Laikos

 

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
GĦAD-XCIX JUM DINJI TAL-MISSJONI, 2025

[19 ta’ Ottubru, 2025]

Missjunarji tat-tama fost il-ġnus

 

Għeżież ħuti!

Għall-Jum Dinji tal-Missjoni fis-sena tal-Ġublew 2025, li l-messaġġ ewlieni tiegħu hu t-tama (cfr Bolla It-tama ma tqarraqx, 1), għażilt dal-motto: “Missjunarji tat-tama fost il-ġnus”.  Hi sejħa għall-insara individwalment u għall-Knisja, komunità tal-imgħammdin, hi l-vokazzjoni fundamentali tal-bniedem fuq il-passi ta’ Kristu, biex inkunu messaġġiera u bennejja tat-tama.  Nawgura lil kulħadd żmien ta’ grazzja ma’ Alla fidil li ġġenerana mill-ġdid fi Kristu Rxoxt “għal tama ħajja” (cfr 1 Pt 1,3-4); u nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar xi aspetti rilevanti tal-identità missjunarja nisranija, sabiex inħallu lill-Ispirtu t’Alla jmexxina u biex nitkebbsu b’żelu qaddis għal staġun ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja, mibgħuta biex tqanqal mill-ġdid it-tama f’dinja li tinsab taħt sħab iswed (cfr Enċ. Fratelli tutti 9-55).

1. Fuq il-passi ta’ Kristu tama tagħna

Aħna u niċċelebraw l-ewwel Ġublew tat-tielet millennju, wara dak tas-sena elfejn, inżommu ħarsitna fuq Kristu li hu ċ-ċentru tal-istorja, “li huwa dak li kien fl-imgħoddi, issa u għal dejjem” (Lhud 13,8).  Fis-sinagoga ta’ Nazaret Hu kien iddikjara li dakinhar kienet twettqet l-Iskrittura bil-preżenza storika tiegħu.  B’hekk wera ruħu bħala l-mibgħut tal-Missier bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu biex iwassal il-Bxara t-Tajba tas-Saltna t’Alla u jinawgura “ż-żmien ta’ grazzja tal-Mulej” għall-umanità kollha (cfr Lq 4,16-21).

F’dan “l-illum” mistiku li se jibqa’ sal-aħħar tad-dinja, Kristu hu l-milja tas-salvazzjoni għal kulħadd, partikolarment għal dawk li t-tama waħdanija tagħhom hi Alla.  Tul ħajtu fid-dinja hu “għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil kulħadd” mill-ħażen u mill-Malinn (cfr Atti 10,38), billi reġa’ ta mill-ġdid it-tama f’Alla lil min fil-bżonn u lill-popli.  Minbarra dan, Hu ġarrab id-dgħufijiet umani kollha, minbarra d-dnub, u għadda minn mumenti kritiċi li setgħu jwasslu għad-disperazzjoni, bħalma ġara waqt l-agunija fil-Ġetsemani u fuq is-salib.  Però Ġesù ħalla kollox f’idejn Alla, baxxa rasu b’fiduċja sħiħa għall-proġett salvifiku tal-umanità, proġett ta’ paċi għal futur mimli tama (cfr Ġer 29,11).  Hekk, sar il-Missjunarju divin tat-tama , mudell suprem ta’ kulmin matul is-sekli mexxa ‘l quddiem il-missjoni li rċieva minn Alla anki waqt provi estremi.

Permezz tad-dixxipli tiegħu, mibgħutin lill-popli kollha u akkumpanjati mistikament minnu, il-Mulej Ġesù jkompli l-ministeru tiegħu ta’ tama għall-umanità.  Hu għadu sal-lum imil fuq kull persuna fqira, imnikkta, iddisprata u mgħakusa mill-ħażen, biex “iferra’ fuq il-feriti ż-żejt tal-faraġ u l-inbid tat-tama” (Prefazju “Ġesù, Sammaritan it-Tajjeb”).  Ubbidjenti għall-Mulej u Mgħallem tagħha, u bl-istess spirtu ta’ servizz, il-Knisja, komunità ta’ dixxipli-missjunarji ta’ Kristu, testendi dil-missjoni billi toffri l-ħajja lil kulħadd fost il-ġnus kollha.  Minkejja li min-naħa jkollha taffaċċja persekuzzjonijiet, tribulazzjonijiet u diffikultajiet, u mill-oħra l-imperfezzjonijiet tagħha u l-waqgħat minħabba d-dgħufija ta’ xi wħud mill-membri tagħha, hi dejjem xprunata mill-imħabba ta’ Kristu biex magħquda miegħu tkompli l-mixja missjunarja u tisma’, bħalu u miegħu, l-għajta tal-umanità, anzi, il-karba ta’ kull kreatura li tistenna r-redenzjoni definittiva.  Din hi l-Knisja li l-Mulej minn dejjem u għal dejjem isejjaħ biex timxi fuq il-passi tiegħu: “mhux Knisja statika, (imma) Knisja missjunarja, li timxi mal-Mulej fit-toroq tad-dinja” (Omelija waqt il-Quddiesa tal-Għeluq tal-Assemblea Ġenerali ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 27 ta’ Ottubru, 2024).

Għalhekk aħna wkoll għandna nħossuna ispirati biex nibdew nimxu fuq il-passi tal-Mulej Ġesù biex miegħu u fih, insiru sinjali u messaġġiera ta’ tama għal kulħadd, f’kull imkien u ċirkostanza li Alla jtina li nsibu ruħna fihom.  Jalla l-imgħammdin kollha, dixxipli-missjunarji ta’ Kristu, jdawlu kull rokna tad-dinja bit-tama tiegħu!

2. L-insara, iwasslu u jibnu t-tama fost il-ġnus

Fuq il-passi ta’ Kristu l-Mulej, l-insara msejħin biex jittrażmettu l-Bxara t-Tajba billi jixxerjaw il-kundizzjonijiet konkreti tal-ħajja ma’ dawk li jiltaqgħu magħhom u hekk isiru ħabbâlra u bennejja tat-tama.  Infatti, “L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta' dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta' Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f'qalbhom” (Gaudium et spes, 1).

Din l-affermazzjoni ċelebri tal-Konċilju Vatikan II, li tesprimi kif iħossu u l-istil tal-komunitajiet insara f’kull epoka, għadha tkompli tispira lill-membri u tgħinhom jimxu ma’ ħuthom fid-dinja.  Qed niftakar partikolarment fikom, missjunarji rġiel u nisa ad gentes, illi, bi tweġiba għas-sejħa divina mortu f’nazzjonijiet oħra biex twasslu l-imħabba t’Alla fi Kristu.  Grazzi mill-qalb!  Ħajjitkom hi tweġiba konkreta għall-mandat ta’ Kristu Rxoxt, li bagħat lid-dixxipli jevanġelizzaw lill-popli kollha (cfr (Mt 28,18-20).  B’hekk intom tfakkru xhini l-vokazzjoni universali tal-imgħammdin biex, bil-qawwa tal-Ispirtu u l-impenn fil-ħajja ta’ kuljum, isiru missjunarji tat-tama l-kbira li rregalalna l-Mulej Ġesù.

Ix-xefaq ta’ din it-tama jisboq ir-realtajiet fiergħa tad-dinja u jinfetaħ għal dawk divini, li diġà nduquhom minn issa.  Infatti, kif kien kiteb San Pawlu VI, is-salvazzjoni fi Kristu li l-Knisja toffri lil kulħadd bħala don tal-ħniena t’Alla mhix biss “salvazzjoni immanenti li twieġeb għall-bżonnijiet materjali jew inkella wkoll spiritwali illi (...) huma minsuġa għal kollox max-xewqat, tamiet, ħidma u taħbit temporali, iżda salvazzjoni li tmur ‘l hinn minn dawn il-limiti u ssib il-milja tagħha fil-komunjoni mal-Assolut uniku u divin: salvazzjoni traxxendentali, eskatoliġika li tibda, iva, fuq din l-art iżda ssib il-milja tagħha fl-eternità” (Eż. App. Evangelii nuntiandi, 27).

Imqanqlin minn tama tant kbira, il-komunitajiet insara jistgħu jkunu sinjali ta’ umanità ġdida f’dinja li fl-inħawi l-aktar “żviluppati” qed turi sintomi gravi ta’ kriżi umana: sens mifrux ta’ konfużjoni, solitudni u anzjani abbandunati, diffikultajiet biex bniedem isib l-għajnuna disponibbli lanqas minn min jgħix qribu.  Fin-nazzjonijiet l-aktar avvanzati tekonoloġikament għebet il-qrubija: ilkoll inter-konnessi, imma mhux f’relazzjoni.  L-effiċjentiżmu u l-kilba għall-materjali u għall-ambizzjoni jimbuttawna biex induru biss madwarna nfusna, bla ħila ta’ altruiżmu.  L-Evanġelju li jingħex fil-komunità jista’ jroddilna lura umanità integra, sana, mifdija.

Għaldaqstant ejjew inqiegħdu fil-prattika l-istedina biex inwettqu l-azzjonijiet li indikajt fil-Bolla tal-indizzjoni tal-Ġublew (nn. 7-15), b’attenzjoni partikolari għall-foqra u dgħajfa, għall-morda, għall-anzjani, għal min hu mwarrab mis-soċjetà materjalista u konsumistika.  U nagħmlu dan bl-istil ta’ Alla: bil-qrubija, bil-kumpassjoni u bil-ħlewwa, billi nikkuraw ir-relazzjoni personali ma’ ħutna fis-sitwazzjonijiet konkreti li jkunu jinsabu fihom (cfr Eż. App. Il-ferħ tal-Vanġelu, 127-128).  Allura, spiss ikunu huma li jgħallmuna ngħixu bit-tama.  U permezz tal-kuntatt personali nkunu nistgħu nittrażmettu l-imħabba tal-Qalb ħanina tal-Mulej. Inġarrbu illi “Il-Qalb ta’ Kristu (...) hija l-qalba ħajja tal-ewwel tħabbira” (Dilexit nos, 32).  Infatti, jekk nixorbu minn din l-għajn inkunu nistgħu noffru t-tama li rċevejna minn Alla, bis-sempliċità (cfr 1Pt 1,21) u nwasslu lill-oħrajn l-istess faraġ li Alla jfarraġna bih (cfr 2Kor 1,3-4)  Fil-qalb umana u divina ta’ Ġesù, Alla jrid ikellem il-qalb ta’ kull persuna, jiġbed lil kulħadd lejn imħabbtu.  “Aħna mibgħutin biex inkomplu dil-missjoni: inkunu sinjal tal-Qalb ta’ Kristu u tal-imħabba t’Alla, aħna u nħaddnu d-dinja kollha” (Diskors lill-parteċipanti fl-Assemblea Ġenerali tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, 3 ta’ Ġunju, 2023).

3. Tiġdid tal-missjoni tat-tama

Quddiem l-urġenza tal-missjoni tat-tama llum, id-dixxipli ta’ Kristu huma l-ewwel nies fost l-imsejħin, biex jitħarrġu sabiex isiru “artiġġjani” tat-tama u restawraturi ta’ umanità li spiss hi distratta u infeliċi.

Għal dan il-għan hemm bżonn inġeddu fina l-ispiritwalità paskwali, li ngħixu f’kull ċelebrazzjoni ewkaristika u l-aktar fit-Tridu tal-Għid, iċ-ċentru u l-qofol tas-sena liturġika.  Aħna mgħammdin fil-mewt u l-qawmien salvifiku ta’ Kristu, fl-Għid tal-Mulej li jimmarka r-rebbiegħa eterna tal-istorja.  Għalhekk, “aħna bnedmin tar-rebbiegħa”, b’ħarsitna dejjem mimlija tama biex naqsmuha ma’ kulħadd, għax fi Kristu “nemmnu u nafu li l-mewt u l-mibegħda m’għandhomx l-aħħar kelma” fuq l-eżistenza umana (cfr Katekeżi 23 ta’ Awwissu, 2017).  Għalhekk, mill-misteri paskwali, li jitwettqu fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u fis-sagramenti, niksbu bla waqfien il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biż-żelu, bid-determinazzjoni u l-paċenzja biex naħdmu fil-qasam vast tal-evanġelizzazzjoni fid-dinja. “Kristu Rxoxt u glorjuż hu l-għajn qawwija tat-tama tagħna, u mhix sa tonqosna l-għajnuna tiegħu biex inwettqu l-missjoni li Hu jafdalna f’idejna” (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 275).  Fih ngħixu u nkunu xhieda tat-tama qaddisa li hi “don u dmir ta’ kull nisrani” (It-tama hi dawl fid-dlam tal-lejl, Belt tal-Vatikan, 2024, 7).

Il-missjunarji tat-tama huma rġiel u nisa ta’ talb, għaliex “il-persuna li tittama hi persuna li titlob”, kif kien jisħaq il-Venerabbli Kardinal Van Thuan, li żamm ħajja t-tama waqt it-tribulazzjoni twila tal-priġunerija bis-saħħa tal-forza li kien isib bit-talb perseveranti u l-Ewkaristija (cfr F.X. Nyugen Van Thuan, Il-mixja tat-tama, Ruma 2001, n. 963).

Għaldaqstant ejjew inġeddu l-missjoni tat-tama ibda mit-talb, fuq kollox, dak li jsir bil-Kelma t’Alla u partikolarment bis-Salmi, li huma sinfonija kbira ta’ talb li l-kompożitur tagħha hu l-Ispirtu s-Santu (cfr Katekeżi 19 ta’ Ġunju, 2024).  Is-Salmi jedukawna nittamaw quddiem il-kuntrarju, niddixxernu s-sinjali tat-tama u jkebbsu fina x-xewqa “missjunarja” kontinwa li Alla jkun imfaħħar mill-popli kollha (cfr Salm 41,12; 67,4).  Bit-talb inżommu ħajja x-xrara tat-tama li Alla xegħel fina, ħalli ssir ħuġġieġa kbira li ddawwal u ssaħħan lil kulmin ikun madwarna, anki b’azzjonijiet u ġesti konkreti ispirati mit-talb innifsu.

Fl-aħħar, l-evanġelizzazzjoni dejjem hi proċess komunitarju, kif hi l-karatteristika tat-tama nisranija (Benedittu XVI, Enċ. Spe salvi, 14).  Dal-proċess ma jintemmx mal-ewwel tħabbira jew bil-Magħmudija, iżda jkompli bil-bini tal-komunitajiet insara bis-saħħa tal-akkumpanjament ta’ kull imgħammed bil-mixja fit-triq tal-Evanġelju.  Fis-soċjetà moderna, li bniedem ikun parti mill-Knisja qatt mhi realtà miksuba darba għal dejjem.  Għalhekk, l-azzjoni missjunarja li tittrażmetti u tifforma l-fidi li timmatura fi Kristu hija “l-mudell ta’ kull opra tal-Knisja” (Eż. App.  Il-ferħ tal-Vanġelu, 15).  Opra li titlob il-komunjoni  tat-talb u tal-azzjoni.  Ninsisti mill-ġdid fuq din is-sinodalità missjunarja tal-Knisja, kif ukoll dwar il-servizz tal-Opri Missjunarji Pontifiċji fil-promozzjoni tar-responsabbiltà missjunarja tal-imgħammdin u bħala sapport għall-Knejjes paritkolari.  U nħeġġeġ lilkom ilkoll, tfal, żgħażagħ, adulti, anzjani, biex tieħdu sehem attiv fil-missjoni evanġelizzatriċi komuni bix-xhieda ta’ ħajjitkom u bit-talb, bis-sagrifiċċji.  Grazzi mill-qalb għal dan!

Għeżież ħuti, induru lejn Marija, Omm Ġesù Kristu tama tagħna.  Nafdaw f’idjeha tamitna għal dal-Ġublew u għas-snin li ġejjin: “Jalla d-dawl tat-tama Nisranija jilħaq lil kull persuna, bħala messaġġ tal-imħabba ta’ Alla għal kulħadd! U jalla l-Knisja tkun xhud fidil ta’ din it-tħabbira f’kull rokna tad-dinja!” (Bolla It-tama ma tqarraqx, 6).

Ruma, San Giovanni in Laterano, 25 ta’ Jannar, 2025, festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl Appostlu)

FRANĠISKU

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber