Laikos

 

  -  Qari tal-messaġġ minn Gabriel Vella

MESSAĠĠ TAL-Q.T. IL-PAPA FRANĠISKU

GĦAT-58 JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-VOKAZZJONIJIET

 

San Ġużepp: il-ħolma tal-vokazzjoni

 

Għeżież ħuti!

 

Fit-8 ta’ Diċembru li għadda, fl-okkażjoni tal-150 anniversarju minn meta San Ġużepp ġie ddikjarat Patrun tal-Knisja universali, fetħet is-Sena speċjali ddedikata lilu (ara Digriet tal-Penitenzerija Appostolika, 8 ta’ Diċembru 2020). Min-naħa tiegħi, ktibt l-Ittra appostolika Patris corde, bl-għan li fina “tkebbes iktar l-imħabba lejn dan il-Qaddis kbir”. Fil-fatt għandna quddiemna figura tal-għaġeb, u fl-istess waqt “tant qrib tal-qagħda umana ta’ kull wieħed u waħda minna”. San Ġużepp ma għamilx xi ħwejjeġ ta’ barra minn hawn, ma kellux xi kariżmi partikulari, ma kienx jidher speċjali f’għajnejn min kien jiltaqa’ miegħu. La kien famuż u lanqas kien xi wieħed li jiġbed l-attenzjoni: il-Vanġeli mank kelma waħda ma jagħtuna minn fommu. U safrattant, fil-ħajja ordinarja tiegħu, wettaq xi ħaġa straordinarja f’għajnejn Alla.

 

Alla jħares lejn il-qalb (ara 1 Sam 16:7), u f’San Ġużepp sab qalb ta’ missier, li kellu l-ħila jagħti u jnissel il-ħajja fl-ordinarjetà. Dan hu li jagħmlu l-vokazzjonijiet: inisslu u jġeddu l-ħajjiet tal-bnedmin, ta’ kuljum. Il-Mulej jixtieq jagħġen qlub ta’ missirijiet, qlub ta’ ommijiet: qlub miftuħa, kapaċi għal inizjattivi kbar, ġenerużi fl-għotja, mimlija ħniena biex ifarrġu fit-tbatija u qawwija biex isaħħu t-tama. Ta’ dan għandhom bżonn is-saċerdozju u l-ħajja kkonsagrata, illum b’mod partikulari, fi żminijiet bħal dawn immarkati minn dgħufijiet u tbatijiet anki minħabba l-pandemija, li ġabet magħha inċertezzi u biżgħat dwar il-futur u l-istess sens tal-ħajja. San Ġużepp jiġi jiltaqa’ magħna bl-umiltà tiegħu, bħala qaddis tal-bieb ta’ maġenbna; fl-istess waqt ix-xhieda qawwija tiegħu tista’ ddawwalna fil-mixja tagħna.

 

San Ġużepp qed jissuġġerilna tliet kelmiet-muftieħ għall-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna. L-ewwel waħda hi ħolma. Fil-ħajja kulħadd joħlom li jsib il-milja tiegħu jew tagħha. U hi ħaġa tajba li jkollna xewqat kbar, tamiet għoljin, li l-miri ta’ ħwejjeġ li jgħaddu – bħas-suċċess, il-flus jew id-divertiment – ma jirnexxilhomx jissodisfaw. Fil-fatt, li kellna nitolbu lil xi ħadd jesprimi f’kelma waħda l-ħolma ta’ ħajtu, ma jkunx daqshekk diffiċli nistħajlu t-tweġiba: “imħabba”. Hi l-imħabba li tagħti sens lill-ħajja, għax tikxef il-misteru tagħha. Fil-fatt, ikollna l-ħajja biss jekk nagħtuha, tkun tagħna tassew biss jekk ningħataw kollna kemm aħna. San Ġużepp għandu ħafna x’jgħidilna dwar dan, għax, permezz tal-ħolm li fih kellmu Alla, minn ħajtu hu għamel don.

 

Il-Vanġeli jirrakkontaw erba’ ħolmiet (ara Mt 1:20; 2:13,19,22). Kienu sejħat divini, imma ma kienx daqshekk faċli tilqagħhom. Wara kull ħolma, Ġużeppi kellu jibdel il-pjanijiet tiegħu u jirriskja, jissagrifika l-proġetti tiegħu biex joqgħod għal dawk misterjużi ta’ Alla. Hu wera fiduċja sal-aħħar. Imma nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “Kemm kienet importanti ħolma fl-irqad billejl biex ipoġġi fiduċja tant kbira fiha?”. Imqar jekk fil-qedem kienu jagħtuha ħafna attenzjoni, xorta waħda kienet ħaġa żgħira quddiem ir-realtà konkreta tal-ħajja. Imma San Ġużepp ma ħasibhiex darbtejn u ħalla l-ħolm imexxih. Għaliex? Għax qalbu kienet imdawra lejn Alla, diġà kien dispost lejh. Għall-“widna interjuri” tiegħu, dejjem tishar, kien biżżejjed l-iċken ħjiel biex jagħraf il-leħen. Dan jgħodd ukoll għas-sejħat tagħna: Alla ma jħobbx juri ruħu b’mod spettakolari, billi jimponi fuq il-libertà tagħna. Hu jurina l-pjanijiet tiegħu bil-ħlewwa; ma jixxukkjaniex b’viżjonijiet għammiexa, imma jindirizza b’mod delikat il-ġewwieni tagħna, jidħol f’intimità magħna u jkellimna permezz tal-ħsibijiet tagħna u ta’ dak li nħossu. U hekk, kif għamel ma’ San Ġużepp, jipproponilna miri għoljin u sorprendenti.

 

Fil-fatt il-ħolm wassal lil Ġużeppi għal avventuri li qatt ma kien immaġina qabel. L-ewwel ħolma riegħdet l-għerusija, imma għamlitu missier il-Messija; it-tieni ġagħlitu jaħrab lejn l-Eġittu, imma salvat il-ħajja tal-familja tiegħu. Wara t-tielet waħda, li ħabbritlu r-ritorn f’pajjiżu, ir-raba’ reġgħet biddlitu l-pjanijiet, u ħaditu lura Nazaret, proprju hemm fejn Ġesù kellu jniedi t-tħabbira tas-Saltna ta’ Alla. Għalhekk, qalb dan it-taqlib kollu, il-kuraġġ li jimxi mar-rieda ta’ Alla ħarġu rebbieħ. Hekk jiġri fil-vokazzjoni: is-sejħa divina dejjem timbuttana biex noħorġu, biex ningħataw, biex immorru lil hemm. M’hemmx fidi mingħajr riskju. Nistgħu tabilħaqq ngħidu “iva” lil Alla jekk nintelqu b’fiduċja f’idejn il-grazzja, u nwarrbu l-programmi tagħna u l-kumditajiet tagħna. U kull “iva” ġġib il-frott, għax tobdi pjan ikbar, li minnu nifhmu biss xi dettalji, imma li l-Artista divin jaf u jmexxi ’l quddiem, biex minn kull ħajja jagħmel kapulavur. F’dan is-sens San Ġużepp jirrappreżenta ikona eżemplari ta’ min jilqa’ l-pjanijiet ta’ Alla. Imma hu jilqa’ b’mod attiv: qatt ma jċedi jew jirrassenja ruħu, għax hu “ma huwiex xi raġel irrassenjat b’mod passiv. Dan tiegħu hu protagoniżmu kuraġġjuż u qawwi” (Ittra appostolika Patris corde, 4). Ħa jgħin lil kulħadd, fuq kollox liż-żgħażagħ, biex iwettqu l-ħolm ta’ Alla għalihom; ħa jnebbaħ fihom l-inizjattiva kuraġġjuża li jgħidu “iva” lill-Mulej, li dejjem jissorprendina u qatt ma jiddeludina!

 

Hemm ukoll it-tieni kelma li timmarka l-mixja ta’ San Ġużepp u tal-vokazzjoni: qadi. Mill-Vanġelu joħroġ kif hu għex f’kollox għall-oħrajn u qatt għalih innifsu. Il-Poplu qaddis ta’ Alla jsejjaħlu għarus kastissmu, u hekk juri x’ħila kellu li jħobb mingħajr ma jżomm xejn għalih. Hu ħeles l-imħabba minn kull pussess, u hekk infetaħ għal qadi iktar għammiel: l-għożża kollha mħabba tiegħu vvjaġġat tul ġenerazzjonijiet sħaħ, il-ħarsien attent tiegħu għamlu patrun tal-Knisja. Huwa wkoll patrun tal-mewt it-tajba, hu li għaraf ilaħħam fih is-sens ta’ offerta ta’ ħajtu. Imma l-qadi tiegħu u s-sagrifiċċji tiegħu kienu possibbli biss għax kienu mwieżna minn imħabba ikbar: “Kull vokazzjoni vera titwieled mill-għotja tagħna nfusna, li hi l-maturazzjoni tas-sempliċi sagrifiċċju. Anki fis-saċerdozju u fil-ħajja kkonsagrata hi mitluba din l-għamla ta’ maturità. Hemm fejn vokazzjoni, fiż-żwieġ, fiċ-ċelibat jew verġinali, ma tilħaqx il-maturazzjoni tal-għotja tagħna nfusna, imma tieqaf biss mal-loġika tas-sagrifiċċju, allura flok issir sinjal tal-ġmiel u tal-ferħ tal-imħabba, tirriskja li tesprimi nuqqas ta’ kuntentizza, dwejjaq u frustrazzjoni” (ibid., 7).

 

Il-qadi, espressjoni konkreta tal-għotja tagħna nfusna, għal San Ġużepp ma kien biss ideal għoli, imma sar regola tal-ħajja ta’ kuljum. Hu xammar il-kmiem biex ifittex u jadatta post fejn seta’ jitwieled Ġesù; tħabat biex jiddefendih mill-korla ta’ Erodi u organizza vjaġġ ta’ malajr lejn l-Eġittu; kien lest biex malajr jerġa’ lura Ġerusalemm meta ntilef Ġesù; żamm il-familja fuq saqajha bix-xogħol tiegħu, anki f’art barranija. F’kelma waħda, adatta ruħu għad-diversi ċirkustanzi bl-atteġġjament ta’ wieħed li ma jaqtax qalbu jekk il-ħajja ma tmurx kif irid hu: bid-disponibbiltà ta’ min jgħix biex jaqdi. B’dan l-ispirtu Ġużeppi laqa’ l-għadd ta’ vjaġġi tal-ħajja, spiss imprevisti: minn Nazaret għal Betlehem għaċ-ċensiment, imbagħad l-Eġittu u mill-ġdid għal Nazaret, u kull sena lejn Ġerusalemm, kull darba lest biex jaffaċċja ċirkustanzi ġodda, bla ma jilmenta fuq dak li jiġrilu, lest biex jagħti daqqa t’id ħalli jirranġa s-sitwazzjoni. Tista’ tgħid li kien id-driegħ miftuħ tal-Missier tas-Sema fuq Ibnu fuq din l-art. U għalhekk ma jistax ħlief ikun xempju għall-vokazzjonijiet kollha, li għal dan huma msejħa: biex ikunu d-dirgħajn tal-Missier li jħabirku għal uliedu.

 

Għalhekk, nieħu pjaċir naħseb f’San Ġużepp, ħarries ta’ Ġesù u tal-Knisja, bħala ħarries tal-vokazzjonijiet. Fil-fatt, mid-disponibbiltà tiegħu biex jaqdi ġejja l-għożża tiegħu biex iħares. “Qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl” (Mt 2:14), jgħid il-Vanġelu, biex juri kemm kien pront u kemm kien dedikat għall-familja. Ma tilifx żmien jitturmenta l-ħsieb tiegħu fuq dak li ma kienx sejjer sew, biex hekk seta’ jagħtih kollu lil dawk li kienu fdati lilu. Din l-għożża attenta u premuruża hija s-sinjal ta’ vokazzjoni li rnexxiet. Hija x-xhieda ta’ ħajja li ħalliet l-imħabba ta’ Alla tmissha. X’eżempju sabiħ ta’ ħajja Nisranija nkunu noffru meta ma nwebbsux rasna nfittxu l-ambizzjonijiet tagħna u ma nħallux in-nostalġiji tagħna jipparalizzawna, imma nieħdu ħsieb ta’ dak li l-Mulej, permezz tal-Knisja, qed jafdalna! Għalhekk Alla jsawwab fuqna l-Ispirtu tiegħu, il-kreattività tiegħu; u jwettaq ħwejjeġ tal-għaġeb, kif għamel f’Ġużeppi.

 

Barra s-sejħa ta’ Alla – li twettaq l-ikbar ħolmiet tagħna – u t-tweġiba tagħna – li sseħħ fil-qadi disponibbli u fl-għożża attenta –, hemm it-tielet aspett fil-ħajja ta’ San Ġużepp u l-vokazzjoni Nisranija, u li jmiss il-ħajja ta’ kuljum: il-fedeltà. Ġużeppi hu r-“raġel ġust” (Mt 1:19), li fis-sikta ħabrieka ta’ kuljum jippersevera fit-twettiq tar-rieda ta’ Alla u tal-pjanijiet tiegħu. F’mument partikularment diffiċli jibda “jaħsibha” (ara v. 20). Jimmedita, jaħseb: ma jħallix l-għaġla tirbħu, ma jċedix għat-tentazzjoni li jieħu deċiżjonijiet mgħaġġlin, ma jafdax fl-istint tiegħu u ma jgħixx bil-mument. Kollox jgħożż fis-sabar. Jaf li l-ħajja tinbena biss fuq it-twettiq kostanti ta’ għażliet kbar. Dan jikkorrispondi mal-bżulija mansweta u kostanti li biha huwa wettaq il-mestier umli ta’ mastrudaxxa (ara Mt 13:55), li bih ma għamel ebda aħbar fi żmienu, imma nebbaħ il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull missier, ta’ kull ħaddiem, ta’ kull Nisrani mal-medda tas-sekli. Għax il-vokazzjoni, bħall-ħajja, timmatura biss permezz tal-fedeltà ta’ kuljum.

 

Kif inżommuha ħajja din il-fedeltà? Għad-dawl tal-fedeltà ta’ Alla. L-ewwel kelmiet li San Ġużepp sema’ jingħadu lilu fil-ħolm kienu l-istedina biex ma jibżax, għax Alla huwa fidil għall-wegħdiet tiegħu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’” (Mt 1:20). Xejn la tibża’: huma l-kelmiet li l-Mulej qed jgħid ukoll lilek, għażiża oħti, u lilek, għażiż ħija, meta, imqar qalb l-inċertezzi u t-taqlib, tħoss li ma tistax tittardja iżjed ix-xewqa li tagħtih ħajtek. Huma l-kelmiet li jtennilek meta, hemm fejn tinsab, forsi qalb il-provi u nies li ma jifhmukx, qed titqabad biex ta’ kuljum tagħmel ir-rieda tiegħu. Huma l-kelmiet li terġa’ tiskopri meta, tul il-mixja tas-sejħa, terġa’ lura għal dik l-ewwel imħabba. Huma l-kelmiet li, bħal ritornell, isieħbu lil min jgħid iva lil Alla bil-ħajja tiegħu bħal San Ġużepp: fil-fedeltà ta’ kuljum.

 

Din il-fedeltà hija s-sigriet tal-ferħ. Fid-dar ta’ Nazaret, jgħid innu liturġiku, kien hemm “ferħ safi”. Kien il-ferħ ta’ kuljum u trasparenti tas-sempliċità, il-ferħ li jġarrab min jieħu ħsieb ta’ dak li jiswa tassew: il-qrubija fidila lejn Alla u lejn il-proxxmu. Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku l-istess atmosfera sempliċi u mdawla, sobrja u kollha tama, kellha tinfed fis-seminarji tagħna, fl-istituti reliġjużi tagħna, fid-djar parrokkjali tagħna! Huwa l-ferħ li jien nixtieq lilkom, ħuti li b’ġenerożità għamiltu minn Alla l-ħolma ta’ ħajjitkom, biex taqduh fl-aħwa fdati f’idejkom, b’fedeltà li minnha nfisha diġà hi xhieda, fi żmien immarkat minn għażliet tal-mument u emozzjonijiet li jgħibu fix-xejn mingħajr ma jħallu ferħ warajhom. San Ġużepp, ħarries tal-vokazzjonijiet, jimxi magħkom b’qalb ta’ missier!

 

Ruma, San Ġwann fil-Lateran, 19 ta’ Marzu 2021, Solennità ta’ San Ġużepp

 

Franġisku

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard