Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦAS-60 JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-VOKAZZJONIJIET

 

Vokazzjoni: grazzja u missjoni

 

Għeżież ħuti, għeżież żgħażagħ!

 

Din hi s-60 darba li qed niċċelebraw il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, imwaqqaf minn San Pawlu VI fl-1964, tul il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Din l-inizjattiva providenzjali tipproponi li tgħin lill-membri tal-Poplu ta’ Alla, personalment u f’komunità, biex iwieġbu għas-sejħa u għall-missjoni li l-Mulej jafda lil kull wieħed u waħda minna fid-dinja tal-lum, bil-ġrieħi u t-tamiet tagħha, l-isfidi u l-kisbiet tagħha.

 

Din is-sena nipproponilkom tirriflettu u titolbu mdawla mit-tema “Vokazzjoni: grazzja u missjoni”. Hija okkażjoni prezzjuża biex niskopru mill-ġdid kollna stagħġib li s-sejħa tal-Mulej hi grazzja, hija don b’xejn, u fl-istess waqt hija impenn biex immorru, biex noħorġu nwasslu l-Vanġelu. Aħna msejħin għall-fidi li tagħti xhieda, li torbot bil-qawwa l-ħajja u l-grazzja, permezz tas-Sagramenti u l-komunjoni ekkleżjali, u l-appostolat fid-dinja. Imwieżen mill-Ispirtu, in-Nisrani jħalli jisfidawh il-periferiji eżistenzjali u hu sensibbli għat-traġedji umani, waqt li jżomm dejjem quddiem għajnejh li l-missjoni hi opra ta’ Alla u ma nistgħux inwettquha waħidna, imma fil-komunjoni ekkleżjali, flimkien mal-aħwa, taħt it-tmexxija tar-Ragħajja. Għax din ilha sa minn dejjem u tibqa’ għal dejjem il-ħolma ta’ Alla: li ngħixu miegħu f’komunjoni ta’ mħabba.

 

“Magħżulin sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja”

L-Appostlu Pawlu jiftħilna beraħ quddiemna xefaq mill-isbaħ: fi Kristu, Alla l-Missier “għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba. Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesù Kristu; hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu” (Efes 1:4-5). Huma kelmiet li bihom nistgħu nħarsu lejn il-ħajja fis-sens sħiħ tagħha: Alla “jnissilna” fuq is-sura u x-xbieha tiegħu u jridna wliedu: aħna ġejna maħluqa mill-Imħabba, għall-imħabba u bi mħabba, u aħna magħmulin biex inħobbu.

 

Matul ħajjitna, din is-sejħa, miktuba fit-tessut tal-essri tagħna u li ġġorr fiha s-sigriet tal-ferħ, tilħaqna, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, b’mod dejjem ġdid, iddawwal l-intelliġenza tagħna, issaħħaħ ir-rieda bil-ħeġġa, timliena bl-istagħġib u tkebbes lil qalbna. Xi drabi saħansitra tidħol fuqna b’mod mhux mistenni. Hekk ġara lili fil-21 ta’ Settembru 1953 meta, jiena u sejjer għall-festa annwali tal-istudenti, ħassejtni imbuttat biex nidħol fil-knisja u nqerr. Dakinhar bidlitli ħajti u ħalliet fuqha marka li għadha sal-lum. Imma s-sejħa divina għall-għotja tagħna nfusna tidħol ftit ftit, permezz ta’ mixja: kuntatt ma’ sitwazzjoni ta’ faqar, f’mument ta’ talb, grazzi għal xhieda ċara tal-Vanġelu, għal xi qari li jiftħilna moħħna, meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nħossuha tingħad proprju lilna, fil-parir ta’ ħuna jew oħtna li jimxu magħna, fi żmien ta’ mard jew ta’ luttu… Il-fantasija ta’ Alla li jsejħilna hi bla tarf.

 

U l-inizjattiva tiegħu u d-don tiegħu b’xejn jistennew it-tweġiba tagħna. Il-vokazzjoni hi “n-nisġa bejn għażla divina u libertà umana”,[1] relazzjoni dinamika u stimulanti bejn Alla u l-qalb umana. Hekk id-don tal-vokazzjoni hu bħal żerriegħa divina li twarrad fl-art ta’ ħajjitna, tiftaħna għal Alla u tiftaħna għall-oħrajn biex naqsmu magħhom it-teżor li sibna. Din hi l-binja fundamentali ta’ dak li nifhmu b’vokazzjoni: Alla jsejjaħ billi jħobb u aħna, grati, inwieġbu billi nħobbu. Niskopru li aħna wlied maħbuba tal-istess Missier u nagħrfu li aħna aħwa ta’ xulxin. Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, meta sa fl-aħħar “rat” b’mod ċar din ir-realtà, esklamat: “Sibt fl-aħħar is-sejħa tiegħi: is-sejħa tiegħi hija l-imħabba. Iva, sibt posti fi ħdan il-Knisja […]. Fil-qalb tal-Knisja, Omm tiegħi, jien għad inkun l-imħabba”.[2]

 

“Jiena missjoni fuq din l-art”

Is-sejħa ta’ Alla, kif konna qed ngħidu, tinkludi l-mandat. Ma hemmx vokazzjoni mingħajr missjoni. U ma hemmx ferħ u realizzazzjoni sħiħa tagħna nfusna mingħajr ma noffru lil xulxin il-ħajja ġdida li sibna. Is-sejħa divina għall-imħabba hija esperjenza li ma tistax tiskot. “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!”, kien jgħid San Pawl (1 Kor 9:16). U l-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni tibda hekk: “Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (ara 1:1-4).

 

Ħames snin ilu, fl-Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, hekk għidt lil kull imgħammed u mgħammda: “Int ukoll għandek bżonn tifhem it-totalità ta’ ħajtek bħala missjoni” (n. 23). Iva, għax kull wieħed u waħda minna, ħadd eskluż, jista’ jgħid: “Jiena missjoni fuq din l-art, u għalhekk ninsab f’din id-dinja” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 273).

 

Il-missjoni komuni għalina l-Insara kollha hi dik li nagħtu xhieda bil-ferħ, f’kull sitwazzjoni, b’atteġġjamenti u kliem, ta’ dak li nħossu meta nkunu ma’ Ġesù u fil-komunità tiegħu li hija l-Knisja. U titlaħħam f’opri ta’ ħniena materjali u spiritwali, fi stil ta’ ħajja akkoljenti u umli, b’ħila ta’ qrubija, kompassjoni u ħlewwa, kontra l-kurrent fejn tidħol il-kultura tal-iskart u tal-indifferenza. Meta, bħas-Samaritan it-tajjeb (ara Lq 10:25-37), insiru proxxmu, inkunu nistgħu nifhmu l-“qalba” tal-vokazzjoni Nisranija: li nixbhu lil Ġesù Kristu li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi (ara Mk 10:45).

 

Din l-azzjoni missjunarja ma titwelidx sempliċiment mill-ħiliet, l-intenzjonijiet jew il-proġetti tagħna, la mir-rieda tagħna u lanqas mill-isforz tagħna biex nipprattikaw il-virtujiet, imma minn esperjenza profonda ma’ Ġesù. Hekk biss nistgħu nsiru xhieda ta’ Xi Ħadd, ta’ Ħajja, u dan jagħmilna “appostli”. Allura nagħrfu lilna nfusna “bħala mmarkati bin-nar minn din il-missjoni li ndawlu, inbierku, ngħajxu, inserrħu, infejqu, neħilsu” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 273).

 

Ikona evanġelika ta’ din l-esperjenza huma ż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Wara l-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt huma jgħidu lil xulxin: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (Lq 24:32). Fihom nistgħu nilmħu xi jfisser li jkollna “qlub imkebbsa u riġlejn li jimxu”.[3] Dan hu li nawgura wkoll għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss f’Lisbona, li qed nistenna bil-ferħ u li bħala motto għandu: “Marija qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39). Jalla kull wieħed u waħda minna jsħossu msejjaħ biex iqum u jmur iħaffef, b’qalb imkebbsa!

 

Imsejħa flimkien: miġmugħa

L-evanġelista Marku rrakkonta l-mument li fih Ġesù sejjaħ għandu lid-dixxipli tiegħu, kull wieħed b’ismu. Għażilhom biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippritkaw, ifejqu l-morda u jkeċċu x-xjaten (ara Mk 3:13-15). Il-Mulej hekk iwaqqaf is-sisien għall-Komunità ġdida tiegħu. It-Tnax kienu persuni minn ambjenti soċjali u mistieri differenti, ma kinux ġejjin mill-kategoriji l-iżjed importanti. Il-Vanġeli mbagħad jirrakkontawlna dwar sejħat oħra, bħal dik tat-72 dixxiplu li Ġesù jibgħat tnejn tnejn (ara Lq 10:1).

 

Il-Knisja hija sewwasew Ekklesía, terminu Grieg li jfisser: ġemgħa ta’ persuni msejħa, miġmugħa, biex isawru l-komunità tad-dixxipli missjunarji ta’ Ġesù Kristu, impenjati biex jgħixu l-imħabba tiegħu bejniethom (ara Ġw 13:34; 15:12) u biex ixerrduha fost kulħadd, biex tiġi s-Saltna ta’ Alla.

 

Fil-Knisja aħna lkoll qaddejja, skont diversi vokazzjonijiet, kariżmi u ministeri. Il-vokazzjoni tal-għotja tagħna nfusna fl-imħabba, komuni għal kulħadd, titwettaq u sseħħ fil-ħajja tal-Insara lajċi, impenjati biex jibnu l-familja bħala Knisja ċkejkna tad-dar u biex iġeddu d-diversi ambjenti tas-soċjetà bil-ħmira tal-Vanġelu; fix-xhieda tal-persuni kkonsagrati, mogħtijin kollhom għal Alla u għal ħuthom bħala profezija tas-Saltna ta’ Alla; fil-ministri ordnati (djakni, presbiteri, isqfijiet) imqiegħda għas-servizz tal-Kelma, tat-talb u tal-komunjni tal-poplu qaddis ta’ Alla. Huwa biss fir-relazzjonijiet mal-oħrajn kollha li kull vokazzjoni speċifika fil-Knisja tiġi għad-dawl sħiħ bil-verità u l-għana tagħha. F’dan is-sens, il-Knisja hija sinfonija vokazzjonali, bil-vokazzjonijiet kollha magħquda u distinti f’armonija u flimkien “ħerġin” biex jagħtu lid-dinja d-dawl tal-ħajja ġdida tas-Saltna ta’ Alla.

 

Grazzja u missjoni: don u missjoni

Għeżież ħuti, il-vokazzjoni hija don u missjoni, għajn ta’ ħajja ġdida u ta’ ferħ veru. L-inizjattivi ta’ talb u ta’ animazzjoni marbuta ma’ dan il-Jum jistgħu jsaħħu s-sensibbiltà vokazzjonali fil-familji tagħna, fil-komunitajiet parrokkjali u f’dawk ta’ ħajja kkonsagrata, fl-għaqdiet u fil-movimenti tal-Knisja. Ħa jċaqlaqna mill-apatija l-Ispirtu tal-Mulej u jagħtina simpatija u empatija, biex ngħixu ta’ kuljum b’ħajja ġdida ta’ wlied Alla li hu Mħabba (ara 1 Ġw 4:16) u min-naħa tagħna nagħtu wkoll il-ħajja fl-imħabba: inkunu kapaċi nwasslu l-ħajja kullimkien, speċjalment hemm fejn hemm esklużjoni u sfruttament, faqar u mewt. Hekk inwessgħu l-ispazji tal-imħabba[4] u Alla jsaltan dejjem iżjed f’din id-dinja.

 

Ħa sseħibna f’din it-triq it-talba li niseġ San Pawlu VI għall-1 Jum Dinji tal-Vokazzjonijiet, fil-11 ta’ April 1964:

 

“O Ġesù, Ragħaj divin tal-erwieħ, li sejjaħt lill-Appostli biex tagħmilhom sajjieda tal-bnedmin, u tiġbed lejk mill-ġdid erwieħ ħerqana u ġenerużi ta’ żgħażagħ, biex tagħmilhom dixxipli u ministri tiegħek; agħtihom sehem mill-għatx tiegħek għall-Fidwa universali, […] iftħilhom quddiemhom l-ixfqa tad-dinja kollha, […] biex, huma u jwieġbu għas-sejħa tiegħek, jissoktaw hawn isfel bil-missjoni tiegħek, jibnu l-Ġisem mistiku tiegħek, li hija l-Knisja, u jkunu ‘melħ tal-art’, ‘dawl tad-dinja’ (Mt 5:13)”.

 

Ħa sseħibkom u tħariskom il-Verġni Marija. Bil-barka tiegħi.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 30 ta’ April 2023, ir-IV Ħadd tal-Għid.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Dokument finali tal-XV-il Assemblea ġenerali ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (2018), Żgħażagħ, fidi u dixxerniment vokazzjonali, n. 78.

[2] Manuskritt B, miktub tul l-aħħar irtir tagħha (Settembru 1896): Opere complete, Roma 1997, 223.

[3] Ara Messaġġ għas-97 Jum Dinji tal-Missjonijiet (6 ta’ Jannar 2023).

[4] Dilatentur spatia caritatis: Santu WistinSermo 69: PL 5, 440,441.