MESSAĠĠ VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-IKEL 2020

[FAO, 16  ta’ Ottubru 2020]

 Lill-Eċċellenza Tiegħu
is-Sur QU DONGUY
Direttur Ġenerali tal-FAO

Fil-jum li fih il-Fao qed tiċċelebra l- 75° anniversarju tat-twaqqif tagħha, nixtieq insellem lilek u lill-membri tal-organizzazzjoni. Il-missjoni tal-FAO hija sabiħa u meħtieġa, għaliex intom taħdmu bil-għan li tegħilbu l-ġuħ, in-nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel, u n-nuqqas ta’ ikel biżżejjed.

Il-tema proposta din is-sena għall-Jum Dinji tal-Ikel għandha sinifikat kbir: «Nikkultivaw, nitimgħu, nippreservaw», u din «Flimkien. L-azzjonijiet tagħna huma l-futur tagħna». Din it-tema tenfasizza l-ħtieġa li naħdmu flimkien u b’rieda soda biex niġġeneraw inizjattivi li jtejbu l-ambjent ta’ madwarna u li jagħtu tama lil ħafna nies u lil ħafna popli.

Matul dawn il- 75 sena, il-FAO tgħallmet li mhux biżżejjed li nipproduċu l-ikel, imma huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li s-sistemi tal-ikel ikunu sostenibbli u li joffru dieti tajbin għas-saħħa u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Jeħtieġ nadottaw soluzzjonijiet ġodda li jistgħu jibdlu l-mod ta’ kif nipproduċu u nikkunsmaw l-ikel għall-ġid tal-komunitajiet tagħna u tad-dinja, u hekk insaħħu l-kapaċità ta’ reżiljenza u ta’ sostenibilità.

Għalhekk, f’dan iż-żmien ta’ diffikultà kbira kkawżat mill-imxija tal-Covid-19, huwa saħansitra iktar meħtieġ li nagħtu appoġġ lil dawk l-inizjattivi li qed isiru minn organizzazzjonijiet bħalma huma l-FAO, il-World Food Programme (WFP) u l-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (FIDA) bl-iskop li jippromwovi biedja sostenibbli u diversifikata, li jgħin komunitajiet żgħar ta’ biedja, u li jgħin fl-iżvilupp rurali tal-iktar pajjiżi fqar.

Ninsabu konxji li din l-isfida rridu nwieġbu għaliha fi żmien mimli kontradizzjonijiet:  min-naħa l-waħda qed naraw progress li qatt ma rajna bħalu f’diversi oqsma tax-xjenza, u min-naħa l-oħra d-dinja qed tħabbat wiċċha ma’ diversi kriżijiet umanitarji.  Sfortunatament, nafu li, skont l-istatistiċi l-iktar riċenti tal-FAO, minkejja l-isforzi kollha li saru fl-aħħar għexieren ta’ snin, in-numru ta’ nies li qed jiġġieldu kontra l-ġuħ u n-nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel qed jikber, u l-pandemija li qed ngħixu, se ġġib l-affarijiet agħar milli huma.

Għall-umanità, il-ġuħ mhuwiex biss traġedja, imma huwa tal-mistħija. Fil-biċċa l-kbira, il-ġuħ hu kkawżat minn distribuzzjoni ħażina tal-frott li tagħti l-art, u dan minbarra nuqqas ta’ investiment fis-settur tal-biedja, il-konsegwenzi tat-tibdil tal-klima u ż-żjieda tal-ġlied f’diversi nħawi tad-dinja. Min-naħa l-oħra qed jintremew tunellati ta’ ikel. Quddiem din ir-rejaltà, ma nistgħux nibqgħu insensittivi jew iċċassati. Aħna lkoll responsabbli.

Il-kriżi tal-lum turina li neħtieġu politika u azzjonijiet konkreti biex neqirdu mill-għeruq il-ġuħ fid-dinja. Kultant id-diskussjonijiet idejoloġiċi jbegħduna milli nilħqu dan l-għan, filwaqt li nħallu lil dawn ħutna jkomplu jmutu minħabba nuqqas ta’ ikel. Taf tkun deċiżjoni kuraġġuża dik li, l-flus li qed jintużaw fl-armi u fil-gwerer, jintużaw biex jibnu «Fond dinji » biex jinqered il-ġuħ darba għal dejjem, u biex jgħin fl-iżvilupp tal-pajjiżi l-iktar fqar. B’dan il-mod jistgħu jiġu evitati ħafna gwerer, kif ukoll l-emigrazzjoni ta’ tant minn ħutna li jitilqu lill-familji tagħhom, lid-dar tagħhom u lil pajjiżhom biex ifittxu ħajja aktar dinjituża. (cfr. Fratelli tutti , n. 189 e 262).

Sur Direttur Ġenerali, filwaqt li nwassal l-awguri tiegħi sabiex il-ħidma tal-FAO tkun dejjem iktar inċisiva u produttiva, nitlob il-Barka ta’ Alla fuqek u fuq dawk kollha li jikkoperaw f’din il-missjoni fundamentali tal-kultivazzjoni tal-art, li titma’ lil min hu bil-ġuħ u li tħares ir-riżorsi naturali, b’tali mod li lkoll nistgħu ngħixu b’dinjità, b’rispett u b’imħabba. Grazzi ħafna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.