Laikos

 

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
GĦALL-ĠURNATA MISSJUNARJA 2021

«Ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna» (Atti 4,20)

Għeżież ħuti,

meta nesperjenzaw il-qawwa tal-imħabba ta’Alla, meta nagħrfu l-preżenza tiegħu bħala Missier fil-ħajja personali u komunitarja tagħna, ma nistgħux ma nħabbrux u naqsmu mal-oħrajn dak li rajna u smajna. Ir-relazzjoni ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu, l-umanità tiegħu li hija rivelata lilna fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, fil-Vanġelu tiegħu u fl-Għid tiegħu, juruna sa fejn wasal Alla biex iħobb l-umanità tagħna u jagħmel tiegħu il-ferħ u t-tbatijiet tagħna, ix-xewqat tagħna u l-ansjetajiet tagħna (ara l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, 22. Kollox ifakkarna kemm Kristu jaf sew lid-dinja li ngħixu fiha u l-ħtieġa tagħha biex tkun salvata. Hu jsejħilna wkoll biex nieħdu sehem attiv f’din il-missjoni: “Morru f'salib it-toroq u sejħu lil kulmin issibu” (Mt 22, 9). Ħadd mhu barrani, ħadd m’għandu jħoss ruħu barrani jew ʼil bogħod minn din l-imħabba ta’ kompassjoni.

L-esperjenza tal-Appostli

L-istorja tal-evanġelizzazzjoni tibda billi l-Mulej innifsu jsejjaħ bi mħabba kbira, u jrid jistabbilixxi djalogu ta’ ħbiberija ma’ kull persuna tkun fejn tkun (ara Ġw 15: 12-17). L-Appostli huma l-ewwel nies li jgħidulna dan, għax huma anke jiftakru l-ġurnata u l-ħin meta ltaqgħu miegħu: “Kienu l-erbgħa ta’ wara nofsinhar” (Ġw 1:39). Il-ħbiberija mal-Mulej, meta tarah ifejjaq lill-morda, jiekol mal-midinbin, jitma lil dawk bil-ġuħ, jersaq lejn l-imwarrbin, imiss lill-impuri, jidentifika ruħu mal-batut, jipproponi l-beatitudnijiet, jgħallem b’mod ġdid u b’awtorità, dan kollu jħalli marka li ma titħassarx, u kapaċi jġib f’dak li jkun sens ta’ stagħġib u ferħ li ma tistax iżżommu.  Kif kien qal il-profeta Ġeremija, din l-esperjenza hija bħal nar jaqbad f’qalbna, in-nar tal-preżenza tiegħu f’qalbna  li timbuttana lejn il-missjoni, minkejja li jkun hemm sagrifiċċji jew kultant ma nifhmux biżżejjed (ara Ġer 20, 9).  L-imħabba dejjem tmexxina u tqanqalna biex naqsmu mal-oħrajn l-isbaħ messaġġ li hu wkoll messaġġ mimli tama: “Sibna l-Messija”. (Ġw 1:41).

Ma’ Ġesù rajna, smajna u missejna b’idejna li l-affarijiet jistgħu jkunu mod ieħor. Huwa nieda, minn issa stess, iż-żminijiet li ġejjin, billi fakkarna f’dimensjoni essenzjali tal-umanità tagħna li aħna spiss ninsew: li “aħna ġejna maħluqa għall-milja li tintlaħaq biss fl-imħabba” (Enċiklika Fratelli Tutti, 68). Dawn huma żminijiet ġodda li jispiraw fidi li kapaċi tagħti spinta lill-inizjattivi u ssawwar il-komunitajiet, ta’ irġiel u nisa, li filwaqt li jitgħallmu jaċċettaw id-dgħufija tagħhom stess u tal-oħrajn, jippromwovu l-fraternità u l-ħbiberija soċjali (ara ibid., 67). Il-komunità ekkleżjali turi s-sbuħija tagħha kull darba li tiftakar bi gratitudni li l-Mulej ħabbna l-ewwel (ara 1 Ġw 4:19). Il- “mod kif iħobbna l-Mulej lilna tissorprendina, u dan l-istagħġib ma nistgħux inżommuh għalina [...] B'dan il-mod biss jista’ jwarrad il-miraklu tal-ġenerożità, li nagħti b’ġenerożità lili nnifsi. Anki ż-żelu missjunarju qatt ma jista’ jinkiseb billi noqogħdu nirraġunaw jekk nikkalkulaw. Li tpoġġi lilek innifsek “fi stat ta 'missjoni” huwa sinjal ta’ gratitudni.” (Messaġġ lis-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċi, 21 ta’ Mejju 2020).

Madankollu, iż-żminijiet ma kinux faċli; l-ewwel insara bdew jgħixu l-ħajja ta’ fidi tagħhom f’ambjent ostili u diffiċli. Kienu mwarrbin, mitfugħin il-ħabs. Barra minn hekk kien hemm ukoll reżistenzi kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra, li dehru jikkontradixxu u saħansitra jiċħdu dak li huma raw u semgħu.  Iżda huma f’dan kollu ma rawx id-diffikulatjiet u t-tfixkil, u minflok ma ngħalqu fihom infushom, dawn l-esperjenzi bidluhom f’opportunitajiet ta’ missjoni. Il-limitazzjonijiet u t-tfixkil saru għalihom il-post privileġġjat biex jimlew kollox u ʼl kulħadd bl-Ispirtu tal-Mulej. Xejn u ħadd ma seta’ jibqa’ ʼl barra minn din il-bxara ta’ ħelsien.

Għandna x-xhieda ħajja ta’ dan kollu fl-Atti tal-Appostli, ktieb li d-dixxipli missjunarji dejjem iżommu qrib tagħhom. Huwa l-ktieb li jirrakkonta kif ir-riħa tal-Vanġelu nfirxet, u kif il-Vanġelu qajjem dak il-ferħ li l-Ispirtu biss jista’ jagħtina. Il-ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli jgħallimna ngħixu l-provi billi niggranfaw ma’ Kristu, sabiex niżviluppaw fina l-“konvinzjoni li Alla jista’ jaħdem f’kull ċirkostanza, anke f’nofs fallimenti ċari”, u ċ-ċertezza li “kull min joffri lilu nnifsu u jagħti lilu nnifsu lil Alla għall-imħabba, żgur li se jħalli l-frott (ara Ġw 15: 5)” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 279).

Hekk ukoll aħna: lanqas iż-żmien tal-lum mhu xejn faċli. Is-sitwazzjoni tal-pandemija kixfet u żiedet it-tbatija, is-solitudni, il-faqar u l-inġustizzji li ħafna diġà sofrew.  Kixfet ukoll is-sens ta’ sigurtà falza tagħna. Kixfet il-firdiet u l-polarizzazzjoni li bil-mod qed jifirduna bejnietna. Min hu l-iktar dgħajjef u vulnerabbli beda jħossu li hu iktar dgħajjef u vulnerabbli minn qatt qabel. Għexna l-qtigħ il-qalb, id-diżillużjoni, l-għeja; u ma’ dan kollu kellna wkoll sens ta’ negattività li joqtol kull tama. Aħna, iżda, “Għax aħna ’l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna; aħna m’aħniex ħlief qaddejja tagħkom minħabba f’Ġesù Kristu” (2 Kor 4: 5). Huwa għalhekk li nisimgħu tidwi fil-komunitajiet tagħna u fil-familji tagħna l-Kelma tal-Ħajja li tidwi f'qalbna u li tgħidilna: “Mhuwiex hawn, imma qam” (Lq 24,6); Kelma ta’ tama li tkisser kull determiniżmu u, lil dawk li jħallu din il-Kelma tmisshom, tagħtihom il-libertà u l-kuraġġ meħtieġa biex iqumu fuq saqajhom, u jfittxu b’mod krejattiv il-modi kollha possibbli biex jgħixu l-kompassjoni, li hija “s-sinjal” ta’ kemm Alla hu qrib tagħna u li ma jabbanduna lil ħadd fil-ġenb tat-triq.

F’dan iż-żmien ta’ pandemija, quddiem it-tentazzjoni li naħbu u niġġustifikaw l-indifferenza u l-apatija minħabba d-distanza soċjali, hija urġenti l-missjoni ta’ kompassjoni li kapaċi tagħmel mid-distanza li jeħtieġ inżommu, mument ta’ laqgħa, ta’ kura u promozzjoni. “Dak li rajna u smajna” (Atti 4:20). Il-ħniena li ġiet użata magħna, trid tinbidel f’punt ta’ referenza u ta’ kredibilità li tippermettilna nirkupraw mill-ġdid il-passjoni tagħna lkoll li noħolqu “komunità ta’ appartenenza u ta’ solidarjetà, li għaliha niddedikaw ħin, impenn u ġid,”(Enċiklika Fratelli tutti, 36). Il-Kelma tiegħu kuljum tifdina u ssalvana mill-iskużi li jistgħu jwassluna biex negħrqu fl-agħar għamla ta’ xettiċiżmu: “qatt ma jinbidel xejn, dejjem l-istess”. U quddiem il-mistoqsija: “għaliex għandi niċċaħħad mis-sigurtà, il-kumdità u l-pjaċir tiegħi jekk minix nara riżultati importanti?”, It-tweġiba dejjem tibqa’ l-istess: “Ġesù Kristu rebaħ fuq id-dnub u l-mewt u huwa dak li jista’ kollox. Ġesù Kristu hu ħaj tassew” (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 275), u jrid li aħna wkoll inkunu ħajjin, li ngħixu ta’ aħwa, u li nkunu kapaċi naqsmu din it-tama. Fil-kuntest attwali, hemm il-ħtieġa urġenti għal missjunarji tat-tama li, midlukin mill-Mulej, kapaċi jfakkruna b’mod profetiku li ħadd ma jista’ jsalva waħdu.

Bħall-Appostli u l-ewwel Insara, aħna wkoll ngħidu bil-qawwa kollha tagħna: “Ma nistgħux ma nitkellmux dwar dak li rajna u smajna”( Atti 4:20). Dak kollu li rċevejna, dak kollu li l-Mulej uriena bil-mod il-mod, tahulna sabiex inkunu nistgħu ngħixuh u nagħtuh b’xejn lill-oħrajn. Bħall-Appostli li raw, semgħu u messew mas-salvazzjoni ta’ Ġesù (ara 1Ġw1 1,1-4), anke aħna llum nistgħu nmissu l-ġisem ibati u glorjuż ta’ Kristu fl-istorja ta’ kull jum u nsibu l-kuraġġ li naqsmu ma’ kulħadd destin ta’ tama, għax aħna m'għandna l-ebda dubju li aħna nafu li aħna akkumpanjati mill-Mulej. Bħala Nsara ma nistgħux inżommu l-Mulej għalina nfusna: il-missjoni ta’evanġelizzazzjoni tal-Knisja tesprimi l-valur integrali u pubbliku tagħha fit-trasformazzjoni tad-dinja u fil-kura tal-ħolqien.

 

 

Stedina lil kull wieħed u waħda minna

It-tema tal-Ġurnata Missjunarja ta’ din is-sena, “Ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna” (Atti 4:20), hija stedina lil kull wieħed u waħda minna biex “nieħdu ħsieb” u nwasslu lill-oħrajn dak li aħna għandna f’qalbna . Din il-missjoni hija u dejjem kienet l-identità tal-Knisja: “teżisti sabiex tevanġelizza” (Il-Papa San Pawlu VI, fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi , 14). Il-ħajja tal-fidi tagħna tiddgħajjef, titlef il-profezija u l-kapaċità tal-istagħġib u l-gratitudni meta niżolaw ruħna jew meta ningħalqu fi gruppi żgħar. Għax min-natura tagħha stess, il-ħajja tal-fidi titlob minna li nkunu dejjem iktar miftuħin u li nkunu kapaċi nħaddnu u nilħqu lil kulħadd, kullimkien. L-ewwel Insara ma kienux iċedu għat-tentazzjoni li jsiru xi grupp elitista, kienu dejjem ispirati mill-Mulej u mill-ħajja ġdida li Hu offra biex imorru fost il-popli u jagħtu xhieda ta’ dak li huma raw u semgħu: jiġifieri li s-saltna t’Alla hija fil-qrib. Dan għamluh b’ġenerożità, bi gratitudni u b’qalb kbira għax jafu li dak li qed jiżirgħu huma, se jkun ħaddieħor li se jgawdi l-frott tas-sagrifiċċju u tax-xogħol tagħhom. Għalhekk inħobb naħseb li “imqar l-iżjed dgħajfin, limitati u miġruħa jistgħu jkunu missjunarji bil-mod tagħhom, għax it-tajjeb dejjem għandna nħalluh jasal, anki jekk qed jgħix spalla ma’ spalla mad-dgħufija”, Christus Vivit,  239).

Fil-Ġurnata Missjunarja, li tiġi ċelebrata kull sena fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru, niftakru bi gratitudni fin-nies kollha li, bix-xhieda ta’ ħajjithom, jgħinuna nġeddu l-impenn tal-magħmudija tagħna biex inkunu appostli ġenerużi u ferħanin tal-Evanġelju. Niftakru b’mod speċjali f’dawk li kienu kapaċi jmorru, iħallu pajjiżhom u l-familja tagħhom, sabiex l-Evanġelju jkun jista’ jasal, mingħajr dewmien u mingħajr biża’, f’kull rokna tad-dinja u tal-ibliet, fejn tant persuni huma għatxana għal dan il-messaġġ ta’ barka.

Meta naħsbu fuq ix-xhieda missjunarja tagħhom, din tqanqalna biex inkunu kuraġġużi u biex nitolbu b’mod insistenti “lil Sid il-ħsad, biex jibagħt ħaddiema għall-ħsad tiegħu” ( Lq.10,2); fil-fatt aħna nafu li l-vokazzjoni għall-missjoni mhix xi ħaġa tal-passat jew xi tifkira sabiħa ta’ żminijiet oħra. Illum, Ġesù għandu bżonn qlub li kapaċi jgħixu l-vokazzjoni tagħhom bħala storja ta’ mħabba vera, li ġġagħilhom imorru fil-periferija tad-dinja u jsiru messaġġiera u strumenti ta’ kompassjoni. Din hija sejħa li Hu jagħmel lil kulħadd, għalkemm mhux bl-istess mod. Niftakru kemm hemm periferiji li huma qrib tagħna, fiċ-ċentru tal-belt jew raħal tagħna, jew fil-familja tagħna stess. Il-ftuħ universali tal-imħabba m’għandhiex dimensjoni ġeografika, imma eżistenzjali. Dejjem, imma speċjalment f’dan iż-żmien ta’ pandemija, huwa importanti li nwessgħu ċ-ċirku tagħna, biex nilħqu lil dawk li ma nħossuhomx li huma parti mid-“dinja tal-interessi tiegħi”, Fratelli Tutti, 97). Li ngħix il-missjoni hu li nissogra li nrawwem fija l-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesù u li nemmen bħalu li kull min hu ħdejja huwa wkoll ħija jew oħti. Jalla l-imħabba ħanina tiegħu tqajjem ukoll lil qalbna u tagħmilna lkoll dixxipli missjunarji.

Jalla Marija, l-ewwel dixxiplu missjunarju, tkabbar ix-xewqa fl-imgħammdin kollha, li jkunu melħ u dawl fil-pajjiżi tagħna (ara Mt 5: 13-14).

San Ġwann fil-Lateran,Ruma, 6 ta’ Jannar 2021, Solennità tal-Epifanija tal-Mulej.

 

Franġisku

Miġjub mit-Taljan għall-Malti min Fr Roy Galdes