MESSAĠĠ VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-GĦAXAR EDIZZJONI TAL-
FESTIVAL TAD-DUTTRINA SOĊJALI TAL-KNISJA BIT-TEMA
"MEMORJA TAL-ĠEJJIENI"

[Verona, 26-29 Novembru 2020]

 

Insellem bil-qalb lill-Isqof u lilkom ilkoll li qegħdin tieħdu sehem, ġo Verona u fi bliet oħrajn taljani  magħqudin permezz tal-internet, f’dan il-Festival tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja li, bil-metodoloġija krejattiva tagħha, tixtieq li jkun hemm dibattitu bejn suġġetti differenti minħabba s-sensibilità u l-azzjoni tagħhom, iżda li għandhom għan wieħed li jibnu l-ġid komuni.

Din is-sena dan il-festival hu differenti mis-soltu, għaliex għadna maħkumin mill-pandemija, xi ħaġa li ġġib magħha diffikultajiet kif ukoll feriti kemm personali kif ukoll soċjali.

U hija edizzjoni kemmxejn differenti mis-soltu anke għaliex, għall-ewwel darba, Don Adriano Vincenzi mhuwiex magħkom biex isostni dan il-mument ta’ formazzjoni li issa wasal fl-għaxar edizzjoni tiegħu. U rridu niftakruh fil-karatteristika li kienet tiddistingwih fis-servizz tiegħu, bi kliem li jaqblu ma’ dak li jiena ktibt fl-aħħar Enċiklika tiegħi Fratelli tutti: «Hija xi ħaġa nobbli ħafna li tkun kapaċi li tibda ħidma li l-frott tagħha se jinġabar minn ħaddieħor, u tqiegħed it-tama fil-qawwa moħbija tal-ġid li jinżara» (n. 196).

Din is-sena t-tema li għażiltu hija Memorja tal-ġejjieni. Din tidher kemmxejn stramba, imma hija krejattiva: “Memorja tal-ġejjieni”.  Tistedinna biex ikollna dak l-atteġġament krejattiv li nistgħu ngħidu li qed “niffrekwentaw il-ġejjieni”. Għalina l-insara, il-ġejjieni għandu isem, u dan l-isem hu tama. It-tama hija l-virtù ta’ dik il-qalb li ma tingħalaqx fid-dlam, li ma tieqafx f’dak li għadda, li ma tixjieħx fil-preżent, imma li taf tara l-jum ta’ għada. Għalina l-insara, xi jfisser għada?  Hija l-ħajja mifdija, hija l-ferħ tad-don tal-laqgħa mal-Imħabba Trinitarja. F’dan is-sens li nkunu Knisja ifisser li jkollna ħarsa u qalb krejattivi u orjentati lejn il-ħajja ta’ dejjem bla ma nċedu għat-tentazzjoni tan-nostaliġija, li hija tabilħaqq marda spiritwali.

Wieħed ħassieb russu, Vjačeslav Ivanovič Ivanov, jgħid li jeżisti biss dak li Alla jiftakar. Għal din ir-raġuni, id-dinamika tan-nisrani mhijiex dik li joqgħod jiftakar l-imgħoddi b’nostaliġija, imma li jidħol fil-memorja eterna tal-Missier; u dan hu possibbli biss jekk ngħixu ħajja ta’ imħabba. Għalhekk mhux iżjed in-nostalġija li timblokka l-krejattività u tagħmilna persuni riġidi u idejoloġiċi anke fil-qasam soċjali, politiku u fil-Knisja; imma l-memorja li hi hekk marbuta mal-imħabba u mal-esperjenza għax hija waħda mid-dimensjonijiet l-iktar profondi tal-persuna umana.

Ilkoll kemm aħna ġejna mnisslin fil-Ħajja tal-Magħmudija. Ingħatajna d-don tal-ħajja li hi komunjoni ma’ Alla, flimkien mal-oħrajn u anke mal-ħolqien. Għalhekk aħna msejħin biex ngħixu ħajja ta’ komunjoni ma’ Alla, jiġifieri fl-intimità tat-talb fil-preżenza tal-Mulej; fl-imħabba għan-nies li niltaqgħu magħhom, jiġifieri fil-karità; u fl-aħħarnett fil-konfront ta’ ommna l-art, u dan juri proċess ta’ trasfigurazzjoni tad-dinja. U l-ħajja li ngħatajna bħala don hi l-istess ħajja ta’ Kristu, u aħna ma nistgħux ngħixu  bħala nies li nemmnu jekk ma nurux li fina hemm l-istess ħajja tiegħu. Imlaqqmin fil-ħajja tal-Imħabba trinitarja nsiru kapaċi li jkollna memorja, il-memorja ta’Alla.  U dak biss li hu imħabba ma jaqax fix-xejn, għax isib ir-raġuni vera tal-eżistenza tiegħu fl-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. F’dan is-sens, il-ħajja kollha tagħna għandha tkun b’xi mod qisha liturġija, memorja għal dejjem tal-Għid ta’ Kristu.

Allura din hija t-tifsira tal-Festival ta’ din is-sena: ngħixu l-memorja tal-ġejjieni tfisser li nimpenjaw ruħna sabiex il-Knisja, il-poplu kbir ta’Alla (cfr Lumen gentium, 6) tkun il-bidu u ż-żerriegħa tas-saltna t’Alla. Ngħixu bħala nies li nemmnu mgħaddsin fis-soċjetà, filwaqt li nuru l-ħajja ta’Alla li ingħatajna bħala don fil-Magħmudija, biex tista’ tagħmel memorja minn issa ta’ dik il-ħajja futura li fiha se nkunu flimkien quddiem il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Dan l-atteġġament jgħinna negħilbu t-tentazzjoni li ngħixu fil-ħolm, u li nċekknu x-xandir tal-Vanġelu bħala aħbar soċjoloġika jew li ninqabdu mill-“marketing” ta’ diversi tejoriji ekonomiċi jew ta’ gruppi politiċi.

Fid-dinja bil-qawwa u bil-krejattività tal-ħajja ta’ Alla fina. Hekk biss jirnexxielna li ndawru l-qlub u l-ħarsa tan-nies għall-Vanġelu ta’ Ġesù, aħna ngħinuhom jagħmlu proġetti ta’ ekonomija ġdida inklussiva, u ta’ politika li kapaċi tħobb.

Kelma għal dawk li għandhom sehem fil-ħajja soċjali, miġburin fl-okkażjoni tal-Fesival: lin-neguzjanti, lill-professjonisti, lir-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet, tal-koperattivi, tal-ekonomija u tal-kultura: komplu impenjaw ruħkom billi timxu fit-triq  li beda Don Adriano Vincenzi, biex ikollkom iktar għarfien u formazzjoni tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Kunu bennejja ta’ pontijiet: dawk li qed jiltaqgħu hawn jalla ma jsibux ħitan, imma uċuħ...

U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.