|
MESSAĠĠ TAL-QDUSSJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
GĦAT-62 JUM DINJI
TAT-TALB GĦALL-VOKAZZJONIJIET
Pellegrini tat-Tama: Ir-Rigal tal-Ħajja
Għeżież ħuti!
F’dan it-62 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, nixtieq nagħmlilkom stedina li tagħtikom kuraġġ u ferħ, stedina sabiex tkunu pellegrini tat-tama, billi tagħtu ħajjitkom b’mod ġeneruż.
Il-vokazzjoni hija don prezzjuż li Alla jiżra’ fil-qlub, sejħa biex noħorġu minna nfusna u naqbdu t-triq ta’ imħabba u servizz. Kull vokazzjoni fil-Knisja – sew jekk lajka sew jekk għall-ministeru saċerdotali jew għall-ħajja kkonsagrata – hija sinjal tat-tama li Alla għandu għad-dinja u għal kull wieħed u waħda minn uliedu.
Fi żmienna, ħafna żgħażagħ iħossuhom mitlufa meta jiffaċċjaw il-ġejjieni. Ħafna drabi iħossu inċertezza dwar il-possibiltajiet tax-xogħol u, aktar minn hekk, jidħlu fi kriżi ta’ identità li hija kriżi tas-sens tal-ħajja u tal-valuri, u ma’ dawn trid iżżid ukoll il-messaġġi konfliġġenti li jaslulhom mid-dinja diġitali. It-trattament inġust tal-fqar u l- vulnerabbli, l-indifferenza ta’ soċjetà li toqgħod għal kollox u li hi ffissata fuqha nnfisha, u l-kefrija tal-gwerra huma kollha theddida għat-tamiet għal ħajja li ż-żgħażagħ jixtiequ jimlew qalbhom biha. Iżda l-Mulej, li jaf il-qalb tal-bniedem, ma jabbandunaniex fl-inċertezza tagħna. Iridna nkunu nafu li aħna maħbubin, imsejħin u mibgħuta bħala pellegrini tat-tama.
Aħna l-membri adulti tal-Knisja, u s-saċerdoti b’mod partikolari, aħna msejħin biex nagħrfu, niddixxernu u nakkumpanjaw liż-żgħażagħ fit-triq vokazzjonali tagħhom. Intom, iż-żgħażagħ, min-naħa tagħkom, intom imsejħin biex taqbdu dik it-triq, u timxuha flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għax hu jqajjem fikom ix-xewqa li tagħmlu minn ħajjitkom don ta’ mħabba għall-oħrajn.
Inħaddnu l-vokazzjoni speċifika tagħna
Għeżież żgħażagħ, “iż-żgħożija tagħkom mhix xi żmien bejn it-tfulija u l-irġulija – x’imkien fin-nofs! Intom il-preżent ta’ Alla” (Christus Vivit, 178). Għarfu li d-don tal-ħajja jitlob tweġiba ġeneruża u fidila. Ħarsu lejn il-qaddisin u l-beati żgħażagħ li wieġbu bil-ferħ għas-sejħa tal-Mulej: Santa Roża ta’ Lima, San Duminku Savio, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, San Gabriel tal-Addolorata, u dawk li dalwaqt se jiġu dikjarati Qaddisin: Carlo Acutis u Pier Giorgio Frassati, u ħafna oħrajn. Huma għexu l-vokazzjoni tagħhom bħala triq lejn il-hena tassew, permezz tal-ħbiberija mal-Mulej li qam mill-mewt. Kull meta nisimgħu l-kliem ta’ Ġesù, qalbna tibda titħeġġeġ ġo fina (ara Lq 24,32) u nħossu x-xewqa li nikkonsagraw ruħna lil Alla. Naturalment, irridu nsibu l-aħjar mod taʼ ħajja li li biha nagħtu lura l-imħabba li biha Hu ħabbna l-ewwel.
Kull vokazzjoni, li nħossuha fil-fond ta’ qalbna, timbotta lil dak li jkun biex iħobb u biex ikun ta’ servizz għall-oħrajn, u din issir bħala espressjoni ta’ tama u ta’ imħabba, u mhux biex “jidher”. Il-vokazzjoni u t-tama jmorru flimkien fil-pjan ta’ Alla għall-hena ta’ kull raġel u mara, li lkoll huma msejħin b’isimhom biex jagħtu ħajjithom għall-oħrajn (ara Evangelii Gaudium, 268). Ħafna żgħażagħ ifittxu li jkunu jafu t-triq li Alla qed isejħilhom għaliha. Xi wħud jiskopru, kultant b’sorpriża, li huma msejħin għas-saċerdozju jew għall-ħajja kkonsagrata. Oħrajn jiskopru s-sbuħija tas-sejħa għaż-żwieġ u l-ħajja tal-familja, għat-tfittxija tal-ġid komuni u għal ħajja ta’ xhieda tal-fidi fost ħbieb u qraba tagħhom.
Kull vokazzjoni hija ispirata mit-tama, immarkata minn fiduċja għamja fil-providenza ta’ Alla. Għall-insara, it-tama hija aktar minn sempliċi ottimiżmu: hija ċertezza li tistrieħ fuq il-fidi tagħna f’Alla, li qiegħed jaħdem fil-ħajja ta’ kull persuna. Il-vokazzjonijiet jimmaturaw permezz tal-isforz li nagħmlu ta’ kuljum biex inkunu fidili lejn l-Evanġelju, u permezz tat-talb, tad-dixxerniment u l-qadi lejn l-oħrajn.
Għeżież ħbieb żgħażagħ, it-tama f’Alla ma tqarraqx bina, għax f’kull pass f’din il-mixja, hu jakkumpanja lil dawk li jafdaw ħajjithom f’idejh. Id-dinja tagħna għandha bżonn żgħażagħ li huma pellegrini tat-tama, u li b’kuraġġ jiddedikaw ħajjithom lil Kristu u jifirħu li jkunu dixxipli u missjunarji tiegħu.
Niddixxernu l-vokazzjoni tagħna
Meta wieħed jiskopri l-vokazzjoni tiegħu, dan iseħħ bħala riżultat ta’ mixja ta’ dixxerniment. Din il-mixja qatt ma tista’ tagħmilha waħdek, imma titwieled fi ħdan komunità Nisranija u bħala parti minn dik il-komunità.
Għeżież ħbieb, id-dinja timbuttakom biex tieħu deċiżjonijiet mgħaġġlin u tibbumbardjakom b’tant ħsejjes li ma tħallikomx ikollkom l-esperjenza tas-skiet li jkun miftuħ għal Alla, għax Hu jitkellem mal-qalb. Irid ikollok il-kuraġġ li tieqaf, tisma’ dak li qed tgħidlek qalbek, u tistaqsi lil Alla dwar il-ħolm tiegħu għalik. Is-skiet tat-talb huwa indispensabbli jekk irridu nitgħallmu kif nisimgħu s-sejħa ta’ Alla fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ ħajjitna u nwieġbu b’mod konxju u ħieles.
Meta ninġabru fit-talb, din tgħinna nirrealizzaw li lkoll nistgħu nkunu pellegrini tat- tama jekk nagħmlu minn ħajjitna rigal, fuq kollox billi npoġġu lilna nfusna għas-servizz ta’ dawk li jgħixu fil-periferiji materjali u eżistenzjali tad-dinja. Dawk li jisimgħu s-sejħa ta’ Alla ma jistgħux jagħlqu widnejhom għall-għajta ta’ tant nies, ħutna li jħossuhom imwarrbin, imweġġgħin u abbandunati. Kull vokazzjoni tikkonfermana fil-missjoni tagħna li nkunu l-preżenza ta’ Kristu kull fejn hemm l-aktar bżonn tad-dawl u l-konsolazzjoni. B’mod partikolari, il-lajċi huma msejħin biex ikunu “melħ, dawl u ħmira” tas-Saltna ta’ Alla permezz tal-impenji soċjali u professjonali tagħhom.
Nakkumpanjaw il-Vokazzjonijiet
Għaldaqstant, l-operaturi pastorali u d-diretturi tal-vokazzjonijiet, speċjalment id-diretturi spiritwali, għandhom jakkumpanjaw liż-żgħażagħ permezz tat-tama, il-paċenzja u l-fiduċja, għax dan hu l-mod kif Alla stess jimxi magħna. Jeħtieġ ikunu kapaċi jisimgħuhom b’rispett u b’simpatija, u juru li huma gwidi ta’ min jafdahom, għaqlin u kapaċi jgħinu, dejjem attenti biex jagħrfu s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fil-mixja ta’ dak li jkun.
Inħeġġeġ biex isir kull sforz biex jitrawmu l-vokazzjonijiet fid-diversi sferi tal-ħajja u f’kull qasam tal-ħidma tal-bniedem, u biex ngħinu lill-persuni biex ikunu miftuħa spiritwalment għal leħen il-Mulej. Huwa meħtieġ, allura, li jingħata spazju adegwat għall-akkumpanjament tal-vokazzjonijiet fl-ippjanar edukattiv u pastorali.
Il-Knisja għandha bżonn rgħajja, reliġjużi, missjunarji kif ukoll persuni miżżewġa li kapaċi jgħidu “iva” lill-Mulej b’fiduċja u tama. Vokazzjoni qatt mhi teżor midfun fil-qalb; anzi, trid tikber u tissaħħaħ fi ħdan komunità li temmen, tħobb u tittama. Ħadd ma jista’ jwieġeb għas-sejħa ta’ Alla waħdu, għax ilkoll kemm aħna għandna bżonn it-talb u l-appoġġ ta’ ħutna.
Għeżież, il-Knisja hija ħajja u tagħti l-frott meta twelled vokazzjonijiet ġodda. Id-dinja tagħna tfittex, ħafna drabi bla ma taf, għal xhieda ta’ tama li jħabbru b’ħajjithom li meta wieħed jimxi wara Kristu ikun sab l-għajn tal-ferħ veru. Ejjew qatt ma niddejqu nitolbu lill-Mulej sabiex jibgħat ħaddiema ġodda għall-ħsad tiegħu, ċerti li b’imħabba kbira hu se jibqa’ jsejjaħ.
Għeżież żgħażagħ jiena nafda l-isforzi tagħkom biex timxu wara l-Mulej, f’idejn Marija, Omm il-Knisja u Omm il-vokazzjonijiet. Ibqgħu mexjin bħala pellegrini tat-tama fit-triq tal-Vanġelu! Nakkumpanjakom bil-barka tiegħi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, itolbu għalija.
Ruma, mill-Isptar Gemelli, 19 ta’ Marzu 2025.
FRANĠISKU
Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes