tal-fraternità li hi riedet tagħmlu realtà fil-kunventi li hija waqqfet: “kulħadd għandu jkun ħabib ta’ kulħadd, inħobbu lil xulxin, ngħożżu lil xulxin u ngħinu lil xulxin”.[12] U meta nara l-‘glied’ f’kunvent, ġo kunvent, jew ‘ġlied’ bejn kunvent u ieħor, ‘Jiena minn hawn’, ‘Jiena minn hemm’, ‘Jien ninterpreta b’dan il-mod’, ‘Jiena naċċetta dan mill-Knisja, u jiena ma naċċettax dan’ .... l-imsieken sorijiet ikunu nsew il-Fundatriċi tagħhom, xi tkun għallmithom. Fit-talb kienet tħossha trattata bħala għarusa u ħabiba ta’ Kristu Rxoxt. Permezz tat-talb hija kienet tinfetaħ għat-tama. U jien nixtieq nispiċċa dawn ix-xewqat b’dan il-ħsieb. Bħal Tereża, Duttur tal-Knisja, aħna qegħdin nesperjenzaw żmien diffiċli, wieħed li mhu faċli xejn, li għandu bżonn lill-ħbieb fidili ta’ Alla, ħbieb qawwija.[13] It-tentazzjoni l-kbira hija li nċedu għad-diżappunt, nirrassenjaw ruħna, l-anzjetà u l-biża bla bażi li kollox se jmur ħażin. Dak il-pessimiżmu infertili, dan il-pessimiżmu ta’ persuni li m’humiex kapaċi jagħtu ħajjtihom. Xi wħud, imbeżżgħa minn dawn il-ħsibijiet, huma inklinati li jagħlqu lilhom infushom u jsibu l-kenn tagħhom f’affarijiet żgħar. Niftakar l-eżempju ta’ kunvent, li fih is-sorijiet kollha fittxew il-kenn tagħhom f’affarijiet żgħar. Il-kunvent kien imsejjaħ San/Santa ... M’iniex se ngħid min, u kien ġo belt, imma kienu jsejħulu “il-Kunvent tal-ħmerijiet, ħmerijiet, ħmerijiet”, għaliex is-sorijiet kollha kienu magħluqin f’affarijeit bla sens, trivjali, bħala kenn, fi proġetti egoisti li ma jibnux il-komunità, imma aktar li jkissruha. Minflok, it-talb jiftaħna, iħallina napprezzaw li Alla hu kbir, li hu ‘l hemm mill-orizzont, li Alla hu tajjeb, li hu jħobbna u li l-istorja mhix qed taħribilna minn idejna. Jista’ jkun li nkunu mexjin “fil-wied tad-dell tal-mewt” (Salm 23:4); tibżax jekk il-Mulej hu miegħek. Hu qatt ma jieqaf jimxi ħdejna u jmexxina għall-għan li aħna lkoll għatxana għalih: il-ħajja eterna. Jista’ jkollna l-kuraġġ li nagħmlu ħewjjeġ kbar, għaliex aħna favoriti minn Alla.[14] U miegħu, aħna kapaċi li naffaċċjaw kull sfida, għaliex fir-realtà l-kumpanija tiegħu biss hija dak li l-qalb tagħna tixtieq u dak li jagħtina l-milja u l-ferħ li minnu konna maħluqin. Il-Qaddisa ġabret fil-qosor dan f’talba li hi magħrufa ħafna li nistedinkom li titolbu biha ta’ spiss:

Tħalli xejn xi jħawdek,

Tħalli xejn xi jbeżżgħek,

Kollox jgħaddi

Alla biss ma jitbiddilx;

Is-sabar jakkwista kollox,

Min għandu lil Alla ma jonqsu xejn.

Alla waħdu biżżejjed!

 

Ġesù jberikkom, u l-Verġni Marija San Ġuċepp jakkompanjawkom. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

[1] L-Omelija fil-Proklamazzjoni ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù bħala Duttura tal-Knisja, 27 ta’ Settembru 1970.

[2] Santa Tereża ta’ ĠesùIt-Triq tal-Perfezzjoni.

[3] Santa Tereża ta’ Ġesù, Jiena tiegħek u twelidt għalik”Il-Poeżiji kollha ta’ Santa Tereża ta’ Avila.

[4] Ara Il-Ktieb ta’ ħajti.

[5] Santa Tereża ta’ Ġesù, Jiena tiegħek u twelidt għalik”Il-Poeżiji kollha ta’ Santa Tereża ta’ Avila.

[6] Ara L-Indirizz tal-Kurja Rumana fl-okkażjoni tax-xewqat tal-Milied, 21 ta’ Diċembru 2019.

[7] Ara Ifirħu u thennew, 11.

[8] Il-Kastell Interjuri, VII, 4.6.

[9] Il-Kastell Interjuri, V, 3,11.

[10] Ifirħu u thennew, 37.

[11] Santa Tereża ta’ ĠesùIl-Ktieb ta’ ħajti, Kap 19, n. 15.

[12] Santa Tereża ta’ ĠesùIt-Triq tal-Perfezzjoni, Chap. 4 n. 7.

[13] Ara Santa Tereża ta’ Ġesù, Il-Ktieb ta’ ħjti, Kap 15, n. 5.

[14] Ara Il-Ktieb ta’ ħajti, Kap 10.3: “Mingħajr Alla xejn ma jista’ jsir – lanqas, fl-opinjoni tiegħi, ma jista’ jinxtara bix-xogħol kollu tad-dinja, minħabba l-qligħ kbir li jġibilna. U xi qligħ ikbar jista’ jkollna aktar mix-xhieda  li nkunu għoġobna lil Alla?”

 

Maqlub għall-Malti minn Kathleen Bonello