VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU FIL-MONGOLJA
[31 Awwissu - 4 Settembru 2023]

LAQGĦA MAL-OPERATURI TAL-KARITÀ
U L-FTUĦ TAD-“DAR TAL-ĦNIENA”

 DISKORS TAL-PAPA

Ulaanbaatar
It-Tnejn, l-4 ta’ Settembru 2023

Għeżież ħuti  l-għodwa t-tajba!

Nirringrazzjakom minn qalbi tal-merħba tagħkom, tal-kant u l-ħidma tagħkom, tal-kliem ta’ merħba u tax-xhieda tagħkom! Nemmen li nistgħu niġbru dan kollu bil-kliem ta’ Ġesù: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni.” (Mt 25, 35).  Permezz ta’ dan il-Mulej joffrilna kriterju biex nagħrfuh, biex narawh preżenti fid-dinja. U din hija l-kundizzjoni biex nidħlu fil-ferħ għal dejjem fis-saltna tiegħu fil-mument tal-ġudizzju tal-aħħar.

Sa mill-bidu tagħha l-Knisja ħadet din il-verità bis-serjetà u wriet bil-fatti li d-dimensjoni tal-karità hija l-pedament tal-identità tagħha. Kienet id-dimensjoni tal-karità li ffurmat l-identità tal-Knisja. Jiġuni f’moħħi r-rakkonti tal-Atti tal-Appostli, bl-inizjattivi bla għadd meħudin mill-ewwel komunità nisranija biex il-kliem ta’ Ġesù jitqiegħed fil-prattika, u hekk tagħti l-ħajja lil Knisja mibnija fuq erba’ pilastri: il-komunjoni, il-liturġija, il-qadi u x-xhieda. Ħaġa sabiħa meta tara li wara ħafna sekli huwa l-istess spirtu li janima l-Knisja fil-Mongolja li fiċ-ċokon tagħha tgħix il-komunjoni tal-aħwa, it-talb, il-qadi diżinteressat lil dawk li qegħdin ibatu u ta’ xhieda tal-fidi tagħha. L-istess bħall-erba’ kolonni tal- “ger” (tinda kbira tonda tipika tal-Mongolja) li fuqhom iserraħ iċ-ċirku tan-nofs li hemm in-naħa ta’ fuq, u b’hekk it-tinda kollha żżomm wieqfa u tista’ toffri spazju fuq ġewwa fejn wieħed iħossu milqugħ.

U issa ninsabu hawn flimkien f’din id-dar li bnejtu u li llum għandi pjaċir li nbierek u ninawgura. Din id-dar hija espressjoni konkreta ta’ dik l-imħabba lejn l-oħrajn li minnha tingħaraf il-komunità nisranija, għaliex fejn hemm il-merħba, l-ospitalità u ftuħ għall-oħrajn,  hemm nimtlew “bil-fwieħa ta’ Kristu “ (2 Kor 2,5) Il-qadi b’ġenerożità lill-proxxmu - meta nieħdu ħsieb saħħithom, il-ħtiġiet bażiċi tagħhom, l-edukazzjoni u l-kultura – dejjem iddistingwa lil dan il-Poplu t’Alla sa mill-bidunett. Sa minn meta waslu l-ewwel missjunarji f’Ulaanbaatar fid-disgħinijiet, huma mill-ewwel ħassew is-sejħa għall-karità, u dan wassalhom biex jibdew jieħdu ħsieb tat-tfal abbandunati, ta’ dawk l-aħwa li ma kellhomx saqaf fuq rashom, tal-morda, tal-persuni b’diżabilità, tal-ħabsin u ta’ dawk kollha li fit-tbatija tagħhom fittxew l-għajnuna tagħhom.

Illum naraw kif minn  dawk l-għeruq kiber zokk kbir, nibtu friegħi li taw ħafna frott: inizjattivi bla għadd ta’ karità li huma ta’ min ifaħħarhom, li żviluppaw fi proġetti fit-tul, li saru mid-diversi istituti missjunarji preżenti hawnhekk u li huma apprezzati kemm mill-popolu kif ukoll mill-awtoritajiet ċivili. Mill-banda l-oħra, kien il-gvern Mongoljan stess li talab l-għajnuna tal-missjunarji Kattoliċi biex jindirizza l-bosta emerġenzi soċjali ta’ pajjiż li f’dak iż-żmien kien f’fażi delikata ta’ bidla politika, immarkata minn faqar mifrux. F’dawn il-proġetti għadhom involuti sallum missjunarji minn bosta pajjiżi, li jpoġġu l-għarfien tagħhom, l-esperjenza tagħhom, ir-riżorsi tagħhom u fuq kollox l-imħabba tagħhom għas-servizz tas-soċjetà tal-Mongolja. Lilhom u lil dawk kollha li jappoġġjaw dawn il-ħafna ħidmiet ta’ ġid, nuri l-apprezzament tiegħi u nirringrazzjahom tassew minn qalbi.

Din id-Dar tal-Ħniena hija maħsuba biex tkun il-punt ta’ referenza għal diversi ħidmiet ta’ karità: hija dawk l-idejn mituħa lejn ħutna li qed jissieltu biex jgħumu fil-problemi tal-ħajja. Din hija bħal port għall-kenn, fi kliem ieħor, fejn in-nies tista’ ssib widna li tisma’ u qalb li tifhem. Filwaqt li din mhijiex differenti minn ħafna inizjattivi oħra appoġġjati minn diversi istituzzjonijiet Kattoliċi, din fiha wkoll xi ħaġa speċjali, għax hawnhekk hija l-Knisja lokali li qed tmexxi ʼl quddiem din il-ħidma, billi tikkoordina l-ħidmiet tal-gruppi missjunarji kollha, filwaqt li żżomm b’mod ċar l-identità lokali, bħala espressjoni awtentika tal-Prefettura Appostolika kollha kemm hi. Kemm laqatni l-isem li għażiltu: id-Dar tal-Ħniena. F’dawn iż-żewġ kelmiet insibu d-definizzjoni tal-Knisja, li hija msejħa biex tkun dar fejn kulħadd iħossu milqugħ u fejn dak li jkun jista’ jagħmel esperjenza ta’ imħabba ogħla li tmiss u tqanqal il-qalb: l-imħabba tenera u provvidenti tal-Missier, li jridna nkunu aħwa fid-dar tiegħu. Allura nittama li intom ilkoll tistgħu tagħtu sehemkom għal dan il-proġett u li d-diversi komunitajiet missjunarji jieħdu sehem attiv fih permezz tal-impenn personali kif ukoll permezz ta’ riżorsi.

Biex dan jista’ jseħħ, il-kontribut tal-voluntiera huwa indispensabbli. Servizz mingħajr ħlas u disinteressat li n-nies jagħżlu liberament li joffru lil dawk fil-bżonn, mhux biex jieħdu xi ħlas ta’ dak li jagħmlu jew għal xi benefiċċju personali, iżda b’imħabba pura lejn il-proxxmu. Dan hu l-“istil” ta’ servizz li għallimna Ġesù meta qal lid-dixxipli tiegħu: “B’xejn ħadtu, b’xejn għatu” (Mt 10:8). Li taqdi lill-oħrajn b’dan il-mod tista’ tidher bħallikieku xi kawża mitlufa, imma min ipoġġi lilu nnifsu f’din il-linja, min jissagrifika l-ħin u l-isforz tiegħu jiskopri li dak kollu li jagħti mingħajr ma jistenna xejn lura ma jkun qatt mitluf, anzi jsir teżor kbir. Tabilħaqq, il-ġenerożità tħoll ir-ruħ, tfejjaq il-ġrieħi tal-qalb, tressaqna eqreb lejn Alla, issir għajn ta’ ferħ, u żżommna żgħażagħ minn ġewwa. F’dan il-pajjiż mimli b’tant żgħażagħ, ix-xogħol volontarju jista’ jkun triq deċiżiva biex nikbru kemm personalment kif ukoll bħala soċjetà.

Imbagħad, anke f’soċjetajiet li huma avvanzati fit-teknoloġija u li għandhom livell għoli ta’ għajxien, is-sistemi ta’ għajnuna soċjali waħedhom mhumiex biżżejjed biex jipprovdu s-servizzi kollha li hemm bżonn. Biex tagħmel dan għandek bżonn numru kbir ta’ voluntiera li jkunu lesti li jagħtu l-ħin, il-ħiliet u r-riżorsi tagħhom bl-imħabba lejn l-oħrajn. Il-progress veru ta’ nazzjon ma jitkejjilx mill-ġid ekonomiku, wisq inqas mill-investiment fil-qawwa illużorja tal-armi tal-gwerra, iżda mill-ħila li jkollu dak in-nazzjon li jipprovdi għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-iżvilupp integrali tal-poplu tiegħu. Għal din ir-raġuni, nixtieq inħeġġeġ liċ-ċittadini kollha tal-Mongolja, li huma magħrufa sew għall-ġenerożità u l-kapaċità tagħhom u għal kemm huma lesti jissagrifikaw ruħhom, biex jimpenjaw ruħhom f'xogħol volontarju, iqiegħdu lilhom infushom għas-servizz tal-oħrajn. Hawnhekk, fid-Dar tal-Ħniena, għandek il-post tat-taħriġ li hu dejjem miftuħ, fejn tistgħu tħarrġu x-xewqa tagħkom li tagħmlu l-ġid u fejn tistgħu tħarrġu lil qalbkom.

Fl-aħħarnett, nixtieq niċħad ċerti “ħrejjef.” L-ewwel, il-ħrafa hija li s-sinjuri biss jistgħu jidħlu f’xogħol volontarju. Din hija tabilħaqq “fantasija”, għax ir-realtà tgħidilna bil-maqlub. Mhemmx bżonn li tkun sinjur biex tagħmel il-ġid; anzi, kważi dejjem huma nies li għandhom  mezzi moderati li jagħżlu li jiddedikaw il-ħin, il-ħiliet u l-ġenerożità tagħhom biex jieħdu ħsieb ħaddieħor. Ħrafa oħra hija li l-Knisja Kattolika, li hi magħrufa madwar id-dinja għall-impenn kbir tagħha għall-opri ta’ ħidma soċjali, tagħmel dan kollu għall-proselitiżmu, jiġifieri tieħu ħsieb l-oħrajn biex imbagħad tħajjar lin-nies biex jingħaqdu magħha. Le! Il-Knisja ma timxix ʼil quddiem b’dan il-mod bil-proselitiżmu, imma timxi ʼl quddiem bl-attrazzjoni. L-insara jagħmlu dak kollu li jistgħu biex itaffu t-tbatija ta’ min hu batut, għax fil-persuna tal-fqir jaraw lil Ġesù, l-Iben ta’ Alla, u fih naraw id-dinjità ta’ kull persuna, li hija imsejħa biex tkun iben jew bint Alla. Nixtieq nara din id-Dar tal-Ħniena bħala post fejn nies ta’ twemmin differenti, u anke dawk li ma jemmnux, jistgħu jingħaqdu mal-Kattoliċi lokali sabiex joffru għajnuna ta’ “kompassjoni” lill-ħafna minn ħutna għax aħna familja umana waħda. Tabilħaqq. il-kelma “kompassjoni” tfisser il-ħila li tbati ma’ ħaddieħor, u l-Istat bir-raġun kollu jaf kif għandu jipproteġiha u jmexxieha ʼl quddiem. Biex din il-ħolma ssir realtà, huwa meħtieġ, kemm hawnhekk u anke bnadi oħra, li dawk li huma f’karigi pubbliċi jappoġġjaw inizjattivi umanitarji bħal dawn, iħeġġu li jkun hemm sinerġija tajba b’risq il-ġid komuni. Fl-aħħarnett, it-tielet ħrafa hija li l-flus huma kollox, bħallikieku l-uniku mod biex tieħu ħsieb ħaddieħor huwa li timpjega persuni b’salarju u tinvesti f’faċilitajiet kbar. Ċert li  l-karità titlob professjonaliżmu, iżda ħidmiet ta’ karità m’għandhomx jinbidlu f’negozji. Anzi għandhom iżommu l-freskezza tagħhom bħala ħidmiet ta’ karità fejn dawk li huma fil-bżonn jistgħu jsibu nies lesti jisimgħuhom b’mogħdrija, lil hemm mill-paga li jirċievu.

F’kelma waħda, biex tassew isir il-ġid, huwa imporanti li jkun hemm il-qalb tajba: qalb li tfittex dak li hu l-aħjar għall-oħrajn. Li wieħed jimpenja ruħu għall-iskop biex jirċievi xi ħlas din mhijiex imħabba vera; l-imħabba biss tista’ tegħleb l-egoiżmu u żżomm din id-dinja għaddejja. F’dan ir-rigward nixtieq nagħlaq b’rakkont mill-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta. Wieħed ġurnalista, li raha milwija iddewwi feriti jintnu ta’ wieħed marid,  qalilha, “Dak li qed tagħmel huwa tassew ħaġa sabiħa, imma, jien ma nagħmlux lanqas jekk jagħtuni miljun dollaru”. Madre Tereża wieġbet, “Lanqas jien ma nagħmlu għal miljun dollaru. Nagħmlu għall-imħabba ta’ Alla!” Nitlob biex din il-kwalità ta’ mħabba gratwita tkun il-“valur miżjud” tad-Dar tal-Ħniena. Għall-ġid kollu li għamiltu u li qed tagħmlu, ngħidilkom grazzi mill-qalb – grazzi ħafna u ħafna – u nagħtikom il-barka tiegħi. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, fl-imħabba tagħkom, itolbu għalija. Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes