VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MONGOLJA

[31 ta’ Awwissu – 4 ta’ Settembru 2023]

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

Titjira Papali

It-Tnejn 4 ta’ Settembru 2023

Matteo Bruni:

L-għodwa t-tajba, l-għodwa t-tajba lil kulħadd. Grazzi, Santità, ta’ dawn il-jiem intensi ta’ laqgħa ma’ dak il-poplu ċkejken għani kulturalment f’art kbira, kif int sejjaħtilha; u anki ma’ komunità Nisranija ħajja, li tagħti xhieda tal-fidi tagħha b’mod frisk. Il-ġurnalisti setgħu jinteressaw ruħhom u jaraw dan il-post u għad għandhom xi mistoqsijiet li jixtiequ jagħmlulek.

 

Il-Papa Franġisku:

L-għodwa t-tajba lilkom kollha u grazzi tal-kumpanija. Grazzi tax-xogħol li għamiltu. Urejtu anki lill-midja l-kultura ta’ dan il-poplu, l-istorja. Grazzi ħafna.

 

Matteo Bruni:

Santità, l-ewwel mistoqsija hi ta’ ġurnalista li ġej mill-Mongolja, is-Sur Dambadarjaa.

 

Jargalsaikhan Dambadarjaa (The Defacto Gazete):

Grazzi ħafna li żort il-Mongolja, Santità. Il-mistoqsija tiegħi hi: x’kien l-għan prinċipali taż-żjara tiegħek, u tħossok sodisfatt li lħaqt dak l-għan?

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, l-idea li nżur il-Mongolja ġiet jiena u naħseb fil-komunità żgħira Kattolika. Jien nagħmel dawn il-vjaġġi biex inżur il-komunitajiet Kattoliċi u anki biex nidħol fi djalogu mal-istorja u l-kultura tal-popli, ma’ dik li hija l-mistika [l-ispirtu] proprja ta’ poplu. Importanti li l-evanġelizzazzjoni ma narawhiex bħala proselitiżmu, għax il-proselitiżmu dejjem jillimita. Il-Papa Benedittu kien qal li l-fidi ma tikbirx bil-proselitiżmu imma bl-attrazzjoni. It-tħabbira tal-Vanġelu tidħol fi djalogu mal-kultura. Hemm evanġelizzazzjoni tal-kultura u anki inkulturazzjoni tal-Vanġelu. Għax l-Insara jesprimu l-valuri tagħhom anki mal-kultura tal-poplu tagħhom. U dan hu kollu bil-maqlub ta’ dik li tissejjaħ kolonizzazzjoni reliġjuża. Għalija l-vjaġġ kien biex insir naf lil dan il-poplu, nidħol fi djalogu ma’ dan il-poplu, nilqa’ l-kultura ta’ dan il-poplu u nsieħeb lill-Knisja fil-mixja tagħha qalb dan il-poplu, b’ħafna rispett għall-kultura tal-poplu. U nħossni sodisfatt bir-riżultati.

 

Matteo Bruni:

It-tieni mistoqsija, Santità, hi mis-Sur Markhaakhuu, mit-televiżjoni Mongola.

 

Ulambadrakh Markhaakhuu (ULS Suld Tv):

Il-kunflitti taċ-ċivilizzazzjoni tagħna, kif ħafna jgħidu llum, il-kunflitti għandhom jissolvew biss bid-djalogu, kif għidt inti. Tista’ Ulaanbaatar tkun pjattaforma għad-djalogu internazzjonali bejn l-Ewropa u l-Asja?

 

Il-Papa Franġisku:

Naħseb li iva. Intom għandkom ħaġa interessanti ħafna, li tiffavorixxi anki dan id-djalogu. Ippermettuli nsejħilha l-“mistika tat-tielet ġar”, li tmexxina ’l quddiem f’politika “tat-tielet ġar”. Int aħseb ftit kif Ulaanbaatar hija l-kapitali ta’ pajjiż imbiegħed ħafna mill-baħar, u nistgħu ngħidu li l-art tagħkom tinsab bejn żewġ potenzi kbar, ir-Russja u ċ-Ċina. U għalhekk il-mistika tagħkom hi li tfittxu djalogu anki mat-“tielet ġar”: mhux b’disprezz lejn dawn it-tnejn, għax għandkom relazzjonijiet tajbin mat-tnejn li huma, imma minħabba l-ħerqa li għandkom għall-universalità, li turu l-valuri tagħkom lid-dinja kollha, u anki li tilqgħu mingħand l-oħrajn il-valuri tagħhom, għax dan iwassalkom biex tiddjalogaw. Interessanti li fl-istorja, li wieħed imur ifittex artijiet oħra ħafna drabi kien jiġu mħawwad mal-kolonjaliżmu, u ma’ li wieħed jidħol biex jaħkem. Imma intom, bil-mistika tat-tielet ġar, għandkom din il-filosofija li tmorru tfittxu biex tiddjalogaw. Lili għoġbitni ħafna din l-espressjoni tat-“tielet ġar”. Dan hu għana tagħkom.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità. It-tielet mistoqsija ġejja mingħand Cristina Cabrejas ta’ Efe.

 

Cristina Cabrejas (EFE):

Buenos dias, Papa Francisco. Din hija l-mistoqsija tal-grupp ta’ lingwa Spanjola. Papa Franġisku, ilbieraħ int bgħatt messaġġ lill-poplu Ċiniż, u lill-Kattoliċi tlabthom li jkunu ċittadini tajbin, wara li l-awtoritajiet tal-pajjiż taw permess lill-Isqfijiet jiġu l-Mongolja. La ġejna f’dan, kif inhuma r-relazzjonijiet maċ-Ċina bħalissa? U hemm xi ħaġa ġdida dwar il-vjaġġ tal-Kardinal Zuppi f’Beijing għall-missjoni fl-Ukrajna? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-missjoni tal-Kardinal Zuppi hija missjoni ta’ paċi li jiena assenjajtlu. U hu kellu l-ħsieb li jżur Moska, Kiev, l-Istati Uniti u anki Beijing. Il-Kardinal Zuppi huwa bniedem ta’ universalità u ta’ djalogu kbir: huwa għandu fl-istorja tiegħu x-xogħol li għamel fil-Mozambique għall-paċi u dak kollu, u għalhekk jiena bgħatt lilu. Ir-relazzjonijiet maċ-Ċina huma rispettużi ħafna, rispettużi ħafna. Personalment, għandi ammirazzjoni kbira għall-poplu Ċiniż, huma miftuħin ħafna, ħa ngħidu hekk… Għan-nomina tal-isqfijiet hemm kummissjoni li qed taħdem mal-Gvern Ċiniż u mal-Vatikan, ilha żmien: hemm djalogu. U mbagħad hemm xi saċerdoti Kattoliċi jew intellettwali Kattoliċi li huma mistiedna fl-universitajiet Ċiniżi biex jgħallmu. Hemm diskors miftuħ, f’dak is-sens. Nemmen li għad irridu nimxu iktar ’il quddiem fl-aspett reliġjuż, biex nifhmu iżjed lil xulxin. Iċ-ċittadini Ċiniżi ma għandhomx jaħsbu li l-Knisja ma taċċettax il-kultura tagħhom u l-valuri tagħhom, u li l-Knisja tiddipendi minn xi potenza oħra barranija. U din it-triq ta’ ħbiberija qed tagħmilha tajjeb il-kummissjoni ppreseduta mill-Kardinal Parolin: qed jagħmlu xogħol tajjeb, anki min-naħa Ċiniża, xogħol tajjeb; ir-relazzjonijiet huma hekk, f’kelma waħda mexjin. Għandi rispett kbir lejn il-poplu Ċiniż.

 

Imbagħad, xi staqsejt iżjed?…

 

Matteo Bruni:

Dwar Zuppi, jekk hemmx xi aħbar ġdida dwar il-missjoni tal-Kardinal Zuppi.

 

Il-Papa Franġisku:

Dak li għidt fil-bidu. Nibqgħu nħarsu ’l quddiem.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità. Ir-raba’ mistoqsija ġejja minn Gerry O’Connell tal-America Magazine.

 

Gerard O’Connell (America Magazine):

Santità, ladarba r-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Vjetnam huma pjuttost pożittivi, għamlu pass notevoli dan l-aħħar, ħafna Kattoliċi Vjetnamiti qed jitolbu li inti tmur iżżurhom, kif għamilt fil-Mongolja. Il-mistoqsija tiegħi hi: hemm il-possibbiltà issa li int iżżur il-Vjetnam, hemm stedina tal-Gvern għal dan? U xi vjaġġi oħra għandek ipprogrammati? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-Vjetnam hu waħda mill-esperjenzi sbieħ ħafna ta’ djalogu li għamlet il-Knisja fl-aħħar żminijiet. Ngħid li…, ma nafx, hi bħal simpatija fid-djalogu. Iż-żewġ naħat kellhom ir-rieda tajba li jifhmu lil xulxin u li jfittxu toroq biex jimxu ’l quddiem. Kien hemm problemi, imma fil-Vjetnam nara li llum jew għada l-problemi għad jingħelbu. Ġie l-President tal-Vjetnam xi żmien ilu u tkellimna liberament. Ninsab pożittiv ħafna fuq kif qed nara mexjin ir-relazzjonijiet mal-Vjetnam. F’dan ilu snin għaddej xogħol tajjeb. Niftakar – naħseb kien xi erba’ snin ilu –, ġie grupp ta’ membri parlamentari Vjetnamiti jżuru lill-Papa: kellna djalogu sabiħ magħhom, rispettużi ħafna. Meta kultura tinfetaħ, hemm possibbiltà ta’ djalogu; jekk ikun hemm l-għeluq jew is-suspetti, id-djalogu jsir diffiċli ħafna. Mal-Vjetnam ngħid li d-djalogu hu miftuħ, bit-tlajja’ u l-inżul tiegħu, imma hu miftuħ u ftit ftit miexi ’l quddiem. Xi problema kien hemm, imma ssolviet ukoll.

 

Imbagħad il-vjaġġi fil-Vjetnam: jekk ma mmurx jien, żgur li jmur Ġwanni XXIV… Ibqa’ ċert li jsir, għax hija art li jixirqilha li timxi ’l quddiem, li għandha s-simpatija tiegħi. Vjaġġi oħra: Marsilja…; u mbagħad hemm wieħed f’pajjiż ċkejken tal-Ewropa li qed naraw nistgħux nagħmluh… Imma, ngħidlek is-sew, għalija issa li nagħmel vjaġġ ma għadux daqshekk faċli kif kien fil-bidu, hemm il-limitazzjonijiet fil-mixi u dan jikkundizzjonani. Imma naraw.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija l-oħra ġejja minn Fausto Gasparroni tal-Ansa, mill-grupp Taljan.

 

Fausto Gasparroni (ANSA):

Santità, jien se nagħmillek il-mistoqsija f’isem il-grupp Taljan. Dan l-aħħar iddiskutew xi affermazzjonijiet tiegħek liż-żgħażagħ Kattoliċi Russi dwar l-omm kbira r-Russja, il-wirt ta’ persunaġġi bħal Pietru l-Kbir u Katarina II. Huma affermazzjonijiet li, ħa ngħidu hekk, dejqu ħafna ngħidu aħna lill-Ukreni, kellhom konsegwenzi anki fil-qasam diplomatiku u kien hemm min ħares lejhom xi ftit jew wisq bħala eżaltazzjoni tal-imperjaliżmu Russu u bħala xi xorta ta’ appoġġ ukoll lill-politika ta’ Putin. Xtaqt nistaqsik, int għaliex ħassejt il-ħtieġa li tagħmel dawn l-affermazzjonijiet, jekk ivvalutajtx l-opportunità li tagħmilhom, u kieku tirrepetihomx; u anki, għaċ-ċarezza, tistax tgħidilna x’taħseb dwar l-imperjaliżmi u b’mod partikulari dwar dak Russu?

 

Il-Papa Franġisku:

Ejja nqisu ftit fejn saret din il-ħaġa: djalogu maż-żgħażagħ Russi. Fl-aħħar tad-djalogu għamiltilhom messaġġ, messaġġ li ntenni dejjem: li għandhom jgħożżu l-wirt tagħhom. Din l-ewwel ħaġa: ilqgħu l-wirt tagħkom. L-istess ħaġa li ngħid kullimkien. U b’din il-viżjoni nfittex ukoll li ndaħħal fi djalogu n-nanniet u n-neputijiet: in-neputijiet għandhom jilqgħu l-wirt. Dan ngħidu kullimkien, u dan kien il-messaġġ. It-tieni pass, biex nespliċita l-wirt x’inhu: tkellimt dwar il-kbira Russja, għax il-wirt Russu hu tajjeb ħafna, hu sabiħ ħafna. Int aħseb ftit fil-qasam tal-letteratura, fil-qasam tal-mużika, u asal sa Dostoevskij li llum ikellimna dwar umaniżmu matur; kien hemm dan l-umaniżmu, li żviluppa, fl-arti u fil-letteratura. Dan hu t-tieni livell, meta tkellimt fuq il-wirt. It-tielet, forsi ma kienx feliċi, imma meta tkellimt fuq il-kbira Russja fis-sens mhux tant ġeografiku, imma kulturali, ġieni f’moħħi dak li għallmuna l-iskola: Pietru I, Katerina II, u ġie dan it-tielet aspett, li forsi mhuwiex korrett, ma nafx, aħjar jgħidulna l-istoriċi, imma kienet żieda li ġietni f’moħħi għax kont studjajtha l-iskola. Imma dak li għidt liż-żgħażagħ Russi hu li jieħdu fuqhom il-wirt tagħhom, li jilqgħu l-wirt tagħhom, li jfisser li ma “jmorrux jixtruh” band’oħra, fhimt? Jilqgħu l-wirt tagħhom. U liema wirt? Dak tal-kbira Russja: il-kultura Russa hi ta’ ġmiel, ta’ profondità kbira ħafna, u ma tistax titħassar minħabba problemi politiċi. Kellhom snin mudlama – politiċi – fir-Russja, imma l-wirt dejjem hekk baqa’, hemm qiegħed.

 

Imbagħad, int qed titkellem fuq l-imperjaliżmu. Fir-realtà, jien ma kontx qed naħseb fl-imperjaliżmu meta għidt hekk, tkellimt fuq il-kultura, u t-trasmissjoni tal-kultura qatt ma hi “imperjali”, qatt; hu dejjem djalogu, u jien fuq dan tkellimt. Huwa minnu li hemm imperjaliżmi li jridu jimponu l-ideoloġija tagħhom. Ħa nieqaf hawn fuq hekk: meta l-kultura tiġi “distillata” u mibdula f’ideoloġija, dan hu l-velenu. Tintuża l-kultura, imma ddistillata f’ideoloġija. Hawn irridu nagħrfu niddistingwu: meta qed nitkellmu fuq il-kultura ta’ poplu u meta qed nitkellmu fuq ideoloġiji li joħroġ bihom xi filosfu, xi politiku ta’ dak il-poplu. U dan ngħidu għal kulħadd, anki għall-Knisja: fil-Knisja xi drabi ssib min ipoġġi xi ideoloġija, li tbiegħed lill-Knisja mill-ħajja li ġejja mill-għeruq u titla ’l fuq; jifirdu lill-Knisja mill-influss tal-Ispirtu s-Santu. Ideoloġija mhix kapaċi titlaħħam, hija biss idea. Imma meta l-ideoloġija tissaħħaħ u ssir politika, is-soltu ssir dittatura, ma tibqax kapaċi tiddjaloga u timxi id f’id mal-kulturi. Irridu niddistingwu anki fil-Knisja bejn duttrina u ideoloġija: il-vera duttrina qatt ma hi ideoloġika, qatt; għandha għeruqha fil-poplu qaddis u fidil ta’ Alla; imma l-ideoloġija hi maqtugħa mir-realtà, maqtugħa mill-poplu… Ma nafx weġibtekx.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija l-oħra hi ta’ Robert Messner, mid-Dpa.

 

Robert Messner (DPA):

L-għodwa t-tajba. Jien għandi mistoqsija dwar l-aġġornament tiegħek dwar l-Enċiklika tiegħek Laudato si’. Ridt nistaqsi jekk l-involviment tiegħek b’riżq il-ħarsien tal-ambjent u dan l-aġġornament nistgħux nifhmuhom forsi bħala turija ta’ solidarjetà mal-gruppi ta’ attivisti għall-ħarsien tal-ambjent bħalma huma “L-Aħħar Ġenerazzjoni”, dawn li jagħmlu protesti spettakolari. Nistgħu nifhmuha bħala turija ta’ solidarjetà, u forsi hemm ukoll messaġġ f’dan l-aġġornament għall-attivisti żgħażagħ, li joħorġu fit-toroq? Grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku:

Xi ftit b’mod ġenerali, mhux ħa nieqaf fuq dawn l-estremisti. Imma ż-żgħażagħ huma mħassbin, għax dan hu l-futur tagħhom! Xjenzat bravu, Taljan, meta għamilna laqgħa fl-Akkademja [tax-Xjenzi], għamel intervent sabiħ u spiċċah hekk: “Jien ma nixtieqx li n-neputija ċkejkna tiegħi, li twieldet ilbieraħ, fi żmien 30 sena tgħix f’dinja daqshekk kerha”. Iż-żgħażagħ jaħsbu fil-futur. U f’dan is-sens nieħu pjaċir meta jissieltu b’mod tajjeb. Imma ejja ngħidu, meta tindiehes ideoloġija jew pressjoni politika jew jużawhom għal dan il-għan, mhux sew. L-Eżortazzjoni appostolika tiegħi, li se toħroġ nhar San Franġisk, 4 ta’ Ottubru, hija reviżjoni ta’ dak li seħħ fil-COP ta’ Pariġi, li forsi l-iktar li ħalla frott, sal-lum. Hemm xi aħbarijiet fuq xi COPs u ħwejjeġ oħra li għadhom ma ssolvewx u hemm l-urġenza li jissolvew. Mhix daqshekk kbira daqs il-Laudato si’, imma trid taġġorna lil-Laudato si’ għall-ħwejjeġ ġodda. Hi wkoll analiżi tas-sitwazzjoni.

 

Matteo Bruni:

Grazzi. Imbagħad għandna mistoqsija tal-grupp lingwistiku Franċiż, tal-ġurnalisti, Etienne Loraillère.

 

Etienne Loraillère (KTO Tv):

Il-ġurnata t-tajba, Santità. Int tixtieq Knisja sinodali, fil-Mongolja u fid-dinja. L-Assemblea ta’ Ottubru diġà hija l-frott tal-ħidma tal-poplu ta’ Alla. Kif wieħed jista’ jinvolvi l-imgħammdin tad-dinja kollha f’din it-tappa? Kif tista’ tiġi evitata polarizzazzjoni ideoloġika? U l-parteċipanti se jkunu jistgħu jitkellmu u jaqsmu pubblikament dak li jkunu qed jgħixu, biex nimxu flimkien magħhom? Jew il-proċess kollu se jkun bil-magħluq? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Inti tkellimt fuq kif nevitaw il-pressjonijiet ideoloġiċi: l-istess ħaġa. Fis-Sinodu ma hemmx post għall-ideoloġija, hija dinamika oħra. Is-Sinodu huwa d-djalogu, fost l-imgħammdin, fost il-membri tal-Knisja, fuq il-ħajja tal-Knisja, fuq id-djalogu mad-dinja, fuq il-problemi li llum imissu lill-umanità. Imma meta naħsbu b’mod ideoloġiku, jispiċċa s-Sinodu! Fis-Sinodu ma hemmx post għall-ideoloġija: hemm post għad-djalogu, il-konfront bejn l-aħwa u l-konfront mad-duttrina tal-Knisja. U nimxu ’l quddiem. U rrid nisħaq li din tas-Sinodu mhix xi invenzjoni tiegħi: kien San Pawlu VI, meta ntemm il-Konċilju Vatikan II, li ntebaħ li fil-Punent, il-Knisja tal-Punent, biex ngħidu hekk, kienet tilfet id-dimensjoni sinodali. Il-Knisja tal-Lvant għandha. Għalhekk hu ħoloq is-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li f’dawn is-60 sena kompla bir-riflessjoni b’mod sinodali, bi progressi kontinwi, miexi ’l quddiem. Meta kien hemm il-50 anniversarju minn din id-deċiżjoni ta’ San Pawlu VI, ippubblikajt, iffirmajt dokument fuq x’inhu s-Sinodu, fuq xi twettaq. U issa mexa ’l quddiem, immatura iżjed, u għalhekk ħsibt li kien jixraq ħafna li nagħmlu Sinodu fuq is-sinodalità fil-Knisja – li mhijiex xi moda, hi ħaġa qadima, il-Knisja Orjentali minn dejjem kellha –: kif ngħixu s-sinodalità u ngħixuha bħala Nsara, kif għidt qabel, mingħajr ma naqgħu fl-ideoloġiji. Ma nafx jekk weġibtx jew kienx hemm xi ħaġa oħra…

 

Etienne Loraillère

Il-proċess tal-assemblea se jkun sigriet jew le?

 

Il-Papa Franġisku:

Hemm ħaġa li rridu nieħdu ħsieb: il-klima sinodali. Dan mhux xi programm televiżiv fejn nitkellmu fuq kollox. Le. Hemm mument reliġjuż, hemm mument ta’ skambju reliġjuż bejnietna. Ftakar li fl-interventi sinodali jitkellmu minn tliet sa erba’ minuti kull wieħed, u mbagħad ikun hemm bejn tliet u erba’ minuti ta’ silenzju għat-talb. Imbagħad tlieta oħra, u t-talb. Mingħajr dan l-ispirtu ta’ talb ma hemmx sinodalità, tkun politika, ikun parlamentariżmu. Is-Sinodu ma hux parlament. Fuq is-segretezza: hemm dipartiment ippresedut minn Dr Ruffini, li jinsab hawn, li se jagħti l-komunikati tal-istampa dwar l-andament tas-Sinodu. F’Sinodu rridu nħarsu r-reliġjożità u nħarsu l-libertà tal-persuni li jitkellmu. Għalhekk hemm kummissjoni, ippreseduta minn Dr Ruffini, li tagħti t-tagħrif dwar l-andament tas-Sinodu.

 

Matteo Bruni:

Il-mistoqsija l-oħra hi minn Antonio Pelayo, li tafu tajjeb, ta’ Vida Nueva.

 

Antonio Pelayo (Vida Nueva):

Santità, int issa għadek kemm tkellimt fuq is-Sinodu u lkoll naqblu miegħek fuq il-fatt li dan is-Sinodu qed iqanqal ħafna kurżità u ħafna interess. Imma b’xorti ħażina qed iqanqal ukoll ħafna kritika, li ġejja minn ambjenti Kattoliċi: nirreferi għal ktieb bil-prologu tal-Karidnal Burke, li jgħid li s-Sinodu hu l-kaxxa ta’ Pandora mnejn se joħorġu l-kalamitajiet kollha għall-Knisja. X’taħseb fuq din il-pożizzjoni? U taħseb li hi pożizzjoni ssuperata tar-realtà jew se tikkundizzjona s-Sinodu?

 

Il-Papa Franġisku:

Ma nafx hu diġà għidtha drabi oħra. Xi xhur ilu ċempilt monasteru Karmelitan: “Kif inhuma l-monaċi, Madre Superjura?”, staqsejt lill-Prijura li weġbitni. U fl-aħħar qaltli – monasteru mhux Taljan –: “Santità, qed nibżgħu mis-Sinodu” – “Imma x’ġara? Tixtiequ tibagħtu soru fis-Sinodu?”, għidtilha biċ-ċajt jien. Qaltli: “Le, qed nibżgħu li se jibdlilna d-duttrina”. Dan hu x’qaltli hi: hemm din l-idea. Imma jekk tmur fl-għeruq ta’ dawn l-ideat, se ssib ideoloġiji. Dejjem, meta fil-Knisja jkun hemm min irid jattakka mixja ta’ komunjoni, dik li tattakka dejjem hi ideoloġija. U jakkużaw lill-Knisja b’dan jew b’dik il-ħaġa, imma qatt ma jakkużawha b’dak li hu veru: li hi midinba. Qatt ma jgħidu: “Hi midinba”. Jiddefendu “duttrina”, biex ngħidu hekk, li hi duttrina bħall-ilma distillat, hi bla togħma, u mhijiex il-vera duttrina Kattolika, li għandna fil-Kredu. Għax ħafna drabi l-vera duttrina Kattolika tiskandalizza, kif tiskandalizza l-idea li Alla sar laħam, li Alla sar bniedem, li l-Madonna żammet il-verġinità tagħha… Dan jiskandalizza. Id-duttrina Kattolika xi kultant tiskandalizza. L-ideoloġiji huma kollha distillati, qatt ma jiskandalizzaw.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità. Forsi nerġgħu nibdlu, hawn. Nitlob lil Cincy Wooden tersaq għall-mistoqsija l-oħra.

 

Cindy Wooden (CNS):

L-għodwa t-tajba, Santità. Nixtieq insegwi xi ftit il-mistoqsija tal-kollega Franċiż dwar is-Sinodu u l-informazzjoni. Ħafna fidili lajċi taw tant mill-ħin, it-talb, l-involviment tagħhom fid-diskors, fis-smigħ. Iridu jafu x’hemm għaddej waqt is-Sinodu, l-Assemblea. U int tkellimt fuq l-esperjenza tiegħek tas-Sinodu fuq ir-reliġjużi, li tulu xi wħud fis-Sinodu kienu qalu biex “ma jdaħħlux din”, “idaħħlu din”, “ma tistax tgħid hekk…”. Aħna l-ġurnalisti, jekk ma jkollniex aċċess tal-inqas għall-Assemblea u għas-Sessjonijiet ġenerali, kif nistgħu nkunu żguri li dak li qed jingħatalna bħala “pappa” huwa veru? Ma hemmx possibbiltà li jkun xi ftit iżjed miftuħ għall-ġurnalisti?

 

Il-Papa Franġisku:

Le, hu miftuħ beraħ, għażiża, hu miftuħ beraħ! Hemm kummissjoni ppreseduta minn Ruffini li ta’ kuljum se tagħti aħbarijiet: iżjed miftuħ minn hekk ma nafx, iktar miftuħ ma nafx… U dak li hemm tajjeb hu li din il-kummissjoni se tirrispetta ħafna l-interventi ta’ kull wieħed, u tfittex li ma jkunx hemm tpaċpiċ vojt, imma tgħid sewwasew l-affarijiet fuq l-andament sinodali li huma kostruttivi għall-Knisja. Jekk xi ħadd irid li l-aħbarijiet ikunu: “dan ħadha ma’ dak minħabba f’hekk jew hekk…”, dan ikun tlablib politiku. Le, il-kummissjoni għandha xogħol li xejn ma hu faċli, jiġifieri li tgħid: “Illum ir-riflessjoni sejra f’din id-direzzjoni, sejra hekk”, u tittrasmetti l-ispirtu ekkleżjali, mhux l-ispirtu politiku. Parlament hu differenti minn Sinodu. Tinsiex li l-protagonista tas-Sinodu huwa l-Ispirtu s-Santu. U kif nittrasmettu dan, jiġifieri rridu nittrasmettu l-andament ekkleżjali. Imma grazzi, grazzi tal-kuraġġ li sibt biex tgħid dan.

 

Matteo Bruni:

Grazzi. Mistoqsija oħra mingħand Enzo Romeo, tat-Tg2. Imbagħad forsi nistgħu nagħlqu.

 

Vincenzo Romeo (RAI TG 2):

L-għodwa t-tajba, Santità. Int il-Papa tal-periferiji, speċjalment fl-Italja, u bħalissa ħafna qed ibatu. Kellna episodji li jħassbuk ħafna, ta’ vjolenza, ta’ miżerja. Ngħidu aħna, qrib Napli fejn kappillan, Don Patriciello, saħansitra stiednek biex tmur; imbagħad f’Palermo… Hekkhu: x’tista’ tagħmel? Int kont iżżur il-villas miserias fi Buenos Aires, allura għandek esperjenza ta’ dan. Imbagħad il-President tal-Kunsill tagħna żaret waħda minn dawn il-periferiji, u hemm ħafna diskussjoni għaddejja. X’jista’ jsir, fil-fehma tiegħek, x’jistgħu jagħmlu kemm il-Knisja, kemm l-istituzzjonijiet, l-Istat, biex jegħlbu dan il-faqar u biex il-periferiji jkunu tassew parti minn pajjiż?

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, int b’dan qed titkellem fuq il-periferiji, fuq il-‘baraccopoli’… Irridu nimxu ’l quddiem, immorru hemm u naħdmu hemm, bħalma fi Buenos Aires konna nagħmlu bis-saċerdoti li kienu jaħdmu f’dawk l-inħawi: grupp ta’ saċerdoti b’isqof awżiljarju fuqhom u jaħdmu hemm. Irridu nkunu miftuħa għal dan, il-gvernijiet iridu jkunu miftuħa, il-gvernijiet kollha tad-dinja. Imma hemm periferiji li huma traġiċi. Ħa nerġa’ lura fuq periferija skandaluża li ħafna qed jippruvaw jgħattu: dik tar-Rohingya: ir-Rohingya qed ibatu, mhumiex Insara, huma Musulmani, imma qed ibatu għax ġew mibdula f’periferija, ġew imkeċċija. Irridu naraw id-diversi tipi ta’ periferija; u anki nitgħallmu li fil-periferiji r-realtà umana hi iżjed evidenti u inqas sofistikata, mumenti koroh, ma rridx nidealizza, imma wieħed jifhem aħjar. Wieħed filosfu darba qal ħaġa li laqtitni ħafna: “Ir-realtà tifhimha l-aħjar mill-periferiji”. Hemm tifhimha tajjeb ir-realtà. Irridu nidħlu fi djalogu mal-periferiji u l-gvernijiet għandhom jagħmlu l-ġustizzja soċjali vera, il-vera ġustizzja soċjali, mad-diversi periferiji soċjali u anki mal-periferiji ideoloġiċi. Immorru niddjalogaw, hemm, għax ħafna drabi tkun xi periferija ideoloġika dik li tipprovoka l-periferiji soċjali. Id-dinja tal-periferiji mhijiex faċli. Grazzi.

 

Matteo Bruni:

Forsi nistgħu nagħlqu hawn, anki għax hemm is-servizz abbord u se jibda jkollna xi turbolenzi. Il-ħidma t-tajba lil kulħadd.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard