VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MONGOLJA

[31 ta’ Awwissu – 4 ta’ Settembru 2023]

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA 

“Steppe Arena” (Ulaanbaatar)

Il-Ħadd 3 ta’ Settembru 2023

 

Tlabna bil-kelmiet tas-Salm: “O Alla, […] ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma” (Salm 63:2). Din l-invokazzjoni tal-għaġeb issieħeb il-vjaġġ tal-ħajja tagħna, qalb id-deżerti li aħna msejħin naqsmu. U proprju f’din l-art niexfa tilħaqna aħbar tajba: fil-mixja tagħna m’aħniex waħidna; in-nixfiet tagħna ma għandhomx is-setgħa li lil ħajjitna jagħmluha sterili għal dejjem; il-karba tagħna bil-għatx ma tibqax mhux mismugħa. Alla bagħat lil Ibnu biex jagħtina l-ilma ħaj tal-Ispirtu s-Santu li jaqta’ l-għatx tar-ruħ tagħna (ara Ġw 4:10). U Ġesù – dan għadna kemm smajnieh fil-Vanġelu – jurina t-triq biex naqtgħu l-għatx: hija t-triq tal-imħabba, li hu mexa kollha sal-aħħar, sas-salib, u li fiha jsejħilna nimxu billi “nitilfu ħajjitna biex insibuha” mill-ġdid (ara Mt 16:24-25).

 

Ejjew nieqfu flimkien fuq dawn iż-żewġ aspetti: l-għatx li hemm fina u l-imħabba li taqtgħalna l-għatx.

 

Qabelxejn, aħna msejħin nagħrfu l-għatx li hemm fina. Is-Salmista jokrob quddiem Alla minħabba n-nixfa kbira tiegħu għax ħajtu tixbah lil deżert. Kliemu għandu riżonanza partikulari f’art bħall-Mongolja: territorju immens, għani fl-istorja, art mimlija kultura, imma anki mmarkata min-nixfa tal-isteppa u tad-deżert. Ħafna minnkom imdorrijin bil-ġmiel u għat-taħbit tal-mixi, azzjoni li tfakkarna f’aspett essenzjali tal-ispiritwalità biblika, irrappreżentata mill-figura ta’ Abraham u, b’mod iżjed ġenerali, sewwasew tal-poplu ta’ Iżrael u ta’ kull dixxiplu tal-Mulej: ilkoll, ilkoll kemm aħna fil-fatt, aħna “nomadi ta’ Alla”, pellegrini li qed infittxu l-ferħ, vjaġġaturi għatxana għall-imħabba. Id-deżert evokat mis-Salmista allura jirriferi għall-ħajja tagħna: aħna dik l-art niexfa li għandha l-għatx ta’ ilma safi, ta’ ilma li jaqta’ l-għatx profond; hija l-qalb tagħna li tixtieq tiskopri s-sigriet tal-ferħ veru, dak li mqar qalb in-nixfiet eżistenzjali jista’ jseħibna u jweżinna. Iva, fina nġorru għatx għall-ferħ li ħadd ma jista’ jitfi; aħna nfittxu tifsira u direzzjoni f’ħajjitna, motivazzjoni għall-attivitajiet li nagħmlu ta’ kuljum; u fuq kollox aħna għatxana għall-imħabba, għax hija biss l-imħabba li tista’ tissodisfana tassew, li ġġagħalna nħossuna sew – l-imħabba ġġagħalna nħossuna sew –, li tiftaħna għall-fiduċja billi ddewwaqna l-ġmiel tal-ħajja. Għeżież ħuti, il-fidi Nisranija twieġeb għal dan l-għatx; tieħdu bis-serjetà; ma tneħħihx, ma tipprovax ittaffih bix-xejn jew b’xi ħaġa oħra: le! Għax f’dan l-għatx hemm il-misteru kbir tagħna: hi tiftaħna għal Alla l-ħaj, għal Alla Mħabba li jiġi jiltaqa’ magħna biex jagħmilna wliedu u aħwa bejnietna.

 

U hawn niġu għat-tieni aspett: l-imħabba li taqtgħalna l-għatx. L-ewwel kien l-għatx tagħna, eżistenzjali, profond, u issa naħsbu fl-imħabba li taqtgħalna l-għatx. Dan hu l-kontenut tal-fidi Nisranija: Alla, li hu mħabba, f’Ibnu Ġesù ġie qrib tiegħek, tiegħi, tagħna lkoll, jixtieq jaqsam fil-ħajja tiegħek, fit-taħbit tiegħek, fil-ħolm tiegħek, fl-għatx tiegħek għall-ferħ. Huwa minnu, xi drabi nħossuna bħal art ta’ deżert, niexfa u bla ilma, imma huwa daqstant ieħor minnu li Alla jieħu ħsieb tagħna u joffrilna l-ilma safi u li jaqta’ l-għatx, l-ilma ħaj tal-Ispirtu li jgelgel fina u jġeddidna billi jeħlisna mill-periklu tan-nixfa. Dan l-ilma jagħtihulna Ġesù. Kif jafferma Santu Wistin, “jekk nagħrfu lilna nfusna f’dak li hu bil-għatx, nagħrfu lilna nfusna wkoll f’dak li jaqta’ dan l-għatx” (Dwar is-Salm 62:3). Fil-fatt, jekk ħafna drabi fil-ħajja tagħna nduqu d-deżert, is-solitudni, it-taħbit, l-isterilità, imma ma rridux ninsew dan: “Biex f’dan id-deżert ma mmutux bil-għatx”, iżid Wistin, “Alla jbexxex fuqna n-nida tal-Kelma tiegħu […]. Iva, idewwaqna l-għatx, imma mbagħad jiġi biex jaqtgħu. […] Alla ġietu ħniena minna u fetaħ għalina triq fid-deżert: Sidna Ġesù Kristu”, u din hija t-triq fid-deżert tal-ħajja. “U tana faraġ fid-deżert: il-predikaturi tal-Kelma tiegħu. Offrielna ilma fid-deżert, u mela bl-Ispirtu s-Santu lill-predikaturi tiegħu biex tissawwar fihom għajn ta’ ilma li tasal sal-ħajja ta’ dejjem” (ibid., 3,8). Dawn il-kelmiet, għeżież tiegħi, ifakkru fl-istorja tagħkom: fid-deżerti tal-ħajja u fit-taħbit ta’ komunità ċkejkna, il-Mulej qatt ma jħallikom nieqsa mill-ilma tal-Kelma tiegħu, speċjalment permezz tal-predikaturi u l-missjunarji li, magħquda mal-Ispirtu s-Santu, jiżirgħu l-ġmiel tagħha. U l-Kelma dejjem, dejjem teħodna lura għall-essenzjal, għall-essenzjal tal-fidi: inħallu lil Alla jħobbna biex jagħmel minn ħajjitna offerta ta’ mħabba. Għax l-imħabba biss taqtgħalna tassew l-għatx. Ma ninsewhx dan: l-imħabba biss taqta’ l-għatx tassew.

 

Dan hu dak li Ġesù, fil-Vanġelu tal-lum, jgħid b’ton qawwi lill-Appostlu Pietru. Dan ma jaċċettax il-fatt li Ġesù jkollu jbati, jiġi mixli mill-kapijiet tal-poplu, jgħaddi mill-passjoni tiegħu u mbagħad imut fuq is-salib. Pietru jirreaġixxi, Pietru jipprotesta, jixtieq jikkonvinċi lil Ġesù li qed jiżbalja, għax skont hu – u hekk spiss naħsbu aħna wkoll – il-Messija ma jistax jispiċċa megħlub, assolutament ma jistax imut mislub, qisu xi bniedem ħażin abbandunat minn Alla. Imma l-Mulej iċanfru lil Pietru, għax dan il-mod ta’ kif jaħseb hu “skont id-dinja”, jgħid il-Mulej, u mhux skont kif jaħsibha Alla (ara Mt 16:21-23). Jekk naħsbu li dak li jista’ jaqta’ n-nixfa tal-ħajja tagħna hu s-suċċess, il-poter, il-ħwejjeġ materjali, din hi mentalità mondana, li ma twassal għal imkien, anzi, tħallina iżjed niexfa minn qabel. Imma Ġesù jurina t-triq: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha” (Mt 16:24-25).

 

Ħuti, l-aħjar triq minnhom kollha hi din: inħaddnu s-salib ta’ Kristu. Fil-qalba tal-Kristjaneżmu hemm din l-aħbar tal-għaġeb, aħbar straordinarja: meta titlef ħajtek, meta toffriha b’ġenerożità fil-qadi, meta tirriskjaha billi tħabrek fl-imħabba, meta tagħmel minnha don mogħti b’xejn lill-oħrajn, allura hi terġa’ lura għandek bil-kotra, issawwab fik ferħ li ma jgħaddix, paċi tal-qalb, qawwa interjuri li twieżnek. U għandna bżonn tal-paċi interjuri.

 

Din hija l-verità li Ġesù jistedinna niskopru, li Ġesù jrid jiżvela lilkom kollha, lil din l-art tal-Mongolja: ma hemmx bżonn inkunu kbar, għonja jew setgħana biex inkunu ferħanin: le! L-imħabba waħidha tista’ taqta’ l-għatx ta’ qalbna, l-imħabba waħidha tfejjaq il-ġrieħi tagħna, l-imħabba waħidha tagħtina l-ferħ veru. U din hija t-triq li Ġesù għallimna u fetaħ għalina.

 

Allura aħna wkoll, ħuti, nisimgħu l-kelma li l-Mulej jgħid lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi” (Mt 16:23), jiġifieri: kun dixxiplu tiegħi, terraq l-istess triq li qed nimxi jien u tibqax taħsibha skont id-dinja. U hekk, bil-grazzja ta’ Kristu u tal-Ispirtu s-Santu, nistgħu nimxu flimkien fit-triq tal-imħabba. Anki meta li nħobbu jfisser niċħdu lilna nfusna, neħduha kontra l-egoiżmi personali u mondani, nieħdu r-riskju li ngħixu l-fraternità. Għax jekk huwa minnu li dan kollu jiswa t-taħbit u s-sagrifiċċju u xi drabi jfisser li jkollna nitilgħu fuq is-salib, huwa iktar u iktar minnu li meta nitilfu ħajjitna għall-Vanġelu, il-Mulej jagħtihielna bil-kotra, mimlija mħabba u ferħ, għall-eternità.

_____________________________________________________________

 

Radd il-ħajr fi tmiem il-Quddiesa

 

Dawn iż-żewġ ħuti isqfijiet, l-Isqof emeritu ta’ Hong Kong u l-Isqof attwali ta’ Hong Kong: jiena nixtieq napprofitta mill-preżenza tagħhom biex nibgħat tislija minn qalbi lill-poplu nobbli Ċiniż. Lill-poplu kollu nawguralu l-aħjar, u li jibqa’ miexi ’l quddiem, dejjem! U lill-Kattoliċi Ċiniżi nitlobhom li jkunu Nsara tajbin u ċittadini tajbin. Lil kulħadd. Grazzi.

 

Grazzi, Eminenza, tal-kelmiet tiegħek, u grazzi tad-don tiegħek! Int għidt li f’dawn il-jiem missejtu b’idejkom kemm hu għażiż għalija l-Poplu ta’ Alla fil-Mongolja. Huwa minnu, tlaqt għal dan il-pellegrinaġġ b’ħafna tama, bix-xewqa li niltaqa’ magħkom u li nsir nafkom, u issa rrodd ħajr lil Alla għalikom għax, permezz tagħkom, hu jħobb iwettaq ħwejjeġ kbar fiċ-ċokon. Grazzi, għax intom Insara tajbin u ċittadini onesti. Ibqgħu mexjin, bi ħlewwa u bla biża’, ħossu l-qrubija u l-inkuraġġiment tal-Knisja kollha, u fuq kollox il-ħarsa twajba tal-Mulej, li ma jinsa lil ħadd u jħares bi mħabba lejn kull wieħed u waħda minn uliedu.

 

Insellem lil ħuti l-Isqfijiet, is-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati, u l-ħbieb kollha li ġew hawn minn diversi pajjiżi, b’mod partikulari mid-diversi reġjuni tal-kontinent immens Asjatiku, li jiena onorat li ninsab fih u li nħaddan bi mħabba kbira. Nesprimi gratitudni partikulari lejn dawk li jgħinu lill-Knisja lokali, iweżnuha spiritwalment u materjalment.

 

F’dawn il-jiem sinifikattivi, delegazzjonijiet tal-Gvern kienu preżenti għal kull avveniment: nirringrazzja lis-Sur President u lill-Awtoritajiet tal-akkoljenza u l-kordjalità, kif ukoll għat-tħejjijiet kollha li saru. Stajt immiss b’idejja l-kordjalità tradizzjonali: grazzi!

 

Imbagħad insellem ukoll minn qalbi lil ħuti ta’ Konfessjonijiet Insara u reliġjonijiet oħra: inkomplu nikbru flimkien fil-fraternità, bħala żerriegħa ta’ paċi f’dinja li b’xorti ħażina hi tturmentata minn wisq gwerer u kunflitti.

 

U l-“grazzi” minn qalbi jmur għal dawk kollha li hawn ħadmu, ħafna u minn ħafna żmien ilu, biex jagħmlu sabiħ, biex jagħmlu possibbli dan il-vjaġġ, u lil dawk li ħejjew għalih bit-talb.

 

Eminenza, int fakkartna li l-kelma “grazzi” fil-lingwa Mongola ġejja mill-verb “tithenna”. Il-grazzi tiegħi jaqbel ma’ din l-intuwizzjoni mill-isbaħ tal-lingwa lokali, għax hu mimli ferħ. Hu grazzi kbir lilek, poplu tal-Mongolja, għad-don tal-ħbiberija li rċivejt f’dawn il-jiem, għall-ħila ġenwina tiegħek li tapprezza mqar l-aspetti l-iżjed sempliċi tal-ħajja, li tħares bl-għerf ir-relazzjonijiet u t-tradizzjonijiet, li trawwam il-ħajja ta’ kuljum b’għożża u attenzjoni.

 

Il-Quddiesa hi għemil ta’ ħajr, “Ewkaristija”. Jiena u niċċelebraha f’din l-art ftakart fit-talba tal-patri Ġiżwita Pierre Teilhard de Chardin, li hu għamel lil Alla eżattament 100 sena ilu, fid-deżert ta’ Ordos, mhux wisq bogħod minn hawn. Tgħid hekk: “Ninxteħet, Mulej, quddiem il-Preżenza tiegħek fl-Univers li sar bħal nar iħeġġeġ u, fil-bixra ta’ dak kollu li miegħu niltaqa’, u ta’ dak kollu li ngħaddi minnu, u ta’ dak kollu li nwettaq f’dan il-jum, jiena nixtieqek, jiena nistenniek”. Patri Teilhard kien impenjat fit-tiftix ġeoloġiku. Xtaq ħafna jiċċelebra l-quddiesa, imma ma kellux fuqu la ħobż u lanqas inbid. U allura hu niseġ il-“Quddiesa fuq id-dinja”, u hekk esprima l-offerta tiegħu: “Ilqa’, o Mulej, din l-Ostja sħiħa li l-Ħolqien, imqanqal u miġbud lejk, jippreżentalek fiż-żerniq ta’ jum ġdid”. U talba tixxiebah kienet diġà tnisslet fih meta kien fuq il-front waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, fejn kien iġorr l-istreċers. Dan is-saċerdot, spiss mhux mifhum, kellu din l-intuwizzjoni li “l-Ewkaristija hija dejjem iċċelebrata, f’ċertu sens, fuq l-altar tad-dinja” u hija “l-qalba ħajja tal-univers, il-qalba mfawra bl-imħabba u l-ħajja bla tmiem” (Enċiklika Laudato si’, 236), anki fi żmien bħal tagħna mimli tensjonijiet u gwerer. Nitolbu mela llum bil-kelmiet ta’ Patri Teilhard: “Verb li jiddi, Qawwa mkebbsa, Int li tagħġen kollox biex issawbu bil-Ħajja tiegħek, baxxi lejna, nitolbok, id-Dirgħajn setgħana tiegħek, id-Dirgħajn kollha għożża tiegħek, id-Dirgħajn tiegħek li jinsabu kullimkien”.

 

Ħuti tal-Mongolja, grazzi tax-xhieda tagħkom, bayarlalaa! [grazzi!]. Il-Mulej iberikkom. Intom fil-qalb tiegħi u fil-qalb tiegħi se tibqgħu. Ftakru fija, nitlobkom, fit-talb tagħkom u fil-ħsibijiet tagħkom. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard