VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU
FIL-MONGOLJA
[31 ta’ Awwissu - 4 ta’ Settembru, 2023]

LAQGĦA EKUMENIKA U INTER-RELIĠJUŻA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

“Hun Theatre” (Ulaanbaatar)
Il-Ħadd, 3 ta’ Settembru, 2023

 

Il-jum it-tajjeb lilkom ilkoll għeżież ħuti!

Ippermettuli nindirizzakom hekk bħala ħukom fil-fidi flimkien ma’ dawk li jemmnu fi Kristu u bħala ħukom ilkoll, f’isem ir-riċerka reliġjuża komuni u l-appartenenza għall-istess umanità.  Fin-nifs reliġjuz vitali tagħha l-umanità tista’ titqabbel ma’ komunità ta’ pellegrinaġġ miexi fid-dinja b’ħarstu lejn is-sema.  Dwar dan hu ta’ tifsir dak li bniedem li jemmen, li ġie mill-bogħod, kien qal dwar il-Mongolja, meta kiteb li hu u jivvjaġġa “ma ra xejn ħlief sema u art” (Guglielmo di Rubruk, Viaggio in Mongolia, XIII/3, Milan 2014,63).  Infatti hawnhekk, is-sema, hekk ċar, hekk kaħlani, jħaddan fih l-art enormi u imponenti, li jfakkruna fiż-żewġ dimensjonijiet fundamentali tal-ħajja umana: dik tal-art, magħmula minn relazzjonijiet mal-oħrajn, u dik ċelesti, it-tifittxija traxxendenti tal-ieħor.  Insomma, il-Mongolja tfakkarna fil-bżonn li aħna lkoll, pellegrini, indawru ħarsitna lejn l-ieħor biex insibu r-rotta tal-mixja tagħna fl-art.

Għalhekk, jien ferħan li qiegħed magħkom f’dan il-waqt importanti ta’ laqgħa.  Irrodd ħajr minn qiegħ qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom tal-preżenza tagħkom u ta’ kull intervent li stagħna r-riflessjoni komuni.  Il-fatt li ninsabu flimkien fl-istess post diġà hu messaġġ: it-tradizzjonijiet reliġjużi, fl-oriġinalità u r-reliġjożità tagħhom, huma potenzjal ta’ fejda għas-servizz tas-soċjetà.  Jekk kull min hu responsabbli tan-nazzjonijiet jagħżel it-triq tal-laqgħa u tad-djalogu mal-oħrajn, żgur ikun qed jagħti kontribut determinanti biex jintemmu l-kunflitti li għadhom qed iġibu tbatija lil tant popli.

L-okkażjoni biex niltaqgħu flimkien, insiru nafu lil xulxin u nistgħanu reċiprokament tahielna l-maħbub poplu mongolu, li jista’ jiftaħar bi storja ta’ konvivenza bejn esponenti ta’ tradizzjonijiet reliġjużi varji.  Sabiħ infakkru l-esperjenza eċċellenti tal-kapitali imperjali l-antika Kharakhorum, li fiha hemm imkejjen tal-kult ta’ diversi “twemmin”, xhieda ta’ armonija ta’ min ifaħħarha.

Armonija: irrid nisħaq fuq dil-kelma b’togħma tipikament ażjatika.  Hija dik ir-relazzjoni partikolari li tinħoloq bejn realtajiet differenti bla ma tagħti vantaġġ lill-ebda waħda u bla ma ġġibhom kollha l-istess, imma b’rispett lejn id-differenzi u benfiċċju għall-għixien komuni.  Insaqsi: min, aktar minn dawk li jemmnu, għandu sejħa biex jaħdem għall-armonija bejn kulħadd?

Ħuti il-valur soċjali tar-reliġjożità tagħna jitkejjel minn kemm aħna jirnexxielna narmonizzaw ruħna ma’ pellegrini oħra fuq l-art u kemm jirnexxielna ndaħħlu l-armonija kull fejn ngħixu.  Infatti, kull ħajja umana, u għal raġuni akbar kull reliġjon, għandha titkejjel fuq kemm hi altruwista: mhux altruwiżmu astratt, imma konkret li jissarraf fit-tfittxija tal-ieħor u fil-kollabrazzjoni ġeneruża mal-ieħor, għax “il-bniedem għaqli jifraħ meta jagħti u b’hekk biss iħossu hieni” (Dhammapada: The Buddha’s Path of Wisdom, Sri Lanka 1985, n. 177; cfr kliem Ġesù kif insibuh fl-Atti 20,35).  Talba ispirata lill-San Franġisk ta’ Assisi tgħid “fejn hemm il-mibgħeda ħallini nħeġġeġ l-imħabba, fejn  hemm il-ħtija ħallini nferrex il-maħfra, fejn hemm il-qtigħ il-qalb ħallini ndaħħal l-għaqda”.  L-altruiżmu jibni l-armonija u fejn hemm l-armonija hemm il-ftehim, hemm il-prosperità, hemm is-sbuħija.  Anzi is-sinonimu l-aktar adattat għal kelma ‘armonija’ hu ‘sbuħija’.  Bil-maqlub, l-għeluq, l-impożizzjoni unilaterali, il-fundamentaliżmu u l-forzatura ideoloġika, jirvinaw il-fraternità, iżidu t-tensjoni u jikkompromettu l-paċi.  Is-sbuħija tal-ħajja hi frott l-armonija: hi komunitarja, tisseddaq bil-ġentilezza, bis-smigħ u bl-umiltà.  U tkun il-qalb safja li tilqagħha għax “il-veru sbuħija tinsab fis-safa tal-qalb” (M.K. Ghandi, Il mio credo, il-mio pensiero, Ruma 2019, 94).

Ir-reliġjonijiet għandhom is-sejħa li lid-dinja joffrulha din l-armonija, li ma tistax tingħata mill-progress tekniku waħdu, għaliex, mhedija bid-dimensjoni terrena, oriżżontali tal-bniedem, tirriskja li tinsa s-sema li għalih aħna lkoll maħluqin.  Ħuti, illum ninsabu hawn flimkien bħala werrieta umli ta’ skejjel antiki tal-għerf.  Il-laqgħa ta’ bejnietna hi impenn biex naqsmu ma’ xulxin it-tajjeb kollu li rċevejna, biex narrikkixxu umanità li fil-mixja tagħha spiss hi diżorjentata għax moħħha biss biex tfittex il-profitt u l-għana.  Spiss hi umanità bla ħila li ssib tarf: tħares biss lejn l-interessi tad-dinja u tispiċċa biex tirvina lill-istess art.

Il-laqgħa ta’ bejnietna hi impenn biex naqsmu ma’ xulxin il-ħafna ġid li rċevejna, biex narrikkixxu umanità li fil-mixja tagħha spiss hi diżorjentata għax tfittex biss il-profitt u l-kuntentizza.  Spiss m’għandhiex ħila ssib tarf: moħħha biss fl-interessi tad-dinja, tispiċċa biex tirvina lill-istess art, ma tagħmilx distinzjoni bejn il-progress u r-rigress kif juru l-bosta inġustizzji, il-ħafna kunflitti u l-qerda tal-ambjent, tant persekuzzjonijiet u tant ħajja umana skartata.

L-Asja għandha ħafna x’toffri f’das-sens u l-Mongolja, li tinsab fil-qalba ta’ dal-kontinent, hi kustodju ta’ patrimonju kbir ta’ għerf maħluq bil-kontribuzzjoni tal-frixa tar-reliġjonijiet li hawn, u li jien nistieden lil kulħadd biex jiskoprih u jivvalorizzah.  Insemmi biss għaxar aspetti ta’ dan il-patrimonju sapjenzjali, bla ma nidħol f’wisq dettalji.  Għaxar aspetti: ir-relazzjoni sâna mat-tradizzjoni minkejja t-tentazzjoni tal-konsumiżmu; ir-rispett tal-anzjani u tal-antenati – kemm għandna bżonnha llum alleanza ġenerazzjonali bejniethom u bejn iż-żgħar, kemm għandna bżonn ta’ djalogu bejn in-nanniet u n-neputijiet!  Imbagħad il-kura tal-ambjent, id-dar komuni tagħna, ħtieġa fundamentali oħra tremendament attwali: ninsabu fil-periklu.  U aktar, il-valur tas-silenzju u tal-ħajja interjuri, antidotu spiritwali għal tant mard tad-dinja tal-lum.  Għalhekk, hemm bżonn sens sân ta’ moderazzjoni; il-valur tal-akkoljenza; il-ħila li tirreżistu d-dipendenza mill-affarijiet tad-dinja; is-solidarjetà, li tinbet mill-kultura tar-rabtiet bejn il-persuni; l-apprezzament ta’ kulma hu sempliċi.  U fl-aħħar, ċertu pragmatiżmu eżsitenzjali, li bil-perseveranza jfittex il-ġid tas-singolu u tal-komunità.  Dawn l-għaxra huma wħud mill-elementi tal-patrimonju ta’ għerf li dal-pajjiż jista’ joffri lid-dinja.

Rigward id-drawwiet tagħkom, diġà għidt kif jien u nitħejja għal dal-vjaġġ, bqajt affaxxinat bl-abitazzjonijiet tradizzjonali li permezz tagħhom il-pollu mongolu juri għerf imħawwel f’eluf ta’ snin ta’ storja.  Il-ger, infatti, huwa spazju uman: ġewwa fih tingħex il-ħajja tal-familja, hu mkien ta’ konvivjalità u ħbiberija, ta’ laqgħa u djalogu fejn, anki meta l-għadd tal-membri jkun kbir, kulħadd jagħraf iħalli wisa għall-ieħor.  Imbagħad, hu punt ta’ riferiment konkret li faċli tidentifikah fil-firxa bla qies tat-territorju mongolu; hu raġuni ta’ tama għal min tilef it-triq: jekk hemm ger hemm il-ħajja.  Hemmhekk il-bieb dejjem se jibqa’ miftuħ, lest biex jilqa’ lill-ħabib, imma wkoll li dak li jkun għaddej u saħansitra lill-istranġier biex jingħata ftit te sħun li jerġa’ jagħti s-saħħa fil-kesħa tax-xitwa jew ftit ħalib fermentat frisk li jaħji fil-jiem sħan tas-sajf.  Din ukoll hi l-esperjenza tal-missjunarji kattoliċi ġejjin minn pajjiżi oħra, u li hawn ikunu milqgħuhin bħala pellegrini u mistednin, u jidħlu fuq ponot subgħajhom f’did-dinja kulturali, biex joffru xhieda umli tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Imma, flimkien mal-ispazju uman, il-ger jevoka l-ftuħ essenzjali lejn id-divin. Id-dimensjoni spiritwali ta’ din l-abitazzjoni tinsab rappreżentata fil-ftuħ lejn l-għoli, l-uniku punt minn fejn jidħol id-dawl, li hu speċi ta’ skylight imfellel.  Hekk, l-intern isir meridjan kbir, li fih id-dawl u d-dell jiġru wara xulxin biex juru l-ħin tal-jum u tal-lejl.  Hemm tagħlima sabiħa f’dan: is-sens taż-żmien li jgħaddi, ġej mill-għoli, mhux mis-sempliċi rutina tal-attivitajiet tad-dinja.  F’ċerti mumenti tas-sena mbagħad, ir-raġġ li jidħol mill-għoli idawwl l-altar domestiku, u jfakkar fil-primat tal-ħajja spiritwali.  Il-konvivenza umana li seħħ fl-ispazju ċirkolari għalhekk, il-ħin kollu ddur lura lejn il-vokazzjoni vertikali, il-vokazzjoni traxxendenti u spiritwali.

l-umanità rikonċiljata u florida, li aħna nikkontribwixxu u nippromwovu bħala esponenti tad-diversi reliġjonijiet, hi rappreżentata simbolikament minn dil-konvivenza armonjuża u miftuħa għat-traxxendenti, li fiha l-impenn għall-ġustizzja u għall-paċi jsibu l-ispirazzjoni u s-sies tar-relazzjoni mad-divin.  F’dan, għeżeiż ħuti, ir-responsabbiltà tagħna hija kbira, speċjalment f’dan il-waqt tal-istorja, għax l-imġieba tagħna għandha sejħa li tikkonferma bil-fatti t-tagħlim li nistqarru; l-imġieba tagħna ma tistax tkun kontradittorja u hekk issir skandlu.  Għalhekk, ma nħalltux it-twemmin mal-vjolenza, is-sagralità mal-impożizzjoni, il-mixja reliġjuża u s-settariżmu.  Il-memorja tat-tbatijiet tal-imgħoddi – qed niftakar fuq kollox fil-komunità buddista – għandha tkun il-forza li tittrasforma l-ġrieħi koroħ f’għejjun ta’ dawl, l-injoranza tal-vjolenza f’għerf tal-ħajja, il-ħażen li jirvina f’ġid  li jibni.  Hekk għandu jkun għalina, dixxipli entużjasti tal-imgħallmin spiritwali rispettivi tagħna u qaddejja kuxjenzjużi tat-tagħlim tagħhom, inkunu lesti noffru s-sbuħija lil kulmin inkunu nakkumpanjaw, bħala msieħba u ħbieb tul it-triq.  Din għandha tkun il-verità għax f’soċjetajiet pluralisti li jemmnu fil-valuri demokratiċi bħalma hi l-Mongolja, kull istituzzjoni reliġjuża, rikonoxxuta regolarment mill-awtoritajiet ċivili, għandha d-dmir, u l-ewwel u qabel kollox id-dritt, li toffri dak li hi u li għandha u dak li temmen fih, bir-rispett lejn il-kuxjenza tal-ieħor u bl-għan li tkun tal-akbar ġid għal kulħadd.

F’das-sens irrid nikkonfermalkom li l-Knisja kattolika hekk trid timxi, għax temmen fermament fid-djalogu ekumeniku, fid-djalogu inter-reliġjuz u fid-djalogu kulturali.  Il-fidi tagħha hi msejsa fuq id-djalogu etern bejn Alla u l-umanità, li sar bniedem fil-persuna ta’ Ġesù Kristu.  Bl-umiltà u bi spirtu ta’ servizz li ħeġġeġ il-ħajja tal-Imgħallem, li ġie fid-dinja “mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi” (Mt 10,45), il-Knisja llum toffri t-teżor li rċeviet lil kull persuna u kultura, waqt li tibqa’ f’atteġġjament ta’ ftuħ u smigħ ta’ dak li għandhom x’joffru tradizzjonijiet reliġjużi oħra.  Infatti, id-djalogu mhux oppost għat-tħabbir: ma jwittix id-differenzi, imma jgħin biex nifhmuhom, iżommhom fl-oriġinalità tagħhom u jqegħedhom f’sitwazzjoni li jikkonfrontaw lil xulxin għal arrikkiment sinċier u reċiproku.  B’hekk fl-umanità mbierka mis-Sema nistgħu nerġgħu nsibu l-muftiħ biex nimxu fid-dinja.  Ħuti aħna lkoll għandna l-istess oriġini, li tagħti lil kulħadd l-istess dinjità, u l-mixja tagħna hi kondiviża u ma nistgħux nimxuha jekk mhux flimkien, aħna li ngħixu taħt l-istess sema li ddawwarna u ddawwalna.

Ħuti il-fatt li ninsabu hawn flimkien illum hu sinjal li t-tama hi possibbli.  It-tama hi possibbli.  F’dinja mċarrta minn taqbid u nuqqas ta’ ftehim, dan donnu jidher utopija; madankollu, l-akbar sfidi jibdew fil-moħbi, b’dimensjonijiet li kważi lanqas jidhru.  Is-siġra kbira tibda minn żerriegħa żgħira moħbija fil-ħamrija.  U jekk “il-fwieħa tal-fjuri tinfirex biss ‘il fejn ikun jonfoħ ir-riħ, il-fwieħa ta’ min jgħix fil-virtù tinfirex fid-direzzjonijiet kollha” (cfr The Dhammapada, n. 54).  Ejjew inwarrdu din iċ-ċertezza, li l-isforzi komuni biex niddjalogaw u nibnu dinja aħjar mhumiex fiergħa.  Nikkultivaw it-tama.  Kif kien qal filosofu: “Kull bniedem kien kbir skont ma kien jittama.  Wieħed kien kbir bit-tama f’dak li hu possibbli; ieħor bit-tama f’dak li hu etern; imma min ittama fl-impossibbli kien l-akbar fosthom” (S.A.Kierkegaard, Timore e tremore, Milan 2021, 16).   It-talb li nerfgħu lejn is-sema u l-fraternità li ngħixu f’din l-art għandhom imantnu t-tama; jalla jkunu xhieda sempliċi u kredibbli tar-reliġjożità tagħna, tal-mixja tagħna flimkien b’ħarsitna merfugħa fl-għoli, tal-għixien armonjuz tagħna fid-dinja – ma ninsewhiex il-kelma armonija – bħala pellegrini bis-sejħa li nħarsu l-atmosfera tad-dar, għal kulħadd.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber