MESSAĠĠ VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
BIEX TFAKKAR IT-TNEDIJA TAL-PJATTAFORMA  
“LAUDATO SI'”

Għeżież ħuti,

Bl-Enċiklika Laudato sì, ippromulgata fl-2015, stedint lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex jieħdu ħsieb id-Dinja, li hija d-dar komuni tagħna. Għal żmien twil issa, din id-dar li tilqagħna, qegħda tbati bħala riżultat ta’ feriti li qed nikkawżaw aħna minħabba l-attitudni tagħna li dejjem irridu naħtfu, attitudni li ġġegħelna naħsbu li aħna s-sidien  tal-pjaneta tagħna u tar-riżorsi tagħha, u bħallikieku tagħtina s-setgħa li nagħmlu użu irresponsabbli mill-ġid li Alla tana. Illum, dawn il-feriti qed juru ruħhom b’mod drammatiku fi kriżi ekoloġika bla preċedent, li tinkludi l-art, l-arja, l-ilma u, b’mod ġenerali, l-ekosistema li fiha jgħixu l-bnedmin. Il-pandemija attwali issa ħarġet fid-dieher b’mod aktar qawwi l-għajta tan-natura u dik tal-fqar għax huma l-iktar li qed jintlaqtu, filwaqt li urietna biċ-ċar li hemm konnessjoni bejn kollox, u kollox jiddependi ħaġa mill-oħra, u li saħħitna mhix separata mis-saħħa tal-ambjent li ngħixu fih.

Għalhekk, jeħtieġ li nindirizzaw l-ekoloġija b’mod ġdid, li jista’ jibdel il-mod kif aħna ngħixu fid-dinja, l-istili tal-ħajja tagħna, ir-relazzjoni tagħna mar-riżorsi tad-Dinja u, b’mod ġenerali, il-mod kif inħarsu lejn l-umanità u kif ngħixu l-ħajja. Ekoloġija umana integrali, li tinvolvi mhux biss kwistjonijiet ambjentali iżda wkoll lill-umanità kollha kemm hi, tkun kapaċi tisma’ l-għajta tal-fqar u tkun ħmira għal soċjetà ġdida.

Għandna responsabbiltà kbira, speċjalment fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet futuri. Liema dinja rridu nħallu lil uliedna u liż-żgħażagħ tagħna? L-egoiżmu tagħna, l-indifferenza tagħna u l-modi irresponsabbli tagħna qed jheddu l-ġejjieni ta’ wliedna! Għalhekk inġedded l-appell tiegħi: ejjew nieħdu ħsieb ta’ ommna d-Dinja; ejjew negħilbu t-tentazzjoni tal-egoiżmu li jagħmilna nies li naħtfu r-riżorsi; ejjew nikkultivaw ir-rispett għad-doni tad-Dinja u tal-ħolqien; ejjew inniedu stil ta’ ħajja u soċjetà li saflaħħar tkun eko-sostenibbli: għandna l-opportunità li nħejju ġejjieni aħjar għal kulħadd. Minn idejn Alla rċevejna ġnien, ma nistgħux inħallu deżert lil uliedna.

F’dan il-kuntest, fl-24 ta’ Mejju 2020 ipproklamajt is-Sena Laudato Sì, li l-organizzazzjoni tagħha ġiet fdata lid-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem. Nirringrazzja lil dawk kollha li ċċelebraw din is-sena b’ħafna inizjattivi. Illum bi pjaċir inħabbar li s-Sena Laudato Sì se tirriżulta fi proġett ta' azzjoni konkreta, il-Pjattaforma ta’ Azzjoni Laudato Sì, vjaġġ ta' seba’ snin li se jara lill-komunitajiet tagħna impenjati b’modi differenti biex isiru totalment sostenibbli, fl-ispirtu ta' ekoloġija integrali.

Għalhekk nistieden lil kulħadd biex nibdew dan il-vjaġġ flimkien, u b’mod partikolari nindirizza dawn is-seba’ ambjenti: familji — parroċċi u djoċesijiet — skejjel u universitajiet — sptarijiet — negozji u biedja — organizzazzjonijiet, gruppi u movimenti — istituti reliġjużi. Aħdmu flimkien. B’hekk biss inkunu nistgħu noħolqu l-futur li rridu: dinja aktar inklussiva, fraterna, paċifika u sostenibbli.

F’dan il-vjaġġ ta’ seba’ snin, ejjew inħallu lilna nfusna nitmexxew mis-seba’ għanijiet ta’ Laudato sì, li juruna d-direzzjoni li rridu nieħdu, filwaqt li nsegwu l-viżjoni tal-ekoloġija integrali: it-tweġiba tagħna għall-karba tad-Dinja, t-tweġiba tagħna għall-karba tal-fqar, l-ekonomija ekoloġika, li nadottaw stil ta’ ħajja sempliċi, edukazzjoni ekoloġika, spiritwalità ekoloġika u impenn komunitarju.

Hemm tama. Ilkoll nistgħu nikkollaboraw, kull wieħed bil-kultura u bl-esperjenza tiegħu, kull wieħed bl-inizjattivi u l-ħiliet tiegħu, sabiex id-Dinja Ommna terġa’ terġa’ lura għas-sbuħija oriġinali tagħha u l-ħolqien jerġa’ jiddi skont il-pjan ta’ Alla.

Alla jbierek lil kull wieħed u waħda minnkom, u jbierek il-missjoni tagħna li nibnu mill-ġdid id-dar komuni tagħna. Grazzi.


Meħuda minn L'Osservatore Romano, edizzjoni ingliża, 28 ta’ Mejju 2021

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes