L-EWWEL JUM INTERNAZZJONALI TAL-FRATERNITÀ UMANA

MESSAĠĠ VIDEO MILL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

Il-Ħamis, 4 ta ’Frar, 2021


Ħuti. Din hija l-kelma: ħuti. Jeħtieġ li naffermaw il-fraternità.

B'mod speċjali lilek, għażiż ħija, ħabib tiegħi, għażiż kumpann tiegħi fl-isfidi u fir-riskji fil-ġlieda għall-fraternità, l-Imam il-Kbir Aħmed Al-Tajjeb, nirringrazzjak għas-sostenn tiegħek f'din il-mixja, għar-riflessjoni u għall-kitba ta' dan id-dokument li ġie ppreżentat sentejn ilu. Ix-xhieda tiegħek għenitni ħafna għax kienet xhieda kuraġġuża. Naf li ma kinitx biċċa xogħol faċli. Imma miegħek stajna nagħmluh flimkien, u ngħinu lil xulxin. L-isbaħ ħaġa kienet li dik l-ewwel xewqa għall-fraternità ġiet imwettqa fi fraternità vera. Grazzi għażiż ħija, grazzi.

Irrid nirringrazzja wkoll lill-Altezza Tiegħu Xejik Moħammed bin Żajed għall-isforzi kollha li għamel biex jgħinna nkomplu f'din it-triq. Huwa emmen fil-proġett.

U naħseb ukoll li huwa ġust li nirringrazzja, u ippermettili, Sur Imħallef, il-kelma: "l'enfant terrible" ta' dan il-proġett kollu, l-Imħallef Abdel Salam, ħabib, ħaddiem, bniedem mimli ideat, li għenna nimxu 'l quddiem.

Grazzi lil kulħadd talli emmintu fil-fraternità, għax illum il-fraternità hija l-fruntiera l-ġdida tal-umanità. Jew aħna aħwa, jew neqirdu lil xulxin.

Illum m'hemmx żmien għall-indifferenza. Ma nistgħux naħslu idejna billi nibqgħu 'l bogħod minn xulxin jew billi ma nagħtux każ ta' xulxin. Jew aħna aħwa - ippermettuli - jew kollox jaqa'. Hija l-fruntiera. Il-fruntiera li fuqha rridu nibnu; hija l-isfida tas-seklu tagħna, hija l-isfida ta’ żminijietna.

Fraternità tfisser id mifruxa, fraternità tfisser rispett. Fraternità tfisser smigħ b’qalb miftuħa. Fraternità tfisser tkun sod f'dak li temmen. Għax m'hemm l-ebda fraternità vera jekk toqgħod tilgħab bil-konvinzjonijiet tiegħek stess.

Aħna aħwa, imwielda mill-istess Missier. B'kulturi, tradizzjonijiet differenti, imma lkoll aħwa. U meta nirrispettaw il-kulturi u t-tradizzjonijiet differenti tagħna, iċ-ċittadinanzi differenti tagħna, aħna nibnu din il-fraternità. Mhux ninnegozjawha.

Dan huwa l-mument tas-smigħ. Huwa l-mument li naċċettaw lil xulxin b'qalb sinċiera. Huwa l-mument fejn aħna żguri li dinja mingħajr aħwa hija dinja ta' għedewwa. U din irrid nenfasizzaha. Ma nistgħux ngħidu: jew aħwa jew m'aħniex aħwa. Ejja ngħiduha bla tlaqliq: aħna jew aħna aħwa, inkella aħna għedewwa. Għax meta ma nieħdux ħsieb xulxin, din hija forma sottili ħafna li aħna għedewwa. M'hemmx għalfejn gwerra biex tagħmel l-għedewwa. Biżżejjed hu li ma tagħtix każ l-oħrajn. Ejjew ngħidu "daqshekk!" lil din it-teknika - għax issa din saret teknika - daqshekk għal dik l-attitudni li tħares lejn in-naħa l-oħra, li tinjora lil ħaddieħor, daqslikieku ma jeżistix.

Għażiż Ħuna Imam Kbir: grazzi tal-għajnuna tiegħek, grazzi tax-xhieda tiegħek, grazzi ta' din il-mixja li għamilna flimkien.

[Hawnhekk il-Papa ta l-awguri tiegħu lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, rebbieħ tal-Premju Żajed.]

Irrid nifraħ lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal dan il-premju u nirringrazzjah għall-isforzi kollha li jagħmel għall-paċi. Paċi li tista’ tinkiseb biss b’qalb fraterna. Grazzi ta' dak kollu li tagħmel.

[Awguri tal-Papa lil Latifa Ibn Ziaten, rebbieħa tal-Premju Żajed.]

Għażiża oħt, l-aħħar kliemiet tiegħek ma għidthomx biex tkun għidthom: "aħna lkoll aħwa." Huma konvinzjoni. Konvinzjoni mwaħħda mal-uġigħ tiegħek. Lgħabt ħajtek biex tara tbissima, lgħabt ħajtek u għaddejt mit-tbatija meta tlift lil ibnek. Hija biss l-omm li taf x'jiġifieri titlef lil binha. U permezz ta' dik it-tbatija inti stajt tgħid "aħna lkoll aħwa". Inti żrajt kelmiet ta’ mħabba. Grazzi tax-xhieda tiegħek. U grazzi talli kont omm għal ibnek, u għal tant subien u bniet; talli llum inti omm ta’ din l-umanità li qed tisimgħek u titgħallem mingħandek: jew it-triq tal-fraternità, jew aħna aħwa, jew nitilfu kollox.

Grazzi grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes