Laikos

 

Messaġġ tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku

VI JUM DINJI TAL-FOQRA
13
ta’ Novembru 2022

Ġesù Kristu ftaqar minħabba fikom (ara 2 Kor 8,9)
 

1. «Ġesù Kristu […] ftaqar minħabba fikom» (ara 2 Kor 8,9). L-appostlu Pawlu qal dan il-kliem lill-ewwel Insara ta’ Korintu biex isaħħaħhom fl-impenn ta’ solidarjetà lejn ħuthom fil-bżonn. Anki din is-sena, il-Jum Dinji tal-Foqra  għandu jqanqalna biex nirriflettu fuq l-istil ta’ ħajja li ngħixu u fuq il-ħafna forom ta’ faqar li hawn bħalissa.

Ftit xhur ilu, id-dinja bdiet ħierġa mill-maltempata tal-pandemija, u bdew jidhru sinjali ta’ rkupru ekonomiku li jissollevaw miljuni ta’ nies li ftaqru għax tilfu x-xogħol. U għalkemm it-tbatija għat-telfa tal-għeżież tagħna baqgħet hemm, imma sa fl-aħħar bdejna naraw xaqq ta’ dawl, u bdejna nistennew li jkollna relazzjonijiet personali diretti u li niltaqgħu flimkien bla ebda ristrizzjonijiet. F’daqqa waħda tfaċċa gwaj ieħor li qed jimponi xenarju differenti fuq id-dinja.

Bdiet il-gwerra fl-Ukrajna li żdiedet ma’ gwerer reġjonali oħra li qed iġibu mewt u qerda. Imma hawnhekk għandna stampa aktar komplessa minħabba l-indħil dirett ta’ “superpotenza”  li qed timponi r-rieda tagħha kontra l-prinċipu tal-awtodeterminazzjoni tal-ġnus. Qed jirrepetu ruħhom xeni traġiċi, u għal darb’oħra r-rikatt reċiproku ta’ xi setgħanin qed joħnoq il-vuċi tal-umanità li qiegħda titlob għall-paċi.

2. X’faqar kbir tiġġenera l-gwerra li ma tagħmel ebda sens! Kull fejn iddawwar wiċċek tara vjolenza li tolqot lil dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom u lil dawk l-aktar dgħajfa. Eluf ta’ nies, l-aktar tfal, qed ikunu eżiljati, imqaċċta minn għeruqhom u qed tkun imposta fuqhom  identità oħra. Qed jergħu jseħħu kliem is-Salmista li quddiem il-qerda ta’ Ġerusalemm u l-eżilju taż-żgħażagħ Ebrej qal: «F’xatt ix-xmajjar ta’ Babel / hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna /aħna u niftakru f’Sijon. /Mas-siġar tal-luq tagħha / dendilna ċ-ċetri tagħna. / Għax hemm, dawk li jassruna, / talbuna ngħannulhom xi għanja, /dawk li hemm għakksuna/ stennew minna għanja ta’ ferħ. / […] Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej / f’art barranija?» (Sal 137,1-4).

Miljuni ta’ nisa, tfal u anzjani qed ikollhom jaffrontaw il-periklu tal-bombi biex immorru jfittxu l-kenn bħala refuġjati f’xi pajjiż fil-qrib. Imbagħad kemm hemm li qed jibqgħu fiż-żoni fejn il-ġlied  għadu sejjer! Dawn jgħixu t-twerwir kuljum, u jbatu minħabba nuqqas ta’ ikel, ilma, kura medika, u fuq kollox l-għożża ta’ nieshom. F’dawn is-sitwazzjonijiet, ir-raġuni tiddallam u dawk li jbatu l-effetti huma n-numru bla għadd ta’ nies komuni li qed jiżdiedu ma’ dawk il-ħafna li ġa kienu fil-bżonn. Kif tista’ tagħti tweġiba li twassal solliev u paċi lil tant nies maħkuma mill-inċertezza u minn sitwazzjoni daqshekk prekarja?

3. Din hi s-sitwazzjoni ta’ kunflitti li fiha qed niċċelebraw is-VI Jum Dinji tal-Foqra. U aħna mitluba nirriflettu fuq is-sejħa tal-Appostlu Pawlu biex inżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù, li: «għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu» (2 Kor 8,9). Fiż-żjara tiegħu f’Ġerusalemm, Pawlu ltaqa’ ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni li talbuh biex ma jinsiex il-foqra. Il-komunità ta’ Ġerusalemm kienet għaddejja minn żmien iebes għax il-pajjiż inħakem mill-ġuħ, u l-Appostlu malajr ra kif għamel u organizza ġabra kbira b’risq il-foqra. L-Insara ta’ Korintu wriew li kienu sensittivi u disponibbli, u fuq talba ta’ Pawlu bdew jagħmlu ġabra kull l-ewwel jum tal-ġimgħa. Kienu jiġbru dak li kien jirnexxilhom ifaddlu, u lkoll kienu ġenerużi ħafna.

U minn dak iż-żmien aħna bqajna nagħmlu l-istess, għax kull nhar ta’ Ħadd waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija; aħna wkoll nagħtu l-offerta tagħna biex il-komunità tkun tista’ tieħu ħsieb dawk l-aktar fil-bżonn. L-Insara dejjem wettqu dan il-ġest b’ferħ u b’sens ta’ responsabbiltà biex ħadd mill-aħwa ma jkun nieqes minn dak li jeħtieġ. San Ġustinu jagħti xhieda ta’ dan. Fit-tieni seklu, meta kiteb lill-Imperatur Antoninus Pius biex jiddeskrivilu ċ-ċelebrazzjoni li l-Insara kienu jagħmlu fil-jum tal-Ħadd, qallu hekk: “Fil-jum imsejjaħ “tax-Xemx” jinġabru flimkien dawk kollha li jgħixu fil-belt jew fil-kampanja u jaqraw it-tifkiriet tal-Appostli jew il-kitbiet tal-profeti, skont maż-żmien jippermetti. […] Imbagħad isir il-qsim u dawk preżenti jirċievu l-ispeċi kkonsagrati, fil-waqt li d-djakni joħduhom lil dawk li ma jkunux hemm għaċ-ċelebrazzjoni. Min jista’ u min jixtieq jagħmel għotja b’mod liberu. Il-ġabra tingħata f’idejn is-saċerdot biex biha jgħin lill-iltiema, lin-nisa romol, lil dawk fil-bżonn minħabba mard jew xi ħaġa oħra, lill-ħabsin, lill-barranin li jsibu ruħhom qrib tagħna: nieħdu ħsieb kull min hu fil-bżonn» (Prima Apologia, LXVII, 1-6).

4. Iżda aktar ‘l quddiem il-komunità ta’ Korintu bdiet tnaqqas mill-entużjażmu li kellha fil-bidu u tilfet il-ħeġġa biex twettaq l-inizjattiva li kien ippropona l-Appostlu. Kien dan li qanqal lil Pawlu jiktbilhom biex jerġgħu jibdew jiġbru, «ħalli b’hekk, bħalma ridtu tagħmlu dan minn qalbkom, hekk ukoll ittemmuh, kulħadd skont ma għandu» (2 Kor 8,11).

Dan ifakkarni fid-disponibbiltà ta’ popolazzjonijiet sħaħ li f’dawn l-aħħar snin kienu lesti li jiftħu bwiebhom biex jilqgħu miljuni ta’ rifuġjati li ħarbu mill-gwerra tal-Lvant Nofsani, l-Afrika ċentrali u issa l-Ukrajna. Il-familji fetħu djarhom biex jilqgħu familji oħra, il-komunitajiet kienu ġenerużi u laqgħu bosta nisa u tfal biex joffrulhom id-dinjità li tixirqilhom. B’danakollu, aktar ma jieħdu fit-tul dawn il-kunflitti, aktar jiggravaw il-konsegwenzi li jġibu magħhom. Il-popli li jilqgħu lil dawn in-nies qegħdin dejjem jagħmlu sforz akbar biex ikomplu jagħtu l-għajnuna tagħhom; il-familji u l-komunitajiet qed jibdew iħossu t-toqol tas-sitwazzjoni, li tmur ‘l hemm mill-emerġenza. Dan hu l-mument li fih wieħed ma jridx iċedi imma jrid iġedded l-impenn li ħa fil-bidu. Dak li bdejna hemm bżonn li nkomplu nwettquh bl-istess responsabbiltà.

5.Fil-fatt, solidarjetà tfisser propju dan: li naqsmu l-ftit li għandna ma’ dawk li m’għandhom xejn biex ħadd ma jbati. Aktar mas-sens ta’ komunità u ta’ komunjoni jsir stil ta’ ħajja, aktar tiżviluppa ruħha s-solidarjetà. Tajjeb inżommu f’moħħna li f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, il-ħajja ta’ bosta familji f’ċerti pajjiżi għamlet qabża sinifikattiva ‘l quddiem, u dawn iħossuhom qed jgħixu fiż-żgur. Dan hu l-frott pożittiv tal-inizjattiva privata u ta’ liġijiet li sostnew it-tkabbir ekonomiku flimkien ma’ inċentivi konkreti favur il-politika tal-familja u r-responsabbiltà soċjali. Il-patrimonju ta’ sigurtà u stabbilità issa jista’ jinqasam ma’ dawk li qed ikollhom iħallu djarhom u pajjiżhom biex isalvaw u jkunu jistgħu jgħixu. Bħala membri tas-soċjetà ċivili rridu naraw li t-talba għall-valuri tal-libertà, responsabbiltà, fratellanza u solidarjetà tibqa’ sħiħa. U bħala Nsara rridu naraw li l-imħabba, il-fidi u t-tama jibqgħu jkunu s-sisien ta’ ħajjitna u tal-imġiba tagħna.

6. Interessanti nosservaw li l-Appostlu ma riedx jobbliga lill-Insara jagħmlu opra ta’ karità bil-fors. Fil-fatt kiteb: «M’iniex nordnalkom» (2 Cor 8,8); pjuttost kellu f’moħħu li «jipprova kemm kienet sinċiera» imħabbithom fl-attenzjoni u l-għajnuna li jagħtu lill-foqra (ara ibid.).  Pawlu żgur għamel it-talba għall-għajnuna konkreta għax ra li kien hemm l-bżonn, iżda l-intenzjoni tiegħu kienet aktar profonda minn hekk. Stedinhom jagħmlu l-ġabra bħala sinjal tal-imħabba li Ġesù stess tana xhieda għaliha. Il-mutur l-aktar b’saħħtu li jqanqal il-ġenerożità tagħna lejn il-fqir hu l-eżempju tal-Iben t’Alla, li hu stess ried li jiftaqar.

L-Appostlu ma beżax jisħaq li din l-għażla ta’ Kristu, dan “il-faqar” tiegħu hu “grazzja”, anzi “grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu» (2 Kor 8,9), u hu biss meta nilqgħu din il-grazzja li aħna nkunu nistgħu nesprimu l-fidi tagħna b’mod konkret u koerenti. It-tagħlim kollu tat-Testment il-Ġdid jinġabar madwar din it-tema li nsibuha wkoll fil-kliem tal-appostlu Ġakbu:  «Kunu intom dawk li tagħmlu l-Kelma u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Għax jekk xi ħadd jisma’ l-kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f’mera l-wiċċ li bih twieled: jara lilu nnifsu, jitlaq u malajr jinsa kif kien. Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil tiegħu» (Ġak 1,22-25).

7. Fejn jidħlu l-foqra m’hemmx retorika, irridu nxammru l-kmiem u ngħixu l-fidi tagħna billi ninvolvu ruħna b’mod dirett, bla ma nitfgħu l-piż fuq ħadd. Iżda xi drabi tidħol il-laxkezza u  l-imġiba tagħna ma tkunx koerenti; inkunu indifferenti fejn jidħlu l-foqra. Jiġri wkoll li ċerti Nsara jkunu wisq marbuta mal-flus u jibqgħu mgħaddsa fl-użu ħażin tal-ġid u l-patrimonju li jkollhom. Dan juri fidi dgħajfa u tama fjakka, b’vista qasira.

Nafu li l-problema mhumiex il-flus fihom infushom, għax dawn jagħmlu parti mill-ħajja tagħna bħala individwi u mir-relazzjonijiet soċjali. L-aktar li hemm bżonn nirriflettu hu pjuttost fuq il-valur tal-flus, x’inhu l-valur tagħhom għalina: il-flus m’għandhomx isiru l-assolut, l-għan prinċipali. Ġibda għall-flus ta’ din ix-xorta ma tħalliniex inħarsu b’realiżmu lejn il-ħajja li ngħixu kuljum, ittappan ħarsitna u ma tħalliniex naraw il-bżonnijiet tal-oħrajn. M’hemmx ħaġa agħar li tista’ tiġri lin-Nisrani u lill-komunità minn meta jħallu l-idolu tal-ġid jgħammex ‘l għajnejhom u jispiċċaw marbuta ma’ viżjoni ta’ ħajja effimera u falluta.

Hawnhekk mhux qed nitkellmu dwar il-mentalita’ li bosta drabi jkun hemm wara l-imġiba tagħna meta ngħinu ‘l-foqra; imma dwar l-impenn meħtieġ biex ħadd ma jkun jonqsu xejn. Mhuwiex l-attiviżmu li jsalva, imma l-attenzjoni sinċiera u ġeneruża li twassalna biex nersqu lejn fqir bħala wieħed minn ħutna li qed joħroġ idejh biex jgħinna noħorġu mit-telqa kbira li waqajna fiha. Għalhekk, «ħadd m’għandu jgħid li hu jitbiegħed mill-foqra għax l-għażliet ta’ ħajtu jitolbu minnu li jagħti aktar attenzjoni lil responsabbiltajiet oħra. Din hi skuża li sikwit tisma’ fl-ambjenti akkademiċi, tan-negozju jew professjonali, u saħansitra f’dawk ekkleżjali. […] Ħadd m’għandu jħossu meħlus milli jħabrek għall-foqra u għall-ġustizzja soċjali » (Eżort. ap. Evangelii gaudium, 201). Hemm ħtieġa urġenti ta’ soluzzjonijiet ġodda li l-impostazzjoni tagħhom titlob li negħlbu «dik l-idea tal-politika soċjali maħsuba bħala politika għall-foqra, imma qatt mal-foqra, qatt tal-foqra u wisq inqas inserita fi proġett li jxierek flimkien il-popli» (EnċFratelli tutti, 169). Iżda, minflok hemm bżonn inħabirku għal dik l-istess attitudni li kellu l-Appostlu meta kiteb lill-Korintin «Mhux biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqa’ fuqkom, imma kulħadd indaqs» (2 Kor 8,13).

8.Hemm paradoss li llum bħal fl-imgħoddi diffiċli taċċettah, għax imur kontra l-loġika umana: hemm faqar li jagħmlek sinjur. Fil-waqt li jfakkar fil-“grazzja ta’ Ġesù Kristu, Pawlu jikkonferma dak li Ġesù stess ippriedka, jiġifieri li l-veru għana ma jinsabx filli nġeddsu «teżori f’din id-dinja fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu» (Mt 6,19), imma jinsab fl-imħabba lejn xulxin li twassalna biex inġorru l-piż ta’ xulxin ħalli ħadd ma jħossu abbandunat jew imwarrab. L-esperjenza ta’ dgħufija u limitu li għexna f’dawn l-aħħar snin u t-traġedja tal-gwerra bl-effetti globali t’issa għandhom jgħallmuna xi ħaġa deċiżiva: m’aħniex qegħdin fid-dinja biex kemm kemm nibqgħu ħajjin, imma biex kulħadd jgħix ħajja xierqa u feliċi. Il-messaġġ ta’ Ġesù jurina t-triq u jwassalna biex niskopru li hemm faqar li jumilja u joqtol, imma hemm faqar ieħor, il-faqar tiegħu, li jagħmilna ħielsa u jagħtina s-serenità.

Il-faqar li joqtol hu miżerja, bint l-inġustizzja, l-isfruttament, il-vjolenza u t-tqassim inġust tar-riżorsi. Hu faqar ta’ disperazzjoni, nieqes minn ġejjieni, għax jimponi l-kultura tal-iskart li la ġġib prospettivi u lanqas toroq biex wieħed joħroġ mis-sitwazzjoni li jkun fiha. Hu miżerja li mhux biss tinforza l-kundizzjoni ta’ faqar estrem, imma anki ġġib magħha t-taħsir tad-dimensjoni spiritwali, li għalkemm hi spiss traskurata, imma dan ma jfissirx li ma teżistix jew ma tgħoddx. Meta l-liġi waħdanija issir dik li fl-aħħar tal-ġurnata tara biss il-qligħ, ma jkun hemm xejn aktar li jista’ jwaqqaf il-loġika tal-isfrutament tal-persuni: l-oħrajn ikunu biss mezz. La jeżisti salarju ġust u lanqas ħin ta’ xogħol ġust; jinħolqu forom ġodda ta’ jasar għal nies li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor u jkollhom jaċċettaw din l-inġustizzja velenuża biex jaqilgħu l-għajxien minimu tagħhom ta’ kuljum.

Għall-kuntrarju, il-faqar ħellies hu dak li jpoġġi quddiemna għażla responsabbli biex inħeffu mill-piż ta’ dak li jtaqqalna u nimmiraw lejn l-essenzjal. Fil-fatt, faċli niltaqgħu ma’ dak is-sens ta’ nuqqas ta’ sudisfazzjoni li ħafna jħossu għax jaraw li hemm xi ħaġa importanti nieqsa f’ħajjithom u jmorru jfittxu ‘l hawn u ‘l hinn bla ebda skop. Fil-waqt li qed ifittxu xi ħaġa li tista’ tagħtihom sudisfazzjoni, hemm bżonn li jsibu min jindirizzhom lejn l-iżgħar, lejn id-dgħajfa, lejn il-foqra, biex fl-aħħar jifhmu dak li tassew għandhom bżonn. Il-laqgħa ma’ min hu fqir tgħinna niefqu minn ħafna ansjetà u biża’ bla sens, u nagħrfu xinhu dak li tassew jgħodd u li ħadd ma jista’ jisraqulna: l-imħabba vera u gratwita. Qabel ma’ huma oġġett tal-elemożina tagħna, il-foqra huma suġġett li jgħinna ninħelsu mill-irbit tal-ansjetà u tas-superfiċjalità.

San Ġwann Kriżostmu, wieħed mill-missirijiet u dutturi tal-Knisja, li fil-kitbiet tiegħu joħodha sew kontra l-mod kif xi Nsara jġibu ruħhom mal-foqra, jgħid hekk: «Jekk ma tistax temmen li l-faqar jagħmlek sinjur, aħseb fil-Mulej tiegħek u ieqaf minn dan id-dubju. Li kieku hu ma ftaqarx, int qatt ma kont tistagħna; hi xi ħaġa  tassew straordinarja li mill-faqar joħroġ abbundanza ta’ għana. Għal Pawlu “għana” jfisser għarfien tal-pjetà, purifikazzjoni mid-dnub, ġustizzja, qdusija u elf ħaġ’oħra mogħtija lilna issa u dejjem. Għandna dan kollu grazzi għall-faqar» (Omeliji fuq it-II Ittra lill-Korintin, 17,1).

9. Is-silta tal-Appostlu li qed nirreferu għaliha f’dan is-VI Jum Dinji tal-Foqra tippreżentalna paradoss kbir fil-ħajja tal-fidi: il-faqar ta’ Kristu jagħmilna għonja. Pawlu seta’ jagħti dan it-tagħlim u l-Knisja setgħet ixxerdu u tagħti xhieda tiegħu matul is-sekli, għax Alla għażel li jimxi f’din it-triq f’Ibnu Ġesù. La Hu sar fqir għalina, mela l-ħajja tagħna stess tiddawwal u tinbidel, u takkwista valur li d-dinja ma tafux u ma tistax tagħtih. L-għana ta’ Ġesù hi l-imħabba tiegħu, li ma tagħlaq qalbha għal ħadd u tmur tiltaqa’ ma’ kulħadd, l-aktar ma’ min hu mwarrab u nieqes minn dak li hu neċessarju. Għall-imħabba, Hu tneżża’ minnu nnifsu u ħa fuqu l-kundizzjoni tagħna l-bnedmin. Għall-imħabba Hu sar qaddej ubbidjenti, sa wasal biex ħa l-mewt, il-mewt tas-salib (ara Fil 2,6-8). Għall-imħabba Hu sar «ħobż tal-ħajja» (Ġw 6,35), biex ħadd ma jkun nieqes mill-ikel li neħtieġu għall-ħajja ta’ dejjem. Illum ukoll, bħalma kien għad-dixxipli fi żmien Ġesu, hu diffiċli li wieħed jaċċetta dan it-tagħlim (ara Ġw 6,60); imma l-kelma ta’ Ġesù hija ċara ħafna. Jekk irridu li l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt u li d-dinjità tkun mifdija mill-inġustizzja, it-triq għandha tkun dik li mexa fiha hu: irridu nimxu wara l-faqar ta’ Ġesù Kristu, billi, għall-imħabba, naqsmu ħajjitna mal-oħrajn, naqsmu l-ħobż tal-eżistenza tagħna ma’ ħutna, nibdew minn dawk li jinsabu fl-aħħar post, minn dawk li jonqoshom dak li hu bżonnjuż għal ħajjithom, biex isseħħ l-ugwaljanza, il-foqra jinħelsu mill-miżerja u l-għonja mill-vanità; it-tnejn huma nieqsa mit-tama.

10.Fil-15 ta’ Mejju li għadda kkanonizzajt il-Br. Charles de Foucauld, raġel li twieled sinjur, imma li ħalla kollox biex jimxi wara Ġesù u jsir fqir bħalu, u li ra l-bnedmin kollha bħala ħutu. Il-ħajja tiegħu ta’ eremita, l-ewwel f’Nazaret u mbagħad fid-deżert tas-Sahara, ħajja ta’ silenzju, talb u kondiviżjoni, hi xhieda eżemplari tal-faqar nisrani. Jagħmlilna tajjeb nimmeditaw fuq dan il-kliem tiegħu: «Ma niddisprezzawx il-foqra, iż-żgħar, il-ħaddiema; dawn mhux biss huma ħutna f’Alla, imma huma wkoll dawk li jimitaw b’mod perfett lil Ġesù  fil-ħajja esterjuri tiegħu. Huma jirrapreżentaw b’mod perfett lil Ġesù, Ħaddiem f’Nazaret. Huma l-ewwel ulied fost il-magħżulin; l-ewwel li ssejħu lejn il-Benniena tal-Feddej. Kienu huma l-imsieħba regolari ta’ Ġesù, mit-twelid sal-mewt tiegħu […]. Ejjew nagħtuhom ġieħ; ejjew fihom nagħtu ġieħ lix-xbihat ta’ Ġesù u tal-ġenituri qaddisin tiegħu […]. Ejjew nieħdu  [il-kundizzjoni] li hu ħa għalih innifsu[…]. Ejjew ma niefqu qatt inkunu foqra f’kollox, aħwa tal-foqra, sieħba tal-foqra; ejjew inkunu l-ifqar fost il-fqar bħal Ġesù, u bħalu nħobbu l-foqra u naraw li jkunu dejjem madwarna» (Kummenti għall-Evanġelju ta’ San Luqa, Meditazzjoni 263). [1] Dan ma kienx biss kliem għal Br.Charles, imma stil konkret ta’ ħajja li wasslu biex jaqsam ma’ Ġesù d-don stess tal-ħajja.

Jalla dan is-VI Jum Dinji tal-Foqra jsir opportunità ta’ grazzja; jalla jgħinna nagħmlu eżami ta’ kuxjenza personali u komunitarju u nistaqsu lilna nfusna jekk il-faqar ta’ Ġesù Kristu huwiex  is-sieħeb fidil  tagħna fil-ħajja.

Ruma, San Ġwann fil- Lateran, 13 ta’ Ġunju  2022, Tifkira ta’ Sant Antnin ta’ Padova.
 

FRANĠISKU

_______________________________________ 

[1] Meditazzjoni n. 263 fuq  Lk 2,8-20: C. DE FOUCAULD, La Bonté de Dieu. Méditations sur les saints Evangiles (1), Nouvelle Cité, Montrouge 1996, 214-216.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard