MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

GĦALL-55 JUM DINJI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

 

“Ejja u ara” (Ġw 1:46). Komunikazzjoni li tiltaqa’ mal-persuni fejn qegħdin u kif inhuma

 

Għeżież ħuti,

 

L-istedina biex “niġu u naraw”, li ssieħeb l-ewwel laqgħat emozzjonanti ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu, hija wkoll il-metodu għal kull komunikazzjoni umana awtentika. Biex nistgħu nirrakkontaw il-verità tal-ħajja li ssir storja (ara Messaġġ għall-54 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, 24 ta’ Jannar 2020) hemm bżonn li noħorġu mill-preżunzjoni komda ta’ dak li “diġà nafu” u niċċaqilqu minn fejn aħna, immorru u naraw, inkunu mal-persuni, nisimgħu, nilqgħu dak li tissuġġerilna r-realtà, li dejjem tissorprendina b’xi aspett tagħha. “Iftaħ għajnejk fi stagħġib għal dak li tara quddiemek, u ħalli dirgħajk jimtlew bil-freskezza tal-ġrajjiet, b’mod li l-oħrajn, meta jaqraw li tikteb, jistgħu jmissu b’idejhom il-miraklu tal-qalb tħabbat tal-ħajja”, kien il-parir tal-Beatu Manuel Lozano Garrido[1] lill-kollegi tiegħu ġurnalisti. Għalhekk nixtieq niddedika dan il-Messaġġ, din is-sena, lis-sejħa biex “niġu u naraw”, bħala suġġeriment għal kull espressjoni ta’ komunikazzjoni li tixtieq tkun ċara u onesta: fl-uffiċċju editorjali ta’ ġurnal kif ukoll fid-dinja tal-internet, fil-predikazzjoni ordinarja tal-Knisja kif ukoll fil-komunikazzjoni politika jew soċjali. “Ejja u ara” huwa l-mod li bih il-fidi Nisranija ġiet ikkomunikata, ibda minn dawk l-ewwel laqgħat fuq ix-xtut tax-xmara Ġordan u tal-għadira tal-Galilija.

 

Inħallu jittiekel il-qiegħ taż-żarbun

Ejjew naħsbu fit-tema kbira tal-informazzjoni. Min hu attent ilu żmien jilmenta fuq ir-riskju ta’ “ġurnali fotokopja” li jikkupjaw lil xulxin jew ta’ bullettini tal-aħbarijiet fuq it-televiżjoni, ir-radju u l-websajts li fis-sustanza huma ugwali, fejn il-ġeneru tal-investigazzjoni u tar-rappurtaġġ tilef l-ispazju u l-kwalità tiegħu, biex minfloku ħadithom informazzjoni lesta minn qabel, ta’ wara l-iskrivanija, awtoreferenzjali, li dejjem inqas qed jirnexxilha taqbad il-verità tal-affarijiet u l-ħajja konkreta tal-persuni, u m’għadx għandha l-ħila tifhem la l-fenomeni soċjali l-aktar serji u lanqas l-enerġiji pożittivi ħerġin mill-bażi tas-soċjetà. Il-kriżi editorjali qed tirriskja li twassal għal informazzjoni mfassla fl-uffiċċji, quddiem il-kompjuter, fl-aġenziji, fuq ix-xbieki soċjali, imma li qatt ma toħroġ fit-triq, li m’għadhiex tħalli “jittiekel il-qiegħ taż-żarbun”, m’għadhiex tiltaqa’ ma’ persuni biex tfittex l-istejjer jew tivverifika de visu ċerti sitwazzjonijiet. Jekk ma ninfetħux għal-laqgħa, nibqgħu biss spettaturi minn barra, minkejja l-innovazzjonijiet teknoloġiċi li kapaċi jlaqqgħuna ma’ realtà usa’ li fiha ninsabu. Kull għodda tiswa u hi prezzjuża biss jekk twassalna biex immorru u naraw ħwejjeġ li, kieku, ma konniex inkunu nafu bihom, jekk tqiegħed fuq l-internet tagħrif li, kieku, ma kienx jiċċirkola, jekk tippermetti laqgħat li, kieku, ma kinux iseħħu.

 

Dawn id-dettalji ta’ kronaka fil-Vanġelu

Lill-ewwel dixxipli li riedu jsiru jafuh, wara l-magħmudija fix-xmara Ġordan, Ġesù weġibhom: “Ejjew u taraw” (Ġw 1:39), u hekk stedinhom jidħlu f’relazzjoni miegħu. Fuq nofs seklu wara, meta Ġwanni, imdaħħal sew fiż-żmien, ġabar il-Vanġelu tiegħu, fakkar xi dettalji “ta’ kronaka” li kixfu l-preżenza tiegħu fil-post u l-impatt li dik l-esperjenza kellha fuq ħajtu: “Kien ħabta tal-għaxar siegħa”, iniżżel, jiġifieri l-4.00pm (ara v. 39). L-għada – ikompli jirrakkonta Ġwanni – Filippu kkomunika lil Natanjel dik il-laqgħa mal-Messija. Ħabibu kien xettiku: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?”. Filippu ma fittixx li jikkonvinċih b’raġunamenti: “Ejja u ara”, jgħidlu (ara vv. 45-46). Natanjel mar u ra, u minn dak il-ħin ħajtu nbidlet. Il-fidi Nisranija hekk tibda. U hekk tiġi kkomunikata: bħala għarfien dirett, li jitwieled mill-esperjenza, u mhux għal dak li jkun sema’ jingħad. “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh” (ara Ġw 4:39-42). L-“ejja u ara” huwa l-metodu l-aktar sempliċi biex insiru nafu realtà. Huwa l-verifika l-aktar onesta ta’ kull tħabbira, għax biex insir naf hemm bżonn niltaqa’, inħalli lil dak li għandi quddiemi jkellimni, inħalli x-xhieda tiegħu tilħaqni.

 

Grazzi għall-kuraġġ ta’ tant ġurnalisti

Anki l-ġurnaliżmu, bħala rakkont tar-realtà, jitlob minna l-ħila li mmorru hemm fejn ma jmur ħadd: niċċaqilqu minn fejn aħna u nixxennqu biex naraw. Kurżità, ftuħ, passjoni. Irridu ngħidu grazzi lill-kuraġġ u l-impenn ta’ tant professjonisti – ġurnalisti, cameramen, edituri, diretturi li spiss jirriskjaw ħafna fix-xogħol tagħhom – jekk illum nafu, ngħidu aħna, bil-kundizzjoni diffiċli tal-minoranzi ppersegwitati f’diversi partijiet tad-dinja; jekk ħafna abbużi u inġustizzji kontra l-foqra u kontra l-ħolqien ġew ikkundannati; jekk tant gwerer minsija ġew irrakkontati. Tkun telfa kbira mhux biss għall-qasam tal-informazzjoni, imma għas-soċjetà kollha u għad-demokrazija jekk dawn l-ilħna jiġu nieqsa: l-umanità tagħna tkun tiftaqar.

 

Bosta realtajiet tal-pjaneta, iżjed u iżjed f’dan iż-żmien ta’ pandemija, qed jistiednu lid-dinja tal-komunikazzjoni biex “tiġi u tara”. Hemm ir-riskju li nirrakkontaw il-pandemija, u bħalha kull kriżi oħra, biss bl-għajnejn tad-dinja l-iżjed sinjura, li nużaw żewġ tipi ta’ kejl. Ejja naħsbu fuq il-vaċċin, kif ukoll fil-kura bil-mediċini b’mod ġenerali, u r-riskju li jiġu esklużi l-popli l-iżjed foqra. Min se jirrakkontalna b’liema ħerqa qed jistennew il-fejqan l-irħula l-iżjed foqra tal-Asja, tal-Amerika Latina u tal-Afrika? Hekk id-differenzi soċjali u ekonomiċi fuq livell ta’ pjaneta qed jirriskjaw li jiddeċiedu huma l-ordni tat-tqassim tal-vaċċin kontra l-Covid. Bil-foqra dejjem fl-aħħar post u d-dritt ta’ kulħadd għas-saħħa, li bħala prinċipju jaffermah kulħadd, imbattal mill-veru siwi tiegħu. Imma anki fid-dinja tal-iktar ixxurtjati t-traġedja soċjali tal-familji li malajr spiċċaw fi stat ta’ faqar għadha fil-parti l-kbira tagħha moħbija: huma għafsa ta’ qalb imma ma tantx jagħmlu aħbar il-persuni li jegħlbu l-mistħija tagħhom u joqogħdu ringiela quddiem iċ-ċentri tal-Caritas biex jirċievu pakkett b’dak li hu essenzjali biex jgħixu.

 

Opportunitajiet u perikli tal-internet

L-internet, bl-għadd bla tarf ta’ espressjonijiet tiegħu ta’ midja soċjali, jista’ jimmultiplika l-kapaċitajiet ta’ rakkont u ta’ qsim: tant iktar għajnejn miftuħa fuq id-dinja, influss kontinwu ta’ immaġni u esperjenzi. It-teknoloġija diġitali tagħtina l-possibbiltà ta’ informazzjoni diretta u minnufih, xi drabi utli ħafna: biżżejjed naħsbu f’ċerti emerġenzi li fihom l-ewwel aħbarijiet u anki l-ewwel komunikazzjoni ta’ servizz lin-nies jaslu proprju bl-internet. Hi għodda formidabbli, li tirresponsabilizzana lkoll lilna li nużawha u ngawdu minnha. Potenzjalment kollha nistgħu nsiru xhieda ta’ ġrajjiet li, kieku, il-midja tradizzjonali kienet tittraskurahom, nistgħu nagħtu kontribut ċivili, noħorġu iktar stejjer, anki pożittivi. Grazzi għall-internet għandna l-possibbiltà li nirrakkuntaw dak li naraw, dak li jseħħ taħt għajnejna, li naqsmu esperjenzi ma’ oħrajn.

 

Imma llum kulħadd qed jara wkoll ir-riskji ta’ komunikazzjoni soċjali nieqsa minn verifiki. Diġà ilna naraw kif l-aħbarijiet u saħansitra l-immaġni faċilment jiġu mmanipulati, għal elf raġuni, xi drabi anki sempliċiment għal narċisiżmu banali. Dan l-għarfien kritiku jwassalna mhux biex niddemonizzaw l-għodda, imma biex inkunu kapaċi ngħarblu iktar u jkollna sens iktar matur ta’ responsabbiltà, hemm meta nxerrdu u kemm meta nirċievu xi kontenut. Ilkoll aħna responsabbli għall-komunikazzjoni li nagħmlu, għall-informazzjoni li nagħtu, għall-kontroll li flimkien nistgħu neżerċitaw fuq l-aħbarijiet foloz, billi nikxfulhom il-maskra. Ilkoll aħna msejħin inkunu xhieda tal-verità: biex immorru, naraw u naqsmu ma’ oħrajn.

 

Xejn aħjar milli naraw aħna stess

Fil-komunikazzjoni xejn ma jista’ jieħu post għalkollox li naraw aħna stess. Xi ħwejjeġ tista’ titgħallimhom biss jekk tagħmel esperjenza tagħhom. Fil-fatt, ma tistax tikkomunika biss bil-kliem, imma bl-għajnejn, bit-ton tal-vuċi, bil-ġesti. Ġesù kien jiġbed tant lejh lil min jiltaqa’ miegħu għax il-predikazzjoni tiegħu kienet vera, imma l-qawwa ta’ dak li kien jgħid ma stajtx tifridha mill-ħarsa tiegħu, mill-imġiba tiegħu u saħansitra mis-skiet tiegħu. Id-dixxipli mhux biss kienu jisimgħu kliemu, imma kienu jarawh jitkellem. Fil-fatt, fih – il-Logos li sar bniedem – il-Kelma saret Wiċċ, Alla li ma jidhirx ħalla lil min jarah, jisimgħu u jmissu, kif jikteb l-istess Ġwanni (ara 1 Ġw 1:1-3). Il-kelma hi b’saħħitha biss jekk “taraha”, jekk iddaħħlek f’esperjenza, fi djalogu. Għal din ir-raġuni l-“ejja u ara” kienet u hi essenzjali.

 

Ejjew naħsbu f’kemm elokwenza vojta għandna anki fi żmienna, f’kull qasam tal-ħajja pubblika, fil-kummerċ kif ukoll fil-politika. “Jgħid ħafna fuq ix-xejn; taqwilu żewġ qamħiet moħbija f’munzell ħuxlief: tfittixhom il-jum kollu sa ma ssibhom, u meta ssibhom ma jiswewx ħaqq it-tfittxija”.[2] Il-kelmiet qawwija tad-drammaturgu Ingliż jiswew għalina wkoll il-komunikaturi Nsara. Il-bxara t-tajba tal-Vanġelu xterdet fid-dinja grazzi għal laqgħat bejn persuna u oħra, bejn qalb u oħra. Irġiel u nisa li laqgħu l-istess stedina: “Ejja u ara”, u baqgħu milquta minn dik ix-“xi ħaġa iżjed” fl-umanità li kienet tgħaddi mill-ħarsa, mill-kelma u mill-ġesti ta’ persuni li tawhom xhieda ta’ Ġesù Kristu. L-għodod kollha huma importanti, u dak il-komunikatur kbir li kien jismu Pawlu ta’ Tarsu kieku żgur kien jinqeda bil-posta elettronika u bil-messaġġi fuq il-midja soċjali; imma kienu l-fidi tiegħu, it-tama tiegħu u l-imħabba tiegħu li impressjonaw lin-nies ta’ żmienu li semgħuh jipprietka u kellhom ix-xorti li jqattgħu l-ħin miegħu, li jarawh waqt xi ġemgħa jew f’kollokju individwali. Meta kienu jarawh fl-azzjoni fil-postijiet fejn kien ikun, setgħu jivverifikaw kemm kienet vera u ta’ frott għall-ħajja t-tħabbira ta’ salvazzjoni li bi grazzja ta’ Alla hu kien ħabbar tagħha. U mqar hemm fejn dan il-kollaboratur ta’ Alla ma setgħux jiltaqgħu miegħu personalment, il-mod ta’ kif kien jgħix fi Kristu kienu jagħtu xhieda tiegħu d-dixxipli mibgħuta minnu (ara 1 Kor 4:17).

 

“F’idejna għandna l-kotba, f’għajnejna l-fatti”, stqarr Santu Wistin,[3] huwa u jeżortana biex fir-realtà nilmħu jitwettqu l-profeziji preżenti fl-Iskrittura Mqaddsa. Hekk il-Vanġelu jerġa’ jseħħ illum, kull darba li nirċievu x-xhieda ċara ta’ persuni li ħajjithom inbidlet mil-laqgħa ma’ Ġesù. Għal iżjed minn elfejn sena hija din il-katina ta’ laqgħat li kkomunikat is-seħer tal-avventura Nisranija. Għalhekk l-isfida li hemm tistenniena hi dik li nikkomunikaw billi niltaqgħu mal-persuni hemm fejn qegħdin u kif inhuma.

 

Mulej, għallimna noħorġu minn nfusna,

u nimxu biex infittxu l-verità flimkien.

Għallimna mmorru u naraw,

għallimna nagħtu widen,

ma nbejtux preġudizzji,

ma noħorġux b’konklużjonijiet mgħaġġla.

Għallimna mmorru hemm fejn ħadd ma jrid imur,

nieħdu ż-żmien li hemm bżonn biex nifhmu,

inkunu attenti għal dak li hu essenzjali,

u ma nħallux dak li hu tal-wiċċ jgħammxilna għajnejna,

biex nagħrfu nagħżlu bejn id-dehra qarrieqa u l-verità.

Agħtina l-grazzja li nagħrfu fejn tgħammar int fid-dinja

u l-onestà li nirrakkontaw dak li rajna.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 23 ta’ Jannar 2021, Lejlet it-Tifkira ta’ San Franġisk de Sales.

 

Franciscus

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ġurnalista Spanjol, imwieled fl-1920 u miet fl-1971, ibbeatifikat fl-2010.

[2] W. Shakespeare, Il-merkant ta’ Venezja, Att I, Xena I.

[3] Sermo 360/B, 20.