VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU
FIL-MONGOLJA
[31
ta’ Awwissu - 4 ta’ Settembru, 2023]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Sala “Ikh Mongol” fil-Palazz tal-Istat (Ulaanbaatar)
Is-Sibt, 2 ta’ Settembru, 2023

 Sur President tar-Repubblika,
S
ur President tal-Hural il-Kbir tal-Istat,
S
ur Prim Ministru,
distinti Membri
tal-gvern u tal-korp diplomatiku,
illustri A
wtoritajiet ċivili u reliġjużi,
onorevoli Rappreżentanti tad-dinja tal-kutura,
S
injuri!

Irrodd ħajr lis-Sur President għall-akkoljenza u għall-kliem  li indirizzali, lil kull wieħed u waħda minnkom insellmilkom minn qalbi.  Jien onorat li ninsab hawn, hieni li vvjaġġajt lejn din l-art affaxxinanti u vasta, lejn dal-poplu li jaf sew it-tifsira u l-valur tal-mixi.  Dan jixhduh l-abitazzjonijiet tradizzjonali tiegħu, il-ger, djar itineranti mill-isbaħ.  Nistħajjilni dieħel għall-ewwel darba bir-rispett u l-emozzjoni, f’waħda min dawn it-tined ċirkolari li jippunteġġjaw l-art majestuża tal-Mongolja, biex niltaqa’ magħkom u nsir nafkom aħjar..  hawn jien, fil-bieb, pellegrin ta’ ħbiberija, li wasalt għandkom fuq ponot subgħajja u b’qalb hienja, imxennaq biex nistgħana umanament bil-preżenza tagħkom.

Meta bniedem jidħol fid-dar tal-ħbieb, ikun sabiħ li jsir il-bdil tar-rigali flimikien ma’ diskors li jfakkar l-okkażjonijiet tal-laqgħat ta’ qabel.  U ladarba r-relazzjonijiet diplomatiċi moderni bejn il-Mongolja u s-Santa Sede m’ilhomx li bdew – dis-sena jaħbat it-tletin anniversarju tal-iffirmar tal-ittra li saħħet ir-relazzjonijiet bilaterali -, ferm aktar lura fiż-żmien, eżattament 777 sena ilu, propju bejn tmiem Awwissu u l-bidu ta’ Settembru tal-1246, Fra Giovanni di Pian del Carpine, il-mibgħut tal-Papa, kien żar lil Guyug, it-tielet imperatur mongolu, u kien ippreżenta lill-Gran Khan l-ittra uffiċjali tal-Papa Innoċenz IV.  Ftit wara kienet u ġiet tradotta f’lingwi differenti l-ittra ta’ tweġiba, ittimbrata bis-siġill tal-Gran Khan bil-kalligrafija tradizzjonali mongola.  Din tinsab konservata fil-Biblijoteka tal-Vatikan u llum għandi l-unur intikom kopja awtentikata li saret bl-aktar teknika avvanzata biex il-kwalità tkun l-aħjar possibbli.  Jalla dan ikun sinjal ta’ ħbiberija li tisseddaq u tiġġedded.

Sirt naf li mill-bieb tal-ger, filgħodu kmieni, it-tfal tal-kampanja tagħkom jifirxu ħarsithom fuq ix-xefaq imbiegħed biex jgħoddu l-irjus tal-imrieħel u lill-ġenituri tagħhom jirreferulhom l-għadd.  Jagħmel tajjeb lilna wkoll li b’ħarsitna nimirħu fuq ix-xefaq wiesa li għandna madwarna, negħlbu l-limitazzjonijiet tal-veduti dojoq tagħna filwaqt li ninfetħu lejn mentalità ta’ viżjoni globali, kif jistednuna nagħmlu il-ger illi nibtu mill-esperjenza tal-nomadiżmu tal-isteppi, tferrxu fuq territorju vast, u saru l-element li jidentifika id-diversi kulturi ġirien.  L-ispazji bla tarf tar-reġjunijiet tagħkom, mid-deżert ta’ Gobi sal-isteppa, mill-mergħat enormi sal-foresti tal-arżnu, sal-ktajjen tal-muntanji tal-Altai u tal-Khangai, flimkien mal-liwijiet numerużi tax-xmajjar, li minn fuq jidhru qieshom tiżjin irifnut fuq drapp prezzjuz antik: dan kollu hu mera tal-kobor u s-sbuħija tal-pjaneta kollu, li għandu sejħa jkun ġnien li jilqgħek.  L-għerf tagħkom, id-dehen tal-poplu tagħkom, sedimentat f’ġenerazzjonijiet ta’ raħħala u saġġȃra prudenti, dejjem attenti biex ma jirvinawx il-bilanċ delikat tas-sitema ekoloġiku, għandu ħafna x’jgħallem lil min illum jirrifjuta rbit ma’ interessi partikolari bla fejda imma li lil ta’ wrajna jrid iħallilhom artijiet li jibqgħu jilqgħuk u għammiela.  Dak li għalina l-insara hu l-ħolqien, jiġifieri l-frott ta’ pjan ta’ ġid ta’ Alla, intom tgħinuna nagħrfuh u mmexxuh ‘il quddiem bl-attenzjoni u d-delikatezza, billi niġġieldu l-effetti tad-devastazzjoni umana b’kultura tal-kura u previdenza riflessa f’politika ta’ ekoloġija responsabbli.  Il-ger huma spjazi ta’ abitazzjoni li llum nistgħu ngħidu li huma smart u green, għax versatili, jaqdu funzjonijiet diversi u bla ebda impatt fuq l-ambjent. Minbarra dan, il-viżjoni ħolistika tat-tradizzjoni tax-xamani mongoli u r-rispett lejn kull ħlejqa mislut mill-filosofija buddista huma kontribut validu lejn l-impenn urġenti, li ma nistgħux nibqgħu nħalluh għal għada, għall-ħarsien tal-pjaneta Dinja.

Il-ger, preżenti fiż-żoni tal-kampanja kif ukoll fiċ-ċentri tal-ibliet, huma xhieda wkoll tar-rabta prezzjuża bejn it-tradizzjoni u l-modernità; infatti dawn jgħaqqdu flimkien il-ħajja tal-anzjani u taż-żgħar, xhieda tal-kontinwità tal-poplu mongolu li mill-qedem sal-lum għaraf iħares l-għeruq tiegħu, u, speċjalment dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, għaraf ikun miftuh għall-isfidi globali tal-iżvilupp u d-demokrazija.  Il-Mongolja tal-lum, infatti, bix-xibka wiesa tar-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha, bit-tisħib tagħha mal-Ġnus Magħquda, bl-impenn għad-drittijiet umani u għall-paċi, għandha rwol importanti ħafna fil-qalba tal-kbir kontinent ażjatiku u fix-xenarju internazzjonali.  Nixtieq insemmi wkoll id-determinazzjoni tagħkom biex twaqqfu t-tixrid tal-armi nuklejari u biex tippreżentaw ruħkom quddiem id-dinja bħala pajjiż mingħajr armi nuklejari: il-Mongolja mhux biss hi nazzjon demokratiku li għandu politika barranija paċifika, imma tqis li għandha wkoll rwol importanti għall-paċi fid-dinja.  U aktar – element providenzjali li ta’ min iqisu sewwa – il-piena kapitali tneħħiet mis-sitema ġudizzjarju.

Il-ger – grazzi għall-fatt li jifilħu għal klimi estremi, jippermettu għixien f’territorji mill-aktar varji, kif ġara fi żmien il-famuża epopea tal-imperu mongolu, bl-akbar espansjoni li qatt kien hemm.  Fuq kollox, jien ġejt il-Mongolja f’anniversarju importanti għalikom, it-860 sena mit-twelid ta’ Gengis Khan.  Il-fatt li l-imperu seta’ jħaddan fih artijiet imbegħeda u tant diversi minn xulxin ħareġ għad-dawl il-ħila mhux komuni tal-antentati tagħkom li jagħtu għarfien lill-eċċellenzi tal-popli li kienu jiffurmaw it-territorju imperjali immens u jagħmlu minnhom servizz għall-iżvilupp komuni.  Dan hu eżempju li għandu jkun valorizzat u offrut lil żmienna.  Jalla s-Sema jagħmel li fid-dinja mkissra minn wisq kunflitti, illum ukoll jerġgħu jiġġeddu, bir-rispett lejn il-liġijiet internazzjonali, il-kundizzjonijiet li żmien ilu kienet il-pax mongola, jiġifieri l-assenza tal-kunflitti.  Kif jgħid proverbju minn tagħkom, “is-sħab jgħaddi, is-sema jibqa’”: jalla jgħaddi u jinħall is-sħab iswed tal-gwerra bis-saħħa ta’ rieda soda ta’ fraternità universali li biha t-tensjonijiet jinħallu bil-laqgħa u d-djalogu, u kulħadd ikollu garanzija tad-drittijiet fundmentali!   Hawn f’pajjiżkom għani fl-istorja u miftuh għas-sema, ejjew nitolbu b’ħeġġa dan id-don mingħand l-Għoli, u naħdmu flimkien biex nibnu ġejjieni ta’ paċi.

Meta nidħlu fil-ger tradizzjonali ħarsitna taqa’ fuq il-punt ċentrali l-aktar ‘il fuq, fejn hemm tieqa li minnha tidher is-sema.  Nixtieq nenfasizza l-importanza ta’ dan l-atteġġjament fundamentali li t-tradizzjoni tagħkom tgħinna niskopru mill-ġdid: li nagħrfu nżommu għajnejna merfugħin ‘il fuq.  Il-ħarsa ‘l-fuq lejn is-sema – is-sema ikħal etern li minn dejjem qimtu – tfisser li dejjem ikollna atteġġjament ta’ ftuħ ħlejju lejn it-tagħlim reliġjuz.  Infatti, hemm karatteristika spiritwali profonda fil-fibra tal-identità kulturali tagħkom u huwa sabiħ li l-Mongolja hija simbolu tal-libertà reliġjuża.  Fil-kontmeplazzjoni tal-ixqfa bla tarf fejn il-popolazzjoni hi żgħira, il-poplu tagħkom żviluppa sens spiritwali qawwi li jwaħħdek mal-valur tas-silenzju u tal-interjorità.  Quddiem il-grandjożità solenni tal-art li intom imdawrin biha bil-fenomeni naturali bla għadd tagħha, jinbet ukoll sens ta’ stagħġib, li jnissel sempliċità u frugalità, għażla favur l-essenzjali u ħila li wieħed jitbiegħed minn dak kollu li mhuwiex (essenzjali).  Qed naħseb dwar il-periklu tal-ispirtu konsumistiku li llum , minbarra li joħloq bosta inġustizzji, iġib miegħu individwaliżmu li jinsa lill-oħrajn u jinsa wkoll it-tradizzjonijiet li wiret.  Iżda meta r-reliġjonijiet jibqgħu mħawlin fil-patrimonju spiritwali tagħhom u devjazzjonijiet settarji ma jikkorrompuhomx, huma rfid affidabbli fil-bini ta’ soċjetajiet sâni u prosperużi, fejn dawk li jemmnu huma impenjati biex il-konvivenza ċivili u l-proġetti politiċi jservu dejjem ta’ qadi għall-ġid komuni, u jkunu lqugħ kontra s-susa perikoluża tal-korruzzjoni.  Din hi theddida serja għall-iżvilupp ta’ kwalunkwe grupp uman għax imrejqa mill-mentalità utilitaristika u spreġudikata li tfaqqar pajjiżi sħaħ.  Il-korruzzjoni tfaqqar pajjiżi sħaħ.  Hi sinjal ta’ ħarsa mbiegħda mis-sema u taħrab bogħod mill-ixqfa tal-fraternità, tingħalaq fiha nfisha u tpoġġi l-interessi tagħha qabel kull ħaġa oħra.

Ħafna mill-antenati tagħkom żgur kellhom ħarsithom merfugħa ‘ fuq u wrew ħila mhux komuni biex integraw ma’ xulxin ilħna u esperjenzi diversi mill-aspett reliġuz ukoll.  Kellhom ukoll atteġġjament ta’ rispett u konċiljanti lejn il-bosta tradizzjonijiet sagri, kif jixhdu l-ħafna mkejjen ta’ kult – fosthom wieħed nisrani – ikkonservati sewwa fil-kapitali l-antika Kharakhorum.  Għalhekk, kienet ħaġa kważi naturali għalikom taslu għal-libertà tal-ħsieb u tar-reliġjon imnaqqxa fil-Kostituzzjoni tal-lum; li mingħajr tixrid ta’ demm għelbet l-ideoloġija ateja li kien jidhrilha li għandha telimina għal kollox is-sens reliġjuz għax kienet tqisu tfixkil għall-iżvilupp.  Illum tagħrfu l-valur essenzjali tal-armonija u s-sinerġija bejn min hu ta’ twemmin u fidi li – kulħadd skont il-punto di vista tiegħu – jagħti sehemu lejn il-progress morali u spiritwali.

F’das-sens, hu l-pjaċir tal-komunità kattolika mongola li tkompli tagħti sehemha.  Ftit aktar minn tletin sena ilu hi bdiet tiċċelebra l-fidi tagħha propju ġo ger u wkoll il-katidral ta’ issa, li jinsab f’dil-belt kbira, għandu għamla tixbaħ il-ger.  Huma sinjali tax-xewqa li dak li qed tagħmel għandha pjaċir taqsmu mal-poplu mongolu kollu, għax fl-aħħar mill-aħħar hu l-poplu li tifforma parti minnu, bi spirtu ta’ servizz responsabbli u fratern.  Għaldaqstant jien kuntent li l-komunità kattolika, minkejja ċ-ċokon u d-diskrezzjni tagħha, tieħu sehem b’entużjażmu u impenn fil-mixja tal-iżvilupp tal-pajjiż hi u tifrex kultura ta’ solidarjetà, kultura ta’ rispett lejn kulħadd u kultura tad-djalogu inter-reliġjuż waqt li taħdem għall-ġustizzja, għall-paċi u l-armonija soċjali.  Nawgura li bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni li tħares fil-bogħod u attenta għall-ħtiġijiet konkreti, il-kattoliċi lokali, bl-għajnuna ta’ rġiel u nisa konsagrati li fil-biċċa l-kbira tagħhom bilfors ġejjin minn pajjiżi oħra, tkun dejjem tista’ tkompli mingħajr diffikultà tagħti l-kontribut uman u spiritwali tagħha lill-Mongolja, favur dan il-poplu.  Rigward dan, it-taħdidiet li għaddejjin biex jintlaħaq ftehim bilaterali bejn il-Mongolja u s-Santa Sede, huma kanal importanti biex naslu għal ftehim dwar il-kundizzjonijiet essenzjali sabiex l-attivtà ordinarja li fiha hemm impenjata l-Knisja Kattolika jistgħu jkomplu.  Fosthom, minbarra d-dimensjoni purament reliġjuża tal-kult, hemm il-bosta inizjattivi ta’ żvilupp uman integrali, li jolqot ukoll l-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-assistenza u tat-tiftix u l-promozzjoni kulturali: dawn huma xhieda tal-ispirtu umli, l-ispirtu fratern u solidali tal-Evanġelju ta’ Ġesù, it-triq waħdanija li l-kattoliċi għandhom is-sejħa jterrqu fil-mixja li huma jagħmlu flimkien ma’ kull poplu.

Il-motto magħżul għal diż-żjara, “Nittamaw flimkien”, jesprimi eżattament il-potenzjal intrinsiku tal-mixja flimkien mal-ieħor, b’rispett reċiproku u s-sinerġija favur il-ġid komuni.  Il-Knisja kattolika, istituzzjoni antika u mifruxa fi kważi l-pajjiżi kollha, hi xhud ta’ tradizzjoni spiritwali, tradizzjoni nobbli u għammiela li tat kontribut fl-iżvilupp ta’ nazzjonijiet sħaħ f’

ħafna oqsma tal-ħajja umana, mix-xjenza sal-letteratura, mill-arti sal-politika.  Jien ċert li l-kattoliċi mongoli wkoll lesti, issa u għall-ġejjieni jagħtu sehemhom fil-bini ta’ soċjetà li tirnexxi u mħarsa sewwa bid-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-partijiet kollha li jgħammru f’din l-art kbira mbewsa mis-sema.

“Ħalli tkun bħas-sema”.  B’dal-kliem, poeta famuz għamel stedina biex immorru ‘l hinn mill-ġrajjiet tad-dinja u nimitaw il-ġenerożità tipika tas-sema bla qies ċar u kaħlani li nistgħu nikkuntemplaw fil-Mongolja.  Illum, aħna wkoll, pellegrini u mistiedna f’dal-pajjiż li tant għandu x’joffri lid-dinja, nixtiequ nilqgħu din l-istedina, u nsarrfuha f’sinjali konkreti ta’ ħniena, djalogu u proġetti komuni. Jalla d-diversi partijiet tas-soċjetà mongola, li huma rappreżentati tajjeb hawnhekk, ikomplu joffru lid-dinja s-sbuħija u n-nobbiltà ta’ poplu uniku.  Hekk, bil-kalligrafija tagħkom tkunu tistgħu tibqgħu “bilwieqfa” biex ittaffu tant tbatija umana li hemm madwarkom, u tfakkru lil kulħadd id-dinjità ta’ kull bniedem imsejjaħ biex jgħix f’din l-art hu u jħaddan is-sema.  Bayarlalaa! (grazzi!)

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber