Laikos

 

Mill-Papa Franġisku ...


MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
GĦALL-ĠURNATA MISSJUNARJA 2023

 

Qlub imkebbsa, saqajn mexjin (cf. Lq 24:13-35)

Għeżież ħuti!

Għall-Ġurnata Missjunarja Dinjija ta’ din is-sena għażilt tema ispirata mir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, fl-Evanġelju ta’ San Luqa (ara 24, 13-35): “Qlub imkebbsa, saqajn mexjin”. Dawk iż-żewġ dixxipli kienu mħawdin u diżappuntati, imma l-laqgħa ma’ Kristu fil-Kelma u fil-ħobż maqsum xegħlet fihom l-entużjażmu biex jerġgħu jitilqu lejn Ġerusalemm u jxandru li l-Mulej qam tassew. Fir-rakkont tal-Evanġelju, aħna nistgħu nintebħu bil-bidla li seħħet fid-dixxipli minn xi xbihat suġġestivi: qalbhom kienet imkebbsa ġewwa fihom waqt li Ġesù kien qed jispjegalhom l-Iskrittura, għajnejhom infetħulhom meta għarfuh, u fl-aħħarnett saqajhom mexjin. Filwaqt li nimmeditaw dawn it-tliet aspetti, li jiddeskrivu l-mixja tad-dixxipli missjunarji, nistgħu nġeddu l-ħeġġa tagħna għall-evanġelizzazzjoni fid-dinja tal-lum.

1. Qlub imkebbsa «meta spjegalna l-Iskrittura». Il-Kelma ta’ Alla ddawwal u tbiddel il-qalb fil-ħidma missjunarja.

Fit-triq minn Ġerusalemm għal Għemmaws, il-qlub taż-żewġ dixxipli kienu mnikktin – kif kien jixhed wiċċhom – minħabba l-mewt ta’ Ġesù, li fih kienu emmnu (ara v. 17). Quddiem il-falliment tal-Imgħallem imsallab, it-tama tagħhom li Hu kien il-Messija għebet u sfaxxat fix-xejn (ara v. 21).

Imbagħad,  “huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom” (v. 15). Bħal fil-bidu tal-vokazzjoni tad-dixxipli, anke issa fil-mument tat-telfa tagħhom, il-Mulej jieħu l-inizjattiva li jersaq lejn id-dixxipli tiegħu u jimxi magħhom. Fil-ħniena kbira tiegħu, ma jgħejja qatt ikun magħna, minkejja d-difetti, id-dubji, id-dgħufijiet tagħna, minkejja d-dwejjaq u l-pessimiżmu li jwassluna biex insiru “boloħ u tqal biex nemmnu” (v. 25), nies ta’ fidi żgħira.

Illum bħal dakinhar, il-Mulej irxoxt jinsab qrib id-dixxipli missjunarji tiegħu u jimxi ħdejhom, speċjalment meta jħossuhom mitlufin, skuraġġiti, jibżgħu mill-misteru tal-ħażen li jdawwarhom u li jrid jegħlibhom. Għalhekk, “ejjew ma nħallux lil min jisirqilna t-tama!" (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, 86). Il-Mulej hu akbar mill-problemi kollha tagħna, speċjalment meta niltaqgħu magħhom fil-missjoni tagħna li nxandru l-Evanġelju lid-dinja, għax din il-missjoni fl-aħħar mill-aħħar hija tiegħu u aħna sempliċiment kollaboraturi umli tiegħu, “qaddejja li ma niswew għal xejn” (ara Lq 17, 10).

Irrid ngħid li nħossni qrib fi Kristu ta’ dawk il-missjunarji kollha fid-dinja, irġiel u nisa, l-iktar ta’ dawk li għaddejjin minn mument diffiċli. Ħbieb l-aktar għeżież, il-Mulej irxoxt jinsab dejjem magħkom u jħares lejn il-ġenerożità tagħkom u s-sagrifiċċji li tagħmlu għall-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni f’artijiet imbiegħda. Mhux il-jiem kollha ta’ ħajjitna huma mdawla u mingħajr sħab, imma ejjew dejjem niftakru fil-kliem tal-Mulej Ġesù lil ħbiebu qabel il-Passjoni: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma għamlu l-qalb: jien irbaħt id-dinja!”. (Ġw 16:33).

Wara li sema’ liż-żewġ dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws, Ġesù Rxoxt “beda minn Mosè u l-profeti kollha, jfissrilhom kulma kien hemm fuqu fl-Iskrittura” (Lq 24:27). U l-qlub tad-dixxipli tkebbsu, tant li fl-aħħar wieħed lil ieħor bdew jgħidu: “Ma kienetx qalbna imkebbsa ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”. (v. 32). Fil-fatt, Ġesù huwa l-Kelma ħajja, li waħedha tista’ tkebbes il-qlub, idawwalhom u tibdilhom.

Hekk nistgħu nifhmu aħjar dak li qal San Ġirolmu: “Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu” (In Is., Prologu). “Jekk ma jkunx il-Mulej li jdaħħalna fiha, huwa impossibbli li nifhmu l-Iskrittura Mqaddsa fil-profondità tagħha, imma l-kontra hu daqshekk ieħor minnu: mingħajr l-Iskrittura Mqaddsa nibqgħu ma nifhmux il-ġrajjiet tal-missjoni ta’ Ġesù u tal-Knisja tiegħu fid-dinja.” (Ittra Appostolika Aperuit Illis, 1). Għalhekk, l-għarfien tal-Iskrittura huwa meħtieġ għall-ħajja tan-Nisrani, iktar u iktar biex inxandru lil Kristu u l-Evanġelju tiegħu. Inkella, x’se tgħaddi lil ħaddieħor jekk mhux l-ideat u l-proġetti tiegħek? Qalb bierda tista’ qatt tkebbes qlub l-oħrajn!

Għalhekk ejjew inħallu lilna nfusna dejjem inkunu akkumpanjati mill-Mulej irxoxt li jfissrilna l-Iskrittura. Ejjew inħalluh ikebbes lil qalbna, idawwalna u jibdilna, ħalli nkunu nistgħu nxandru lid-dinja l-misteru tas-salvazzjoni tiegħu bil-qawwa u l-għerf li ġejjin mill-Ispirtu tiegħu.

2. Għajnejna “infetħu u għarfuh” fil-qsim tal-ħobż. Ġesù fl-Ewkaristija huwa l-qofol u l-għajn tal-missjoni.

Il-fatt li qalbhom kienet imkebbsa għall-Kelma ta’ Alla wassal lid-dixxipli ta’ Għemmaws biex jitolbu lill-vjaġġatur misterjuż biex jibqa’ magħhom meta l-jum kien wasal biex jintemm. Meta nġabru madwar il-mejda, għajnejhom infetħu u għarfuh meta qasam il-ħobż. L-element deċiżiv li jiftaħ għajnejn id-dixxipli huwa s-sekwenza ta’ azzjonijiet li għamel Ġesù: ħa l-ħobż, ibierku, qasmu u tahulhom. Huma ġesti ordinarji li jagħmel kull kap ta’ familja lhudija, imma, magħmulin minn Ġesù Kristu bil-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, ġeddew fiż-żewġ kumpanji tiegħu s-sinjal tat-tkattir tal-ħobż u fuq kollox dak ta’ l-Ewkaristija, is-sagrament tas-Sagrifiċċju tas-salib. Imma proprju fil-mument li għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż, “huwa għab minn quddiemhom” (Lq 24,31).  Dan il-fatt iġiegħilna nifhmu realtà essenzjali tal-fidi tagħna: Kristu li jaqsam il-ħobż issa jsir il-ħobż maqsum, imqassam bejn id-dixxipli u kkunsmat minnhom. Huma ma rawhx aktar, għax issa kien daħal fil-qlub tad-dixxipli biex ikebbishom aktar, u jqanqalhom biex jerġgħu jibdew il-vjaġġ tagħhom bla tnikkir biex jikkomunikaw lil kulħadd l-esperjenza unika tal-laqgħa mal-Mulej Irxoxt! Għalhekk Kristu Rxoxt huwa dak li jaqsam il-ħobż u fl-istess ħin huwa nnifsu l-ħobż maqsum għalina. Mela kull dixxiplu missjunarju huwa msejjaħ biex isir, bħal Ġesù u f’Ġesu, permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, dak li jaqsam il-ħobż u dak li jsir ħobż maqsum għad-dinja.

Hawnhekk wieħed irid jiftakar li l-qsim tal-ħobż materjali, f’isem Kristu, ma’ dawk li huma bil-ġuħ huwa diġà att missjunarju Nisrani. Aktar u aktar il-qsim tal-Ħobż Ewkaristiku li hu Kristu nnifsu huwa l-azzjoni missjunarja fl-aqwa tagħha, għax l-Ewkaristija hija l-għajn u l-qofol tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.

Bħalma fakkarna l-Papa Benedittu XVI: «Ma nistgħux inżommu għalina l-imħabba li niċċelebraw fis-Sagrament [tal-Ewkaristija]. Min-natura tagħha stess, din titlob li tiġi kkomunikata lil kulħadd. Dak li għandha bżonn id-dinja hija l-imħabba ta’ Alla, li tiltaqa’ ma’ Kristu u temmen fih. Għalhekk l-Ewkaristija mhijiex biss l-għajn u l-qofol tal-ħajja tal-Knisja; iżda hija wkoll l-għajn u l-qofol tal-missjoni tagħha: “Knisja tabilħaqq Ewkaristika hija Knisja missjunarja”» (Eżortazzjoni Appostolika Sacramentum caritatis, 84).

Biex nagħtu l-frott jeħtieġ li nibqgħu magħqudin miegħu (ara Ġw 15,4-9). U din l-għaqda tinkiseb permezz tat-talb ta’ kuljum, speċjalment fl-adorazzjoni ewkaristika, billi nibqgħu siekta fil-preżenza tal-Mulej, li baqa’ magħna fl-Ewkaristija. Id-dixxiplu missjunarju jista’ jsir mistiku fl-azzjoni billi jikkultiva bi mħabba din il-komunjoni ma’ Kristu. Jalla qalbna dejjem tixxennaq għall-kumpanija ta’ Ġesù, bħat-talba ħerqana taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, l-iktar fil-ħinijiet ta’ filgħaxija: “Ibqa’ magħna, Mulej!”. (ara Lq 24:29)

3. Saqajn mexjin, jirrakkuntaw lill-oħrajn bil-ferħ dwar Kristu Rxoxt. Iż-żgħożija eterna ta’ Knisja li dejjem toħroġ.

Wara li għajnejhom infetħulhom, u għarfu lil Ġesù fil-“qsim tal-ħobż”, id-dixxipli “dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura lejn Ġerusalemm” (ara Lq 24,33). Din l-għaġla, biex wieħed jaqsam mal-oħrajn il-ferħ li ltaqa’ mal-Mulej, turi li “Il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù.  Dawk li jħallu lilu jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament.  Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ. ” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, 1). Wieħed ma jistax verament jiltaqa’ ma’ Ġesù Rxoxt mingħajr ma jkun imkebbes mix-xewqa li jgħid lil kulħadd. Għalhekk, l-ewwel aġenti, u l-aġenti ewlenin tal-missjoni huma dawk il-persuni li għarfu lil Kristu Rxoxt, fl-Iskrittura u fl-Ewkaristija, u li jġorru f’qalbhom in-nar tiegħu, u l-leħħa tiegħu f’għajnejhom. Jistgħu jagħtu xhieda tal-ħajja li ma tmut qatt, anke fl-aktar sitwazzjonijiet diffiċli u fl-iktar mumenti mudlama.

Ix-xbieha tas-“saqajn mexjin” tfakkarna għal darb’oħra kemm hi meħtieġa l-missio ad gentes, il-missjoni mogħtija lill-Knisja mill-Mulej irxoxt biex twassal l-Aħbar it-Tajba lil kull persuna u lil kull poplu sa truf l-art. Illum aktar minn qatt qabel l-umanità, midruba minn tant inġustizzji, firdiet u gwerer, għandha bżonn il-Bxara t-Tajba tal-paċi u s-salvazzjoni fi Kristu. Għalhekk nieħu din l-okkażjoni biex nerġa’ ntenni li “Kulħadd għandu d-dritt jirċievi l-Vanġelu.  L-Insara huma fid-dmir li jxandruh mingħajr ma jħallu lil ħadd barra, mhux qishom xi ħadd li qed jimponi obbligu ġdid, imma bħal min irid jaqsam ma’ ħaddieħor bil-ferħ, jurih xefaq sabiħ, joffrilu ikla mixtieqa.” (ibid., 14). Il-konverżjoni missjunarja tibqa’ l-għan ewlieni li rridu npoġġu għalina nfusna bħala individwi u bħala komunità, għax “ l-azzjoni missjunarja hi l-mudell ta’ kull ħidma tal-Knisja” (ibid., 15).

Kif jgħid l-Appostlu Pawlu, l-imħabba ta’ Kristu ssuqna (ara 2 Kor 5,14). Qegħdin nittrattaw hawnhekk imħabba doppja: dik li għandu Kristu għalina li jsejjaħ, jispira u li jqanqal l-imħabba tagħna lejh.U hija din l-imħabba li tagħmel lill-Knisja żagħżugħa, għax hija knisja li dejjem toħroġ!  Għax il-membri kollha tagħha għandhom il-missjoni li jxandru l-Evanġelju ta’ Kristu, konvinti li “Hu miet għal kulħadd, biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom” (v. 15). Kulħadd jista’ jagħti sehmu f’dan il-moviment missjunarju: bit-talb u l-azzjoni, b’għotjiet materjali u meta noffru t-tbatija, u bix-xhieda personali tagħna stess. L-Opri Missjunarji Pontifiċji huma l-istrument privileġġjat biex titrawwem din il-koperazzjoni missjunarja fuq livell spiritwali u materjali. Għal din ir-raġuni, il-ġabra ta’ offerti fil-Ġurnata Missjunarja tmur għall-Opra Pontifiċja għat-Tixrid tal-Fidi.

L-urġenza tal-azzjoni missjunarja tal-Knisja naturalment teħtieġ koperazzjoni missjunarja dejjem aktar mill-qrib tal-membri kollha tagħha u f’kull livell. Dan huwa l-għan ewlieni tal-mixja sinodali li l-Knisja qed tagħmel bit-tema: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni. Din il-mixja ma tfissirx li l-Knisja qed iddur fuqha nnifisha; u lanqas huwa xi tip ta’ referendum dwar x’għandna nemmnu u x’għandna nagħmlu skont kif jaħsbuha n-nies. Anzi, bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, din hija mixja biex nisimgħu lill-Mulej Rxoxt li huwa dejjem fostna biex ifissrilna l-Iskrittura u biex jaqsam il-ħobż għalina, biex inkunu nistgħu nkomplu l-missjoni tiegħu fid-dinja bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Bħalma dawk iż-żewġ dixxipli rrakkontaw lill-oħrajn dak li ġralhom matul it-triq (ara Lq 24,35), hekk ukoll it-tħabbira tagħna trid tkun li nirrakkuntaw bil-ferħ dwar Kristu l-Mulej, dwar ħajtu, il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, u l-għeġubijiet li l-imħabba tiegħu għamlet f’ħajjitna.

Mela ejjew nerġgħu nitilqu aħna wkoll, imdawlin mil-laqgħa tagħna personali mal-Mulej Irxoxt u mqanqlin mill-Ispirtu tiegħu. Ejjew nerġgħu noħorġu bi qlubna mkebbsin, b’għajnejna miftuħin u b’saqajna mexjin, biex inkebbsu qlub oħra bil-Kelma ta’ Alla, biex niftħu għajnejn l-oħrajn għal Ġesù Ewkaristija, u biex nistiednu lil kulħadd ħalli nimxu flimkien fit-triq tal-paċi u s-salvazzjoni li Alla, permezz ta’ Kristu,  ta lil kull bniedem.

Il-Madonna tat-Triq, Omm id-dixxipli missjunarji ta’ Kristu, u Sultana tal-Missjonijiet, itlob għalina!

Ruma, San Ġwann Lateran, 6 ta’ Jannar 2023, Solennità tal-Epifanija tal-Mulej.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes