VIDJOMESSAĠĠ TAL-Q.T. IL-PAPA FRANĠISKU

FL-OKKAŻJONI TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-FORMA STRAORDINARJA

TAL-GĦAXAR LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

(2 ta’ Lulju 2021)

Għeżież ħuti,

Il-Laqgħa Dinjija tal-Familji li jmiss se ssir f’Ruma f’Ġunju 2022. Is-suġġett tal-Laqgħa se jkun L-imħabba fil-familja: vokazzjoni u triq għall-qdusija. Wara li kellna nippostponuha b’sena, minħabba l-pandemija, ix-xewqa li nerġgħu niltaqgħu hi kbira.

Fil-Laqgħat li għaddew, il-parti l-kbira tal-familji kienu jibqgħu d-dar u l-Laqgħa kienu jarawha bħala realtà ’l bogħod, l-iktar l-iktar isegwuha fuq it-televiżjoni, jew bil-maġġoranza tal-familji lanqas jafu biha.  

Din id-darba, ħa tieħu forma ġdida: se tkun opportunità mill-Providenza biex jinħoloq avveniment dinji li kapaċi jilqa’ lill-familji kollha li jixtiequ jħossuhom parti mill-komunità ekkleżjali.

Il-Laqgħa se tieħu forma mhux ċentralizzata u mifruxa, u se jkun iktar faċli li jieħdu sehem il-komunitajiet djoċesani tad-dinja kollha. Ruma se tkun is-sede prinċipali, b’xi delegati tal-pastorali tal-familji se jieħdu sehem fil-Festival tal-Familji, fil-Kungress Pastorali u fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, li se jkunu mxandra mad-dinja kollha.

Fl-istess jiem,  kull djoċesi se jkollha ċ-ċans tkun ċentru għal Laqgħa lokali għall-familji u l-komunitajiet tagħha. B’dan il-mod, kulħadd ikun jista’ jipparteċipa, anki dawk li mhux se jkunu jistgħu jiġu Ruma.

Fejn hu possibbli, nistieden għalhekk lill-komunitajiet djoċesani biex jippjanaw l-inizjattivi tagħhom li jitilqu mis-suġġett tal-Laqgħa billi jagħmlu użu mis-simboli li qed jiġu ppreparati mid-Djoċesi ta’ Ruma. Inħeġġiġkom tkunu enerġetiċi, attivi, kreattivi, u torganizzaw ruħkom mal-familji, f’sintonija ma’ dak li se jiġri f’Ruma.

Din hi okkażjoni prezzjuża biex b’ħeġġa niddedikaw ruħna għall-pastorali familjari: miżżewġin, familji u ragħajja flimkien.

Kuraġġ, għalhekk, għeżież ragħajja u għeżież familji, għinu lil xulxin biex torganizzaw laqgħat fid-djoċesijiet u fil-parroċċi tal-kontinenti kollha.

Nawguralkom mixja tajba lejn il-Laqgħa Dinjija tal-Familji li jmiss!

U tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

 

miġjuba għall-Malti minn Rossana Cremona