Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FL-OKKAŻJONI TAR-
IV JUM DINJI TAN-NANNIET U L-ANZJANI

28 ta’ Lulju, 2024

“Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija” (cfr. Salm 71,9)
 

Għeżież ħuti!

Alla ma jabbandunax lil uliedu, qatt.  Lanqas fl-età avvanzata u meta l-forzi jiddagħjfu, meta x-xagħar jibjad u l-irwol soċjali ma jibqax dak li jkun, meta l-ħajja ssir anqas produttiva u tidħol f’riskju li tidher inutli.  Hu ma jħarisx lejn is-sura (cfr 1 Sam 16,7) u xejn ma jiddejjaq jagħżel lil dawk li f’għajnejn ħafna jidhru irrilevanti.  Ma jiskarta ebda ġebla, anzi, “dawk l-aktar xjuħ” huma l-bażi żgura li l-ġebel “il-ġdid” jista’ jistrieh fuqhom biex ilkoll flimkien jibnu d-dar spiritwali (cfr 1 Pt 2,5).

L-Iskrittura Mqaddsa, kollha kemm hi, hi rakkont tal-imħabba fidila tal-Mulej, li minnha titnissel ċertezza li tfarraġ:  Alla jkompli jurina ħnientu, dejjem, f’kull fażi tal-ħajja, u f’kull kundizzjoni li nkunu ninsabu fiha, fit-tradimenti tagħna wkoll.  Is-Salmi huma miżgħuda bil-meravilja tal-qalb umana quddiem Alla li jieħu ħsiebna, minkejja x-xejn tagħna (cfr Salm 144,3-4); iserrħulna rasna li Alla niseġ lil kull wieħed u waħda minna sa mill-ġuf tal-omm (cfr Salm 139,13) u lanqas jitlaqna fl-imwiet (cfr Salm 16,10).  Għalhekk nistgħu nkunu ċerti li se jkun qribna fix-xjuħija wkoll, aktar u aktar għaliex fil-Bibbja x-xjuħija hi sinjal ta’ barka.

Madankollu, fis-salmi nsibu wkoll din l-invokazzjoni mqanqla lill-Mulej: “Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija” (Salm 71,9).  Espressjoni qawwija, brutali għall-aħħar.  Tfakkarna fit-tbatija estrema ta’ Ġesù li fuq is-salib għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27,46).

Għaldaqstant, fil-Bibbja nsibu ċ-ċertezza tal-qrubija ta’ Alla f’kull staġun tal-ħajja u, fl-istess ħin, il-biża tal-abbandun, partikolarment fix-xjuħija u fil-mument tal-uġigħ.  Mhix kuntradizzjoni.  Inħarsu madwarna, ma nsibuhiex bi tqila nivverifikaw kif dawn l-esprezzjonijiet huma mera ta’ realtà mill-aktar evidenti.  Wisq spiss, is-solitudni hi l-kumpann morr ta’ ħajjitna, anzjani u nanniet.  Bosta drabi, bħala isqof ta’ Buenos Aires ġara li żort djar tal-anzjani u ndunajt kemm hu rari li lil dawn il-persuni jmorru jżuruhom: uħud kienu ilhom ma jaraw lill-għeżież tagħhom xhur sħaħ.

Ir-raġunijiet ta’ din is-solitudni huma bosta: f’ħafna pajjiżi, il-foqra fuq kollox, l-anzjani, jisfaw waħedhom għax uliedhom ikollhom jemigraw.  Inkella niftakar fil-bosta sitwazzjonijiet ta’ kunflitt: kemm anzjani jibqgħu waħedhom għax l-irġiel - żgħażagħ u adulti – jkollhom imorru għall-gwerra u n-nisa, fuq kollox l-ommijiet bi tfal żgħar, iħallu pajjiżhom biex iħarsu lil uliedhom.  Fl-ibliet u fil-villaġġi mfarrkin bil-gwerra jibqgħu x-xjuħ u l-anzjani waħdehom, sinjali uniċi ta’ ħajja f’żoni fejn donnu jidher isaltan l-abbandun u l-mewt.  Fi nħawi oħra tad-dinja mbagħad, hemm konvinzjoni falza, li daħlet sew ’il ġewwa f’ċerti kulturi lokali, li tiġġenera ostilità lejn l-anzjani, għax jissuspettaw li huma jużaw is-seħer biex ineħħu l-enerġija vitali miż-żgħażagħ; tant hu hekk, li fil-kas ta’ mewt prematura jew ta’ marda jew xorti ħażina li tolqot lil xi persuna żgħażugħa, il-ħtija jeħel biha xi anzjan.  Dil-mentalità għandna nikkumbattuha u neqirduha.  Hi waħda mill-preġudizzji bla bażi, li l-fidi nisranija ħelsitna minnhom, mentalità li tmanti konflittwalità ġenerazzjonali persistenti bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani.

Jekk nirriflettu sew, din l-akkuża li ssir lix-xjuħ, dik li “jisirqu l-ġejjieni taż-żgħażagħ”, illum hi preżenti kullimkien.  Din tippreżenta ruħna f’forom oħra, anki fis-soċjetajiet l-aktar avvanzati u moderni.  Per eżempju, issa daħlet il-konvinzjoni li l-anzjani huma piż finanzjarju fuq iż-żgħażagħ minħabba l-assistenza li jeħtieġu, u b’hekk ikunu qed idgħajfu r-riżorsi li hemm bżonn għall-iżvilupp tal-pajjiż, jiġifieri għaż-żgżażagħ.  Hi perċezzjoni li tgħawweġ għal kollox ir-realtà.  Qiesu li s-sopravvivenza tal-anzjani qed tqiegħed f’riskju dik taż-żgħażagħ.  Qiesu li biex nappoġġjaw liż-żgħażagħ hemm bżonn nittraskuraw lill-anzjani, inkella neħilsu minnhom. Il-kontrappożizzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet hi ingann u hija frott avvelenat tal-kultura tal-kunflitt.  Li liż-żgħażagħ u l-anzjani nkesksuhom kontra xulxin hi manipolazzjoni inaċċettabbli: “Hemm fin-nofs l-għaqda bejn l-etajiet tal-ħajja: jiġifieri, il-punt ta’ riferiment reali biex nifhmu u napprezzaw il-ħajja umana fls-sħuħija tagħha” (Katekeżi 23 ta’ Frar, 2022).

Is-salm li kkowtajt qabel – it-talba ħerqana biex ma nisfawx abbandunati fi xjuħitna – jitkellem dwar kumplott li jhedded il-ħajja tal-anzjani.  Donnu kliem daqsxejn goff imma nifhmuhom jekk inqisu li s-solitudni, u li niskartaw l-anzjani mhumiex kumbinazzjoni jew inevitabbli, imma huma frott ta’ għażliet – politiċi, ekonomiċi, soċjali u personali – li ma jagħtux għarfien xieraq lid-dinjità infinita ta’ kull persuna “lil hinn minn kull ċirkustanza u kwalunkwe stat jew sitwazzjoni li tkun tinsab fiha” (Dik. Dignitas infinita 1)  Dan iseħħ meta nitilfu s-sens tal-valur ta’ kull wieħed u waħda minna u l-persuni jsiru biss spiża, l-istess anzjani jisfaw vittmi ta’ din il-mentalità u jibdew jitqiesu bħala piż, tant li huma stess jibdew jixtiequ jwarrbu min-nofs.

Min-naħa l-oħra ħafna huma l-irġiel u n-nisa li jfittxu s-sodisfazzjon personali f’eżistenza kemm jista’ jkun awtonoma u maqtugħa mill-oħrajn.  Is-sens ta’ appartenenza komuni jinsab fi kriżi u s-suċċess sar prerogattiva tal-individwu; “il-passaġġ” mill-“aħna” lejn “jiena” jidher li hu wieħed mill-aktar sinjali evidenti ta’ żmienna.  Il-familja, li hi l-ewwel u l-aktar kontestazzjoni radikali tal-idea li nistgħu nsalvaw bil-ħila tagħna biss, hi waħda mill-vittmi ta’ dil-kultura individwalista.  Però, meta nixjieħu, ftit ftit aktar ma’ l-forzi jibdew ibattu, il-miraġġ tal-indvidwaliżmu, l-illużjoni li “m’għandi bżonn ħadd” u li nista’ ngħix bla ebda rabtiet jibda jidher dak li hu; għax insibu li jkollna bżonn ta’ kollox, imma issa waħedna, bla ebda għajnuna, bla ħadd li nistgħu nafdaw fih.  Hi skoperta ta’ swied il-qalb li ħafna jiskopru meta jkun tard wisq.

Is-solitudni u l-iskart saru elementi regolari fil-kuntest li fih qed ngħixu.  L-għeruq tagħhom huma bosta: f’xi każi huma frott ta’ esklużjoni programmata, speċi ta’ “konġura soċjali”; f’każi oħra, sfortunatament hi deċiżjoni personali.  Drabi oħra wkoll din hi sitwazzjoni li bniedem jagħmel tabirruħu li għażilha awtonomament.  “Il-gost tal-fraternità” qed jintilef dejjem aktar” (Enċ. Fratelli tutti, 33), u nsibuha bi tqila li mqar nimmaġinaw xi ħaġa differenti.

F’ħafna anzjani qed ninnutaw dak is-sentiment ta’ rassenjazzjoni li jitkellem dwaru l-Ktieb ta’ Rut meta jirrakkonta li x-xwejħa Noemi, li wara l-mewt ta’ żewġha u uliedha subjien, tistieden liż-żewġ nisa tagħhom, Orpa u Rut, biex jerġgħu jmorru lura lejn il-pajjiż mnejn ġew u lejn darhom (cfr Rut 1,8).  Noemi – bħal ħafna anzjani llum – tibża’ li se tisfa’ waħedha, madankollu ma jirnexxilhiex timmaġina xi ħaġa differenti.  Bħala armla, hi konxja li f’għajnejn is-soċjetà ftit għandha valur u hi konvinta li hi piż għal dawk iż-żewġ żgħażagħ li, bil-maqlub tagħha, kienu għad iridu jgħixu ħajjithom.  Għalhekk kienet ħasbet li jkun aħjar li titwarrab u tkun hi stess li tistieden lin-nsa ta’ uliedha biex iħalluha u jerġgħu jibdew jibnu ħajjithom ximkien ieħor (cfr Rut 1,11-13).  Kliemha hu konċentrat ta’ normi soċjali u reliġjużi li donnhom ma jinbidlux u li huma d-destin tagħha.

Ir-rakkont bibliku, f’dal-punt, jippreżentalna żewġ għażliet għall-istedina ta’ Noemi, u għalhekk quddiem ix-xjuħija.  Waħda min-nisa, Orpa, li xorta waħda tħobb lil Noemi, b’ġest ta’ għożża, tbusha, imma taċċetta dik li għaliha tidher bħala s-soluzzjoni ewlenija possibbli u titlaq lejn triqtha.  Iżda Rut, ma tinqatax minn ma’ Noemi u tgħidilha kliem sorprendenti: “Iġġagħalnix nitilqek u nerġa’ lura minnek” (Rut 1,16).  Ma tibżax tisfida d-drawwiet u l-ħsieb komuni, tħoss li dik l-anzjana għandha bżonnha u, bil-kuraġġ, tibqa’ magħha f’dak li kellu jkun vjaġġ ġdid għat-tnejn li huma.  Lilna lkoll – ikkundizzjonati mill-idea li s-solitudni ma nistgħux naħarbu minnha – Rut tgħallimna li għall-invokazzjoni “tabbandunanix” possibbli t-tweġiba “mhux se nabbandunak!”  Rut ma tiddejjaq xejn taqleb ta’ taħt fuq dik li tidher bħala realtà li ma tistax tinbidel:  il-ħajja tas-solitudni ma tistax tkun l-unika alternattiva!  Mhux ta’ b’xejn, Rut – dik li tibqa’ qrib l-anzjana Noemi – hi antenata tal-Messija (cfr Mt 1,5), ta’ Ġesù, l-Immanu-el, Dak li hu “Alla magħna”, Dak li jġib il-qrubija ta’ Alla mal-bnedmin kollha, ta’ kull kundizzjoni, ta’ kull età.

Il-libertà u l-kuraġġ ta’ Rut jistednuna biex interrqu triq ġdida: nimxu fuq il-passi tagħha, nibdew vjaġġ flimkien ma’ dil-mara barranija żgħażugħa u mal-anzjana Noemi, le ma nibżgħu nibdlu d-drawwiet tagħna u nimmaġinaw ġejjieni differenti għall-anzjani tagħna.  Il-gratitudni tagħna hi lejn dawk il-persuni kollha li, minkejja tant sagrifiċċji, imxew fuq l-eżempju ta’ Rut u qed jieħdu ħsieb ta’ xi anzjan jew sempliċiment, ta’ kuljum, juru l-qrubija tagħhom ma xi qarib jew xi ħadd ieħor li safa waħdu.  Rut għażlet li tibqa’ qrib Noemi u kisbet il-barka: bi żwieġ hieni, dixxendenza, art.  Dan jgħodd dejjem u għal kulħadd: billi nkunu qrib l-anzjani, nagħrfu l-irwol insostitwibbli li huma għandhom fi ħdan il-familja, fil-soċjetà u fil-Knisja.  Hekk aħna wkoll nirċievu bosta doni, bosta grazzji, bosta barkiet!

F’dan ir-raba’ Jum Dinji dedikat lilhom, ejjew nuru l-ħlewwa tagħna man-nanniet u l-anzjani tal-familji tagħna, inżuru lil dawk li huma sfiduċjati u tilfu kull tama li hu possibbli jkun hemm futur differenti għalihom.  Għall-atteġġjament egoistiku li jwassal għall-iskart u s-solitudni ejjew inwieġbu b’qalb miftuħa u wiċċ daħqan ta’ min għandu l-kuraġġ jgħid “mhux se nabbandunak!”, u nibdew mixja differenti.

Lilkom ilkoll, nanniet u anzjani mill-aktar għeżież, u lil dawk li huma qribkom, taslilkom il-barka tiegħi flimkien ma’ talbi.  Intom ukoll, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

Ruma, San Giovanni in Laterano, 25 ta’ April, 2024.
 

 FRANĠISKU

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber