Laikos

 

L-EWWEL JUM DINJI TAT-TFAL

25 u 26 ta‘ Mejju

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

IL-PAPA FRANĠISKU

Għeżież tfal bniet u subien!

Qed joqrob l-ewwel Jum Dinji tagħkom: se jkun f’Ruma fil-25 u s-26ta’ Mejju.  Għalhekk ħsibt li nibgħatilkom messaġġ, jien kuntent li tistgħu tirċevuh u rrodd ħajr lil kulmin ħa l-impenn li jwassalulkom.

L-ewwel li qed nindirizzah hu lilkom personalment, lilek għażiża tifla, lilek, għażiż tifel, għax intom “prezzjużi” f’għajnejn Alla (43,4), kif tgħallimna l-Bibbja u kif wera tant drabi Ġesù.

Fl-istess ħin dal-messaġġ qed nibgħatu lil kulħadd, għaliex ilkoll intom importanti u għaliex flimkien, qrib jew imbegħdin, intom xbieha tax-xewqa ta‘ kull wieħed u waħda minna li nikbru u niġġeddu.  Tfakkruna li kollha kemm aħna ulied, għandna l-ħutna u ħadd ma jista‘ jeżisti jekk xi ħadd ma jġibux fid-dinja, u lanqas jikber jekk ma jkollux lil min jagħti l-imħabba u jirċevieha (Enċ Fratelli tutti, 95).

Hekk, intom ilkoll, tfal bniet u subjien, hena tal-ġenituri tagħkom u tal-familji tagħkom, intom ukoll l-hena tal-umanità u tal-Knisja li fiha kull persuna hi ħolqa minn katina twila ħafna li tgħaddi mill-imgħoddi għall-ġejjieni u torbot fiha l-art kollha.  Għalhekk nirrikmandalkom li dejjem tisimgħu b’attenzjoni dak li jirrakkuntawlkom il-kbar: ibda minn ommijietkom, missirijietkom, in-nanniet u l-bużnanniet!  U fl-istess ħin ma tinsewx li dawk fostkom, li għalkemm għadhom żgħar, diġà jisbu ruħhom jiġġieldu l-mard u diffikultajiet oħra, fl-isptar jew id-dar, lil min hu vittma tal-gwerra u l-vjolenza, min isofri l-ġuħ u l-għatx, min jgħix fit-toroq, min hu mġiegħel isir suldat jew jaħrab bħala rifuġjat, min hu mifrud mill-ġenituri tiegħu, min ma jistax imur l-iskola, min hu vittma ta‘ organizzazzjonijiet kriminali, tad-droga u għamlet oħra ta‘ skjavitù, tal-abbużi. Insomma, dawk it-tfal kollha li sal-lum bi krudeltà tinsterqilhom tfulithom.  Isimgħuhom, anzi nisimgħuhom, għax fit-tbatija tagħhom qed ikellmuna dwar ir-realtà, bl-għajnejn imsoffijin mid-dmugħ u b’dik ix-xewqa tenaċi tar-risq li tinbet mill-qalb ta‘ min verament ra kemm hu ikraħ il-ħażen.

Ħbieb ċkejknin tiegħi, biex niġġeddu, aħna u d-dinja, mhux biżżejjed inkunu flimkien bejnietna: hemm bżonn inkunu magħqudin ma‘ Ġesù.  Hu jtina ħafna kuraġġ: Hu dejjem qribna, l-Ispirtu tiegħu jasal qabilna u jakkumpanjana fit-toroq tad-dinja.  Ġesù jgħidilna: “Araw, jien inġedded kollox“ (Ap, 21,5); hu l-kliem li jien għażilt bħala tema għal dan l-Ewwel Jum Dinji.

Dal-kliem jistedinna nsiru ħfief bħat-tfal biex nilqgħu in-novitajiet li jqanqal fina u madwarna l-Ispirtu.  Flimkien ma‘ Ġesù nistgħu noħolmu umanità ġdida u nimpenjaw ruħna biex insawru soċjetà aktar fraterna u attenta għad-dar komuni tagħna, ibda mill-aktar affarijiet sempliċi, bħalma hu li nsellmu lill-oħrajn, nitolbu permess, niskużaw ruħna, ngħidu grazzi.  Id-dinja tittrasforma ruħha, qabel kollox, b’dawn l-affarijiet żgħar, bla ma nistħu li jkollna nagħmlu biss passi żgħar.  Anzi, iċ-ċokon tagħna jfakkarna li aħna fraġli u li neħtieġu lil xulxin bħala membri tal-istess ġisem (cfr Rum 12,5; 1 Kor 12,26).

U hemm aktar.  Infatti, għeżież tfal, ma nistgħux inkunu hienja jekk ngħixu għal rasna, għax il-ferħ jikber daqskemm aħna għandna ħila naqsmuh ma‘ ħaddieħor: jiġi mill-gratitudni għar-rigali li rċevejna u li min-naħa tagħna naqsmuhom ma‘ ħaddieħor.  Meta dak li nkunu rċevejna nżommuh għalina waħedna, jew inkella nagħmlu l-kapriċċi biex niksbu xi rigal, fil-verità nkunu qed ninsew li l-akbar rigal huwa aħna nfusna, għal xulxin: aħna r-rigal ta‘ Alla.  Ir-rigali l-oħra hemm bżonnhom, iva, imma biss biex iżommuna flimkien.  Jekk ma nużawhomx sewwa nibqgħu dejjem mingħajr sodisfazzjon u qatt ma jkunu biżżejjed.

Iżda jekk nibqgħu flimkien kollox ikun differenti!  Ftakru fi ħbiebkom: kemm hu sabiħ li tkunu magħhom, id-dar, l-iskola, fil-parroċċa, l-oratorju, kullimkien; tilgħabu, tkantaw, tiskopru l-ġdid, tiddevertu, ilkoll flimkien bla ħadd minnkom ma jibqa‘ lura.  Il-ħbiberija hi ħaġa mill-isbaħ u hekk biss tissaħħaħ, billi naqsmu ma‘ ħaddieħor u naħfru, bil-paċenzja, bil-kuraġġ, bil-kreattività u l-fantasija, bla biża u bla preġudizzji.

U issa nixtieq nikxef sigriet importanti: biex inkunu verament hienja hemm bżonn it-talb, ħafna talb, kuljum, għax it-talb jgħaqqadna direttament ma‘ Alla, jimlielna qlubna bid-dawl u l-ħrara u jgħinna nagħmlu kollox bil-fiduċja u s-serenità.  Ġesù wkoll kien jitlob lil Missieru.  U tafu kif kien isejjaħlu?  Bil-lingwa tiegħu kien isejjaħlu sempliċiment Abba, li tfisser Papà (cfr Mk 14,36).  Nagħmlu hekk aħna wkoll!  Hekk, inħossuh dejjem aktar qrib tagħna.  Wegħedna dan Ġesù nnifsu meta qalilna: “Fejn hemm tnejn jew tlieta jitolbu f’ismi hemm jien inkun f’nofshom” (Mt 18,20).

Għeżież tfal bniet u subjien, tafu li f’Mejju se niltaqa’ ma’ għadd kbir minnkom f’Ruma, propju magħkom li se tiġu minn madwar id-dinja kollha!  U għalhekk, biex ntħejjew tajjeb, nirrikmandalkom li titolbu bl-istess kliem li għallimna Ġesù: it-talba tal-Missierna.  Għiduha kull filgħodu, kull filgħaxija u wkoll fil-familja, mal-ġenituri tagħkom, ma’ ħutkom, man-nanniet.  Iżda mhux b’rutina, le!  Għiduha bi ħsiebkom fil-kliem li għallimna Ġesù.  Ġesù qed isejħilna u jridna nkunu protagonisti miegħu f’dal-Jum Dinji, bennejja ta’ dinja ġdida, aktar umana, ġusta u paċifika.  Hu li offra ruħu fuq is-Salib biex jiġborna lkoll miegħu fl-imħabba, Hu li għeleb il-mewt u reġa’ ħabbibna mal-Missier, irid ikompli l-opra tiegħu fil-Knisja, permezz tagħna.  Aħsbu sew f’dan, partikolarment dawk minnkom li qed jitħejjew biex jirċievu l-Ewwel Tqarbina.

Għeżież, Alla minn dejjem ħabbna (cfr Ġer 1,5) ħarstu fuqna mimlija mħabba ta’ missier u mimlija ħlewwa bħal dik ta’ omm.  Hu qatt ma jinsiena (cfr 19,15), jakkumpanjana kuljum u jġeddidna bl-Ispirtu tiegħu.  Flimkien mal-Imqaddsa Marija u San Ġużepp nitolbu b’dal-kliem:

 

Ejja, Spirtu Qaddis

Urina sbuħitek

Fil-wiċċ tat-tfal tad-dinja.

Ejja Ġesù,

li ġġedded kollox,

li int it-triq li twassal għand il-Missier,

ejja u ibqa’ magħna. Ammen.

 

Ruma, San Giovanni in Laterano, 2 ta’ Marzu, 2024

FRANĠISKU

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber