Laikos

 

MESSAĠĠ BIL-VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
GĦAT-TIENI JUM INTERNAZZJONALI
TAL-FRATELLANZA UMANA

4 ta’ Frar 2022

Għeżież ħuti!

Qabel kollox, ippermettuli nsellem b’għożża u stima lill-Imam il-Kbir Ahmed Al-Tajjeb, li miegħu, eżattament tlett snin ilu f’Abu Dhabi, kont iffirmajt id-Dokument dwar il-fratellanza umana għall-paċi dinjija u l-konvivenza bejn il-bndemin kollha.  Tul dawn is-snin imxejna flimkien bħal aħwa, bl-għarfien li b’rispett lejn il-kulturi rispettivi u t-tradizzjonijiet tagħna, għandna sejħa biex nibnu l-fratellanza bħala barriera kontra l-mibegħda, il-vjolenza u l-inġustizzja.

Irrodd ħajr lil kulmin akkumpanjana mat-triq: l-Altezza Tiegħu Mohammed bin Zayed għall-impenn bla heda tiegħu f’din id-direzzjoni, il-Kumitat Għoli għall-Fratellanza Umana għall-inizjattivi varji li niedew f’bosta nħawi tad-dinja u l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda għaliex bir-riżoluzzjoni tal-21 ta’ Diċembru, 2020, tat il-permess li jkun iċċelebrat it-Tieni Jum Internazzjonali tal-Fratellanza Umana.  U l-gratitudni tiegħi hi wkoll lejn l-istituzzjonijiet ċivili u reliġjużi kollha li jagħtu sapport lil dil-kawża nobbli.

Il-fratellanza hi wieħed mill-valuri fundamentali u universali u għandha tkun il-pedament tar-relazzjonijiet bejn il-popli, biex dawk li jbatu jew li huma żvantaġġjati ma jħossuhomx imwarrbin u minsijin, imma milqugħin, imweżnin, bħala parti minn familja umana waħda.  Aħna aħwa!

Meta flimkien naqsmu dawn is-sentimenti ta’ fratellanza ma’ xulxin, ilkoll kemm aħna għandna nkunu aġenti ta’ kultura ta’ paċi li tinkoraġġixxi żvilupp sostenibbli, tolleranza, inklużjoni, fehim reċiproku u solidarjetà.

Ilkoll ngħixu taħt l-istess sema, indipendentement minn fejn aħna u kif ngħixu, mill-kulur tal-ġilda, mir-reliġjon, mill-qagħda soċjali, mis-sess, mill-età, mill-kundizzjonijiet tas-saħħa u ekonomiċi.  Aħna lkoll differenti iżda lkoll l-istess u daż-żmien ta’ pandemija dan uriehulna ċar.  Intenni għal darb’oħra: ħadd ma jista’ jsalva waħdu!

Ngħixu taħt l-istess sema, u f’isem Alla, aħna li aħna ħolqien tiegħu, għandna nagħrfu lil xulxin bħala aħwa.  Bħala bnedmin li nemmnu, li niffurmaw parti minn tradizzjonijiet reliġjużi differenti, għandna rwol x’naqdu.  Liema hu dan ir-rwol?  Li ngħinu lil ħutna jerfgħu ħarsithom u talbhom lejn is-Sema.  Nerfgħu għajnejna lejn is-Sema, għax min jadura lil Alla b’qalb sinċiera jħobb ukoll lill-proxxmu.  Il-fratellanza ġġagħlna ninfetħu għall-Missier ta’ kulħadd u fl-ieħor naraw lil ħija, lil oħti, naqsmu l-ħajja flimkien, inwieżnu lil xulxin, inħobbu u nsiru nafu lill-oħrajn.

Aħna lkoll ngħixu taħt l-istess sema.  Illum hu ż-żmien it-tajjeb biex nimxu flimkien.  Ma nħallux għal għada jew għall-ġejjieni, jekk jasal; illum hu ż-żmien tajjeb biex nimxu flimkien: kulmin jemmen u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, flimkien.  Huwa l-jum propizju biex nieħdu b’idejn xulxin, biex niċċelebraw l-għaqda ta’ bejnietna fid-diversità – għaqda, mhux uniformtà, għaqda fid-diversità -, biex lill-komunità u lis-soiċjetà li ngħixu fihom ngħidulhom li ż-żmien tal-fratellanza wasal.  Ilkoll flimkien, għax huwa fundamentali li nkunu solidali ma’ xulxin.  Għaldaqstant, illum, intenni, mhux żmien l-indifferenza: jew aħna aħwa, inkella jiġġarraf kollox.  U din mhix espressjoni sempliċiment letterarja u traġika, le, hija l-verità!  Jew aħwa inkella kollox jiġġarraf, narawh isir fil-gwerer żgħar, f’dit-tielet gwerra dinjija miġġielda bil-biċċa, kif jinqerdu l-popli, kif it-tfal m’għandhomx x’jieklu, kif tonqos l-edukazzjoni....  Hija qerda.  Jew aħna aħwa inkella jiġġarraf kollox.

Mhuwiex iż-żmien li ninsew.  Kuljum għandna niftakru dak li Alla qal lill-Abram: li meta refa’ għajnejh lejn il-kwiekeb kellu jara l-wegħda tal-dixxendenza tiegħu, jiġifieri aħna (cfr Laqgħa Inter-reliġjuża f’Ur, 6 ta’ Marzu, 2021).  Wegħda li fl-aħħar seħħet wkoll fil-ħajjiet tagħna: dik ta’ fraternità wiesa’ u mdawla kif jiddu l-kwiekeb fis-sema!

Għeżeiż ħuti, Għażiż ħija Imam il-Kbir!

It-triq tal-fratellanza hi twila, hi triq diffiċli, imma hija l-ankra tas-salvazjzoni għall-umanità.  Fost il-bosta sinjali ta’ theddid, żminijiet imdallma, il-loġika tal-kunflitt, ejjew inqiegħdu s-sinjal tal-fratellanza illi juri li meta nilqgħu lill-ieħor u nirrispettaw l-identità tiegħu, ikun ta’ fejda biex nimxu flimkien.  Mhux kopja ta’ xulxin, le, aħwa, kull wieħed u waħda bil-personalità tiegħu, tagħha, bl-uniċita’ tiegħu, tagħha.

Radd il-ħajr lil kulmin jaħdem bil-konvinzjoni li nistgħu ngħixu fl-armonija u l-paċi, għax nagħrfu l-ħtieġa li d-dinja tkun aktar fraterna għax ilkoll kemm aħna ħolqien ta’ Alla: aħwa.

Radd il-ħajr lil kulmin se jingħaqad mal-mixja tagħna ta’ fratellanza.  Nagħmel il-qalb lil kulħadd biex jimpenja ruħu għall-kawża tal-paċi u biex ikun tweġiba għall-problemi u l-bżonnijiet konkreti ta’ min hu tal-aħħar, tal-foqra, ta’ min hu bla difiża.  Il-proposta hi li nimxu spalla ma’ spalla, “ilkoll aħwa” (fratelli tutti) biex konkretament inkunu artiġġjani tal-paċi u tal-ġustizzja, bl-armonija tad-differenzi u bir-rispett lejn l-identità ta’ kull wieħed u waħda.  Ħuti, ejjew nibqgħu mexjin ‘il quddiem f’dit-triq tal-fratellanza!  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber