MESSAĠĠ BIL-VIDJOW TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-OKKAŻJONI TAL-AVVENIMENT “THY KINGDOM COME”

Pentekoste

Il-Ħadd 31 ta’ Mejju, 2020

Għeżież ħuti,

Ningħaqad bil-ferħ mal-Arċisqof Justin Welby u magħkom ilkoll biex naqsam magħkom dak li qed inħoss f’qalbi.  Illum il-Pentekoste: infakkru l-jum li fih l-Ispirtu t’Alla niżel bil-qawwa.  Minn dakinhar, il-ħajja ta’ Alla xterdet fostna, u nisslet fina tama ġdida, paċi u ferħ li qabel ma konniex nafuhom.  Fil-Pentekoste, Alla dakkar id-dinja bil-ħajja.  Kemm idarras dan kollu mat-tinġis tal-mewt li ilu xhur jinfesta d-dinja!  Għalhekk, qatt daqs bħalissa ma kien hemm ħtieġa li ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu biex ireġġa’ lura mill-ġdid il-ħajja ta’ Alla, l-imħabba, fi qlubna.  Infatti biex il-ġejjieni jkun aħjar, hi qalbna li għandha titjieb.

Fil-jum tal-Pentekoste, popli li kienu jitkellmu ilsna differenti jiltaqgħu.  Iżda, matul dawn ix-xhur, intlabna nimxu fuq regoli ġusti u meħtieġa biex inżommu bogħod minn xulxin.  Imma fil-fond ta’ qalbna nistgħu nifhmu aħjar dak li qed iħossu l-oħrajn.  Għaqqduna flimkien il-biża’ u l-inċertezzi.  Hemm bżonn nerġgħu ngħollu l-moral ta’ ħafna qlub imnikkta.  Niftakar f’dak li qal Ġesù hu u jitkellem dwar l-Ispirtu s-Santu; kien juża kliem partikolari: Paraklitu, jiġifieri dak li Jfarraġ.  Bosta minnkom ġarrbu l-faraġ tiegħu, dik il-paċi ġewwinija li biha nħossuna maħbubin, dik il-qawwa ġentili li dejjem isseddaq il-kuraġġ, anki fl-uġigħ.  L-Ispirtu jtina ċ-ċertezza li ma ninsabux waħedna, imma li Alla qed isostnina.  Għeżież, dak li rċevejna għandna ntuh lll ħaddieħor: aħna msejħin biex inxerrdu l-faraġ tal-Ispirtu, il-qrubija ta’ Alla.

Kif nagħmlu dan? Niftakru f’dak li nixtiequ jkollna bħalissa: faraġ, inkoraġġiment, li xi ħadd jieħu ħsiebna, xi ħadd li jitlob għalina, jibki magħna, jgħinna naffrontaw il-problemi tagħna.  Hekkhu: dak kollu li nixtiequ li ħaddieħor jagħmel magħna, nagħmluh aħna ma’ ħaddieħor (cfr Mt 7,12).  Nixtiequ li nkunu mismughin?  Nisimgħu.  Għandna bżonn l-inkoraġġiment?  Ninkoraġġixxu.  Irridu li xi ħadd jieħu ħsiebna?  Nieħdu ħsieb min m’għandu ‘l ħadd min jagħti kasu.  Neħtieġu t-tama għal għada?  Nagħtu t-tama llum.  Illum għaddejjin minn żmien ta’ karestija traġika fejn tidħol it-tama.  Kemm ġrieħi, kemm vojt nieqes mit-tifwir, kemm tbatija nieqsa mill-faraġ!  Allura ejjew insiru interpreti tal-faraġ tal-Ispirtu, nittrasmettu t-tama u l-Mulej jiftaħ toroq ġodda fi triqtna.

Inħoss li għandi naqsam xi ħaġa magħkom fil-mixja tagħna.  Kemm nixtieq illi, bħala nsara, inkunu aktar magħqudin u flimkien inkunu aktar xhieda tal-ħniena għall-umanità mifluġa għall-aħħar.  Nitolbu d-don tal-għaqda lill-Ispirtu għax il-fraternità nkunu nistgħu nsaħħuha biss jekk ngħixu bħal aħwa bejnietna.  Ma nistgħux nitolbu lill-umanità biex tkun magħquda jekk aħna nimxu f’toroq għal rasna.  Allura, nitolbu għal xulxin, inħossu li aħna responsabbli ta’ xulxin.

Jalla l-Ispirtu s-Santu jtina l-għerf u l-kunsill.  F’dawn il-jiem nitolbuh sabiex kull min qed jieħu deċiżjonijiet delikati u urġenti iħares il-ħajja umana u d-dinjità tax-xogħol.  Hemm bżonn ninvestu f’dan: fis-saħħa, fix-xogħol, fit-tneħħija tad-diżugwaljanza u l-faqar.  Qatt daqs bħalissa ma kien hemm il-ħtieġa ta’ viżjoni għanja bl-umanità: ma nistgħux nerġgħu nibdew niġru wara s-suċċessi personali bla ma naħsbu f’min baqa’ lura.  U minkejja li ħafna hekk se jagħmlu, il-Mulej qed jitlobna nibdlu d-direzzjoni tar-rotta.  F’jum il-Pentekoste, Pietru kien stqarr bil-parresia tal-Ispirtu: “Ikkonvertu” (Atti 2,38), jiġifieri, ibdlu d-direzzjoni, dawruha lejn in-naħa l-oħra.  Għandna bżonn nerġgħu nibdew mixjin lejn Alla u lejn il-proxxmu: mhux għal rasna, mhux qiesna lluppjati quddiem l-għajta ta’ min hu minsi u tal-pjaneta miġrugħa.  Hemm bżonn inkunu magħqudin biex nitqabdu l-pandemiji dominanti: dik tal-virus imma wkoll dik tal-ġuħ, tal-gwerer, tad-disprezz tal-ħajja, tal-indifferenza.  Naslu ‘l bogħod biss jekk nimxu flimkien.

Għeżież ħuti, intom ixxerdu l-aħbar tal-ħajja tal-Evanġelju u intom sinjal ta’ tama.  Irroddilkom ħajr minn qalbi.  Nitlob lil Alla jberikkom u nitlobokom titolbuh biex ibierek lili.  Grazzi.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber