Laikos

Aktar dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet ...

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-EM.mu KARD. MARIO GRECH,

SEGRETARJU ĠENERALI TAS-SEGRETERIJA ĠENERALI TAS-SINODU

 

Lill-Em.za Rev.ma l-Kardinal MARIO GRECH,

Segretarju Ġenerali

tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu

 

Ħija l-Għażiż,

Kardinal Mario Grech,

 

Ir-Relazzjoni tas-Sinteżi tal-Ewwel Sessjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, approvata fit-28 ta’ Ottubru 2023, issemmi diversi kwistjonijiet teoloġiċi importanti, kollha b’xi mod jew ieħor marbuta mat-tiġdid sinodali tal-Knisja u mhux neqsin minn riperkussjonijiet ġuridiċi u pastorali.

 

Dawn il-kwistjonijiet, minħabba n-natura tagħhom, jesiġu li jiġu affrontati bi studju approfondit. Billi mhux possibbli li wieħed jiżvolġi dan l-istudju fiż-żmien tat-Tieni Sessjoni (2-27 ta’ Ottubru 2024), niddisponi li dawn jiġu assenjati lil Gruppi speċifiċi ta’ Studju, biex jiġu eżaminati kif xieraq. Dan ikun wieħed mill-frott tal-proċess sinodali mniedi fid-9 ta’ Ottubru 2021.

 

Fl-ispirtu tal-Kirografu ffirmat minni fis-16 ta’ Frar li għadda, hu kompitu tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu, bi qbil komuni mad-Dikasteri kompetenti tal-Kurja Rumana, li twaqqaf dawn il-Gruppi, u ssejjaħ biex jagħmlu parti minnhom Ragħajja u Esperti mill-Kontinenti kollha, waqt li tqis mhux biss l-istudji diġŕ eżistenti, imma anki l-esperjenzi iżjed relevanti li qed jgħix il-Poplu ta’ Alla miġbur fil-Knejjes lokali. Importanti li dawn il-Gruppi ta’ Studju jaħdmu skont metodu awtentikament sinodali, li nitolbok tidħol garanti tiegħu.

 

Dan li qed niddisponi hawn jippermetti lill-Assemblea, fit-Tieni Sessjoni tagħha, li tikkonċentra aħjar l-attenzjoni tagħha fuq it-tema ġenerali li kont assenjajtilha, u li issa nistgħu niġbru fil-mistoqsija: “Kif inkunu Knisja sinodali f’missjoni?”.

 

Il-Gruppi ta’ Studju joffru l-ewwel rendikont tal-ħidma tagħhom fl-okkażjoni tat-Tieni Sessjoni u, possibbilment, jagħlqu l-mandat tagħhom f’Ġunju 2025.

 

Wara li rriflettejt fuq kull ħaġa, niddisponi li l-Gruppi msemmija jistħarrġu t-temi hawn imniżżla f’forma sintetika, fid-dawl tal-kontenut tar-Relazzjoni tas-Sinteżi (RS):

 

1. Xi aspetti tar-relazzjonijiet bejn Knejjes Kattoliċi tal-Lvant u Knisja Latina (RS 6).

2. Is-smigħ tal-karba tal-foqra (RS 4 u 16).

3. Il-missjoni fl-ambjent diġitali (RS 17).

4. Ir-reviżjoni tar-Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis f’perspettiva sinodali missjunarja (RS 11).

5. Xi kwistjonijiet teoloġiċi u kanonistiċi madwar il-forom ministerjali speċifiċi (RS 8 u 9).

6. Ir-reviżjoni, f’perspettiva sinodali u missjunarja, tad-dokumenti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn Isqfijiet, Ħajja kkonsagrata, Għaqdiet ekkleżjali (RS 10).

7. Xi aspetti tal-figura u tal-ministeru tal-Isqof (b’mod partikulari: kriterji tal-għażla tal-kandidati għall-Episkopat, funzjoni ġudizzjali tal-Isqof, natura u żvolġiment taż-żjajjar ad limina Apostolorum) f’perspettiva sinodali missjunajra (RS 12 u 13).

8. Ir-rwol tar-Rappreżentanti Pontifiċji f’perspettiva sinodali missjunarja (RS 13).

9. Kriterji teoloġiċi u metodoloġiji sinodali għal dixxerniment flimkien ta’ kwistjonijiet duttrinali, pastorali u etiċi kontroversjali (RS 15).

10. Il-ħsad tal-frott tal-mixja ekumenika fil-prassi ekkleżjali (RS 7).

 

Ikun xogħol is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu li tindika t-triq għall-ħidma li tippreċiża l-mandat tal-gruppi fid-dawl tal-indikazzjonijiet tiegħi.

 

Waqt li rroddlok ħajr tal-ħidma mwettqa sa issa, inbierek u nsieħeb bit-talb lilek u lil dawk kollha li qed jikkollaboraw b’ġenerożitŕ fil-mixja li għaddejja.

 

Franġisku

 

Mill-Vatikan, 22 ta’ Frar 2024

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard